Il-Papa f’Santa Marta: Il-grazzja tal-ferħ u tal-ġenerożità

Print Friendly, PDF & Email

L-Erbgħa, 19 ta’ Ġunju 2013: ‘Intellettwali mingħajr talent’, ‘etiċi mingħajr tjubija’, ‘possessuri ta’ sbuħija ta’ mużew’: huma dawn il-kategoriji li Ġesù tant iċanfar. Dawn indikahom il-Papa Franġisku fil-quddiesa ta’ dalgħodu, l-Erbgħa 19 ta’ Ġunju 2013, fil-kappella tad-Domus Sanctæ Marthæ, waqt li waqaf fuq l-ipokresija li hemm ukoll fil-Knisja u fuq il-ħażen li din tipproduċi. Miegħu kkonċelebraw, fost l-oħrajn, il-Kardinal Marc Ouellet, Prefett tal-Kongregazzjoni għall-Isqfijiet, u l-Arċisqof  Vincenzo Paglia, President tal-Kunsill Pontifiċju għall-Familja, li akkumpanjaw żewġ gruppi ta’ uffiċjali u kollaboraturi tad-dikasteri rispettivi.

Fl-omelija l-Papa fakkar li fl-Evanġelju l-Mulej jitkellem diversi drabi dwar l-ipokresija u kontra l-ipokriti, waqt li elenka t-tliet episodji l-iktar sinifikattivi. L-ewwel episodju kien meta l-fariżej riedu jippruvaw lil Ġesù billi staqsewh  jekk kienx sew li jħallsu t-taxxi lil Ċesri (Mattew 22, 15-22); it-tieni episodju kien meta s-saduċej ressqulu l-każ tal-mara armla seba’ darbiet (Mattew22, 24-30). Minn dawn l-ewwel episodji toħroġ għall-Papa kategorija speċifika ta’ ipokriti: dawk li jinxteħtu fit-triq tal-każistika u b’dan il-mod riedu jdaħħlu lil Ġesù f’nassa.

It-tielet darba li fiha jirreferi għall-ipokriti – b’mod ‘ferm iktar qawwi’, innota l-Qdusija Tiegħu – huwa fil-kapitlu 23 tal-Evanġelju ta’ San Mattew meta Kristu jdur fuq l-iskribi u l-fariżej b’revoka li l-Papa ġabar hekk: ‘Ipokriti intom li ma tidħlux fir-renju tas-sema u ma tħallux lill-oħrajn jidħlu; ipokriti intom li tkabbru l-filatteriji u ttawlu l-ġmiemen.’ Għall-Papa Franġisku din it-tipoloġija ta’ ipokriti tidħol fit-tieni kategorija: dik ta’ dawk li jmorru fit-triq tal-preċetti, permezz ta’ tant preċetti li minħabba fihom il-kelma ta’ Alla ma tidhirx fertili; u kif ukoll fit-triq tal-vanità, dik tal-filatteriji u tal-ġmiemen. Huwa kkummenta li dawn isiru vanitużi u jispiċċaw biex jirrendu ruħhom redikoli.

Filwaqt li ġabar ħsibijietu fil-qosor, il-Qdusija Tiegħu tenna li tal-ewwel huma l-ipokriti tal-każistika. Huma intellettwali tal-każistika, li m’għandhomx l-intelliġenza li jiskopru, li jispjegaw lil Alla.  Jibqgħu biss fil-każistika: s’hawn jistgħu, s’hawn ma jistgħux. Skont il-Papa, dawn huma Nsara intellettwali mingħajr talent. Tat-tieni, mill-banda l-oħra, huma dawk tal-preċetti, li jwasslu lill-poplu ta’ Alla fi triq li ma tinfidx. Huma etiċisti mingħajr tjubija. Ma jafux x’inhi tjubija. Huma etiċisti: trid tagħmel dan, dan u dan…. Jimlew bil-preċetti imma mingħajr tjubija. Jiżżejnu bi drappijiet, tant affarijiet, biex taparsi jidhru maestużi, perfetti.  U madankollu m’għandhomx sens ta’ sbuħija. Jaslu biss sas-sbuħija tal-mużewijiet.

Imma, wissa l-Papa Franġisku, l-istorja ma tintemmx. U fl-Evanġelju tal-jum (Mattew 6, 1-6, 16-18) il-Mulej tkellem dwar klassi oħra ta’ ipokriti: dawk li jimxu fuq is-sagru. Il-Papa wissa li dan il-każ huwa l-iktar gravi għax imiss mad-dnub kontra l-Ispirtu s-Santu. Huwa qal li l-Mulej jitkellem dwar is-sawm, dwar it-talb u dwar il-karità: it-tliet pilastri tal-ħniena nisranija, tal-konverżjoni interjuri li l-Knisja tipproponilna lkoll fir-Randan. U f’din it-triq hemm l-ipokriti li jiftaħru li jsumu, li jagħmlu karità, li jitolbu. Hawnhekk il-Qdusija Tiegħu stqarr li hu jaħseb li meta l-ipokresija fir-relazzjoni ma’ Alla tasal f’dak il-punt, inkunu ferm qrib id-dnub kontra l-Ispirtu s-Santu. Dawn ma jafux bi sbuħija, dawn ma jafux bi mħabba, dawn ma jafux b’verità; huma ċkejknin, vili.

Madankollu mhux kollox huwa mitluf. Għajnuna biex tinqabad it-triq kuntrarja tiġi minn dak li jgħid Pawlu fl-ewwel qari (2 Korintin 9, 6-11). L-appostlu infatti, kompla l-Qdusija Tiegħu, ikellimna dwar wisa’, dwar ferħ. Aħna lkoll nistgħu nċedu għat-tentazzjoni tal-ipokresija. Ilkoll. L-insara kollha. Imma wkoll ilkoll għandna l-grazzja li tiġi minn Ġesù Kristu, il-grazzja tal-ferħ, il-grazzja tal-ġenerożità, il-grazzja tal-wisa’. Mela, jekk l-ipokrita ma jafx x’inhu ferħ, ma jafx x’inhi wisa’, ma jafx x’inhi ġenerożità, Pawlu jindikalna triq alternattiva magħmula proprju minn ferħ, minn wisa’, minn ġenerożità.

Minn hawn is-sejħa tal-Papa Franġisku kontra l-ipokresija fil-Knisja.  Huwa stqarr li din tagħmel ħażin lil kulħadd! Ukoll għaliex ilkoll għandna l-possibiltà li nsiru ipokriti. Għalhekk il-Papa stieden biex naħsbu dwar Ġesù, li jkellimna biex nitolbu fil-moħbi, li nfewħu rasna f’jum is-sawm u li ma nġegħlux li tindaqq it-trumbetta meta nwettqu opri tajba. Hawn irrefera għall-parabbola ta’ Ġesù rrappurtata fl-Evanġelju ta’ San Luqa (18, 9-14), u stqarr li għandha tagħmlilna tant tajjeb dik l-ikona tant sabiħa tal-pubblikan: ‘Ikollok ħniena minni Mulej, jien midneb.’ U kompla li din hija t-talba li jmissna nagħmlu kuljum, fl-għarfien li aħna midinbin, imma bi dnubiet konkreti mhux teoretiċi.

Fl-istess parabbola, wara kollox, hemm atteġġjament ieħor li għandu jkun evitat, dak tal-fariżew: ‘Imma Mulej, jien nagħmel dan, jien f’dik l-assoċjazzjoni…’ Dan mhux  floku. Għall-kuntrarju. Il-Papa kkonkluda li għandna nitolbu lill-Mulej li jsalvana minn kull ipokresija u jagħtina l-grazzja tal-imħabba, tal-wisa’, tal-ġenerożità u tal-ferħ.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb


Leave a Reply

%d bloggers like this: