Il-Papa f’Santa Marta: Tfittxija għall-veru teżor

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa, 21 ta’ Ġunju 2013: L-imħabba, il-karità, is-servizz, is-sabar, it-tjubija, it-tenerezza huma l-isbaħ teżori li dwarhom tkellem il-Papa Franġisku dalgħodu, il-Ġimgħa 21 ta’ Ġunju 2013, waqt il-quddiesa fil-kappella tad-Domus Sanctæ Marthæ. Huwa kkonċelebra ma’, fost l-oħrajn, il-Kardinal Francesco Coccopalmerio, President tal-Kunsill Pontifiċju għat-Testi Leġislattivi, li kien qed jakkumpanja grupp ta’ uffiċjali u kollaboraturi tad-dikasteru. Fost il-preżenti kien hemm ukoll grupp mill-bażilika ta’ San Ġwann Lateran.

Bħas-soltu, il-Papa ddedika r-riflessjoni tiegħu fuq il-qari tal-jum, waqt li pponta b’mod partikolari għas-silta tal-Evanġelju ta’ San Mattew (6, 19-23) li tagħti spunt bejn it-termini ‘teżor’, ‘qalb’ u ‘dawl’ u awspika li l-Mulej ibiddlilna qalbna biex infittxu l-veru teżor u hekk insiru persuni mdawla u mhux tad-dlam.

L-ewwel ħaġa li rridu nagħmlu, spjega l-Qdusija Tiegħu, hija li nistaqsu lilna nfusna: Liema hu t-teżor tiegħi? U bla ebda dubju ma jistgħux ikunu r-rikkezzi, meta wieħed iqis li l-Mulej jgħid: ‘Tgeddsux għalikom teżori fuq din l-art, għaliex dawn fl-aħħar mill-aħħar jintilfu.’ Mill-bqija, insista l-Papa, dawn huma teżori riskjużi, li jintilfu; u huma wkoll teżori li rridu nħalluhom, ma nistgħux neħduhom magħna. Huwa kkummenta li qatt ma ra trakk tal-ġarr wara korteo ta’ funeral.  Allura huwa staqsa liema hu t-teżor li nistgħu neħduh magħna wara x-xogħol tagħna fuq din l-art. It-tweġiba kienet sempliċi: tista’ tieħu dak li tajt.  Dak biss. Imma dak li żammejt għalik, ma tistax tieħdu. Huma ħwejjeġ li jistgħu jinsterqu mill-ħallelin, jew ħwejjeġ li jittieħdu mill-werrieta. Waqt li dak it-teżor li tajna lill-oħrajn matul ħajjitna, dak neħduh magħna wara mewtna u dak ikun il-mertu tagħna; jew aħjar, ippuntwalizza l-Qdusija Tiegħu, il-mertu ta’ Ġesù Kristu fina.  Ukoll għaliex hija l-unika ħaġa li l-Mulej iħallina nieħdu. Dan qalu b’mod l-iktar ċar l-istess Ġesù lid-dutturi tal-liġi li kienu jiddandnu bis-sbuħija tat-tempju ta’ Ġerusalemm: ‘Ma jibqax ġebla fuq ġebla.’ Dan jgħodd ukoll għat-teżori tagħna, dawk li jiddependu fuq ir-rikkezzi, mill-poter uman.

Imma Gesù, innota l-Papa, ma jillimitax ruħu għall-kritika; imur pass ’il quddiem u jżid: ‘Fejn hu t-teżor tiegħek, hemm tkun ukoll qalbek.’ Imissna nikkonsidraw li l-Mulej għamilna biex infittxuh, biex insibuh, biex nikbru. Imma jekk it-teżor tagħna mhux qrib il-Mulej, qalbna ma tibqax kwieta. Dan ma jiġix mill-Mulej.  Per eżempju, hawn tant nies –  aħna wkoll – inkwetati, qal il-Papa, biex ikollhom jew biex jaslu għal xi ħaġa. U fl-aħħar il-qalb tagħna tegħja, titgħażżen, issir qalb mingħajr imħabba. Din hija dik li l-Papa ddefinixxa b’immaġni effikaċi: l-għeja tal-qalb. Ejjew naħsbu: Jien x’għandi: Qalb għajjiena li trid biss tissistema ruħha bi tlieta jew erba’ ħwejjeġ, b’kont sabiħ fil-bank? Jew għandi qalb inkwetata, li dejjem tfittex iktar l-affarijiet tal-Mulej? Minn hawn l-istedina biex nieħdu ħsieb dejjem ta’ din l-inkwetudni tal-qalb. Għaliex waħedna ftit li xejn nistgħu nagħmlu; irid ikun il-Mulej li jgħinna, hu li wegħidna: ‘Jien nagħmel minn qalbkom tal-ġebel qalb tal-laħam, qalb umana.’ U billi din hija wegħda tal-Mulej, aħna nistgħu nitolbuh il-grazzja: ‘Mulej biddilli qalbi.’ Mill-banda l-oħra, il-Papa Franġisku wissa li l-Mulej ma jista’ jagħmel xejn kemm-il darba qalbi hija marbuta ma’ teżor terren, ma’ teżor egoist, ma’ teżor tal-mibegħda, wieħed minn dawk it-teżori li minnhom jiġu l-gwerer.

L-aħħar parti tar-riflessjoni ta’ Ġesù tmur għall-espressjoni: ‘il-lampa tal-ġisem hija l-għajn’, jew aħjar ‘l-għajn hija l-intenzjoni tal-qalb’. Bħala konsegwenza, għall-Papa, jekk għajnek hija sempliċi, ġejja minn qalb li tħobb, minn qalb li tfittex lill-Mulej, minn qalb umli, ġismek kollu jkun jixħet id-dawl. Imma jekk għajnek hija ħażina, ġismek kollu jkun imdallam. Għal dan il-Qdusija Tiegħu talab lil dawk preżenti x’inhu l-ħaqq tagħna fuq l-affarijiet: imdawwal jew mudlam? Aħna persuni tad-dawl jew tad-dlam? L-importanti hu kif niġġudikaw l-affarijiet: bid-dawl li jiġi mit-teżor veru ġewwa qalbna, jew bid-dlam ta’ qalb tal-ġebel. Il-Papa qal li t-tweġiba tista’ tiġi mix-xiehda ta’ San Alwiġi Gonzaga, il-Ġiżwita żagħżugħ li proprju f’dak il-jum kienet taħbat it-tifkira liturġika tiegħu, filwaqt li stieden biex nitolbu l-grazzja ta’ qalb ġdida lil dan it-tfajjel qalbieni, li qatt ma qagħad lura mis-servizzi lill-oħrajn, tant li kien lest jagħti ħajtu biex jikkura l-lebbrużi.

Hekk hu allura l-eżortazzjoni tal-Qdusija Tiegħu li fit-talb tagħna nitolbu lill-Mulej jibdlilna qalbna;  u li dawk il-biċċiet kollha ta’ qalbna li huma tal-ġebel, il-Mulej jagħmilhom umani, b’dik l-ansjetà tajba li ngħaddu ’l quddiem infittxu lilu u li nħallu lilna nfusna niġu mfittxija minnu. Għaliex, ikkonkluda l-Papa Franġisku, il-Mulej biss jista’ jsalvana mit-teżori li ma jistgħux jgħinuna fil-laqgħa miegħu, fis-servizz lill-oħrajn.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb


Leave a Reply

%d bloggers like this: