Il-Papa f’Santa Marta: Nitolbu lil Missierna

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis, 20 ta’ Ġunju 2013: M’hemmx bżonn ta’ ħela ta’ ħafna kliem biex titlob: il-Mulej jaf dak li rridu ngħidulu. L-importanti hu li l-ewwel kelma tat-talba tagħna tkun ‘Missier’. Huwa l-parir ta’ Ġesù lill-appostli dak rilanċjat mill-Papa Franġisku dalgħodu, il-Ħamis 20 ta’ Ġunju 2013, waqt il-quddiesa fil-kappella tad-Domus Sanctæ Marthæ, presjeduta mill-Qdusija Tiegħu u kkonċelebrata, fost l-oħrajn, mill-Kardinal Zenon Grocholewski, Prefett tal-Kongregazzjoni għall-Edukazzjoni Kattolika, li kien qed jakkumpanja grupp ta’ kollaboraturi tad-dikasteru.

Il-Papa tenna r-rakkomandazzjonijiet ta’ Ġesù fil-waqt li fih għallem il-‘Missierna’ lill-appostli, skont ir-rakkont tal-evanġelista San Mattew (6, 7-15). Fis-sustanza, biex titlob, qal il-Papa, m’hemmx bżonn tagħmel storbju u lanqas ma taħseb li jkun aħjar li taħli ruxxmata paroli. M’hemmx bżonn li tiddependi fuq l-istorbju, fuq l-istorbju tal-mondanità individwata minn Ġesù f’li tara li ddoqq it-trumbetta jew f’dik is-sentenza li turi l-jum tas-sawm. Biex titlob, irrepeta l-Papa, m’hemmx bżonn l-istorbju tal-vanità: Ġesù qal li din hija mġiba proprju tal-pagani.

Il-Papa Franġisku mar ukoll lil hemm minn dan, billi stqarr li t-talb m’għandux ikun meqjus bħala xi formola maġika.  Huwa sostna li t-talb mhux xi ħaġa maġika; ma jsirux sħarijiet bit-talb. Waqt li rrakkonta, kif spiss jagħmel, l-esperjenza personali tiegħu, qal li hu qatt ma rrikorra għand sħaħar li jwiegħdu l-maġija imma li hu sar jaf xi jseħħ f’laqgħat ta’ dan it-tip: jaħlu tant paroli biex jiksbu issa l-fejqan, issa xi ħaġa oħra bl-għajnuna tal-maġija. Imma wissa li dan huwa pagan.

Allura kif għandek titlob? Huwa Ġesù li għallimhulna dan.  Huwa jgħid: ‘Il-Missier li jinsab fis-smewwiet jaf x’għandkom bżonn, qabel ma intom titolbuhulu.’  Mela l-ewwel kelma għandha tkun ‘Missier.’ Din hija ċ-ċavetta tat-talb. Bla ma tgħid, bla ma tisma’ din il-kelma, ma tistax titlob, spjega l-Isqof ta’ Ruma. U staqsa lilu nnifsu: Lil min nitlob? Lil Alla Omnipotenti? Jinsab wisq ‘il bogħod, jien dan ma nisimgħux. Ġesù lanqas kien jisimgħu. Lil min nitlob? Lil Alla kożmiku? Ftit tal-moda f’dawn il-jiem, le? Nitlob lil Alla kożmiku. Din hi l-moda politeista li qed tasal ma’ kultura superfiċjali.

Hemm bżonn li minflok nitolbu lill-Missier, dak li ġġenerana. Imma mhux biss: hemm bżonn li nitolbu lil Missierna, jiġifieri mhux il-Missier ta’ xi ‘kulħadd’ ġeneriku u anonimu żżejjed, imma dak li ġgenerak, li tak ħajtek, lilek, lili, bħala persuna singola, spjega l-Papa. Huwa l-Missier li jakkumpanjak fil-mixja tiegħek, dak li jaf ħajtek kollha, kollha; dak li jaf dak li huwa tajjeb għalik u dak li ma tantx hu tajjeb. Imma mhux biżżejjed.  Huwa sostna li jekk ma nibdewx it-talb b’din il-kelma – mhux migħuda b’xufftejna, imma migħuda b’qalbna – ma nistgħux nitolbu bħala Nsara.

U biex jispjega iktar aħjar is-sens tal-kelma ‘Missier’, il-Papa reġa’ ppropona l-atteġġjament fiduċjuż li bih Iżakk – dan it-tfajjel ta’ tnejn u għoxrin sena ma kienx xi iblah, sostna l-Papa – idur fuq missieru meta jintebaħ li m’hemmx ħaruf x’jiġi ssagrifikat u jitwieled fih is-suspett li kien hu stess il-vittma sagrifikali. Ried jagħmel il-mistoqsija u l-Bibbja tgħidilna li hu qal: ‘Missier, jonqos il-ħaruf.’ Imma fada f’dak li kien hemm wieqaf ħdejh. Kien missieru. Il-preokkupazzjoni tiegħu, jiġifieri, ‘Ma nagħmlux mod li huwa jien il-ħaruf?’, tefagħha fil-qalb ta’ missieru.

Huwa dan ukoll li jseħħ fil-parabbola tal-iben li jxerred l-eredità imma mbagħad jerġa’ lura d-dar u jgħid: ‘Missier dnibt.’ Hija ċ-ċavetta ta’ kull talba: inħossuna maħbubin mill-Missier; u aħna għandna Missier ferm qrib tagħna, li jħaddanna miegħu u li nistgħu nħallu l-inkwiet kollu tagħna għalih għaliex huwa jaf dak kollu li ninħtieġu.

Imma, kompla jistaqsi l-Papa, huwa missier tiegħi biss? Franġisku wieġeb li le, imma huwa Missierna, għaliex jien m’iniex tifel uniku. Ħadd minna mhu. Jekk jien ma nistax inkun ħu, diffiċilment li nista’ nsir iben dan il-Missier, għaliex huwa sikur Missieri, imma huwa wkoll tal-oħrajn, ta’ ħuti. Minn dan, kompla jgħid il-Papa, joħroġ li jekk jien m’iniex paċi ma’ ħuti, ma nistax ngħidlu Missieri. U għalhekk wieħed jispjega kif Ġesù, wara li għallimna l-Missierna, jgħid minnufih: ‘Infatti, jekk intom taħfru lill-oħrajn ħtijiethom, Missierkom li huwa fis-sema jaħfrilkom ukoll; imma jekk intom ma taħfrux lill-oħrajn, lanqas il-Missier ma jaħfrilkom ħtijietkom.’

Tidħol fin-nofs il-maħfra. Imma huwa ferm diffiċli li naħfru lill-oħrajn, irrepeta l-Qdusija Tiegħu; huwa diffiċli tassew, għaliex aħna ġewwa fina nġorru dejjem id-dispjaċir għal dak li jkunu għamlulna, għat-tort li sofrejna. Ma nistgħux nitolbu waqt li nżommu f’qalbna riżentiment għall-għedewwa tagħna. Dan, sostna l-Papa, huwa diffiċli. Iva, huwa diffiċli; mhux faċli. Imma, ikkonkluda, Ġesù wegħedna l-Ispirtu s-Santu. Huwa hu li jgħallimna minn ġewwa, mill-qalb, kif ngħidu ‘Missier’ u kif ngħidu  ‘tagħna’ u kif ngħidulu waqt li nagħmlu paċi mal-għedewwa kollha tagħna.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb


Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading