Il-Knisja: Isqfijiet, Presbiteri u Djakni

Print Friendly, PDF & Email

14. Katekeżi dwar il-Knisja mill-Papa Franġisku. 12 ta’ Novembru 2014

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba,

Fil-katekeżi li għaddiet rajna kif il-Mulej jissokta jirgħa l-merħla tiegħu permezz tal-ministeru ta’ l-isqfijiet, megħjuna mill-presbiteri u d-djakni. Fihom Ġesù jagħmel ruħu preżenti, bil-qawwa ta’ l-Ispirtu tiegħu, u jissokta jaqdi lill-Knisja, billi jqawwi fiha l-fidi, it-tama u x-xhieda tal-karità. Dawn il-ministeri għalhekk huma don kbir tal-Mulej lil kull komunità Nisranija u lill-Knisja kollha, għax huma sinjal ħaj tal-preżenza tiegħu u ta’ mħabbtu.

Il-lum nixtiequ nistaqsu: X’inhu mitlub minn dawn il-ministri tal-Knisja, biex jistgħu jgħixu s-servizz tagħhom b’mod awtentiku u li jħalli l-frott?

1. Fl-“Ittri pastorali” li bagħat lid-dixxipli tiegħu Timotju u Titu, l-Appostlu Pawlu jieqaf jitkellem bir-reqqa kollha fuq il-figura ta’ l-isqfijiet, tal-presbiteri u tad-djakni, – anki l-figura tal-fidili, ta’ l-anzjani, taż-żgħażagħ. Jieqaf ifisser kif għandu jkun kull Nisrani fil-Knisja, u għall-isqfijiet, il-presbiteri u d-djakni jelenka dak li għalih huma msejħin u l-prerogattivi li minnhom għandhom jingħarfu dawk li jiġu magħżula u mlibbsa b’dawn il-ministeri. Hu sinifikattiv ħafna kif hawn, flimkien mad-doni li jappartienu lill-fidi u l-ħajja spiritwali – li ma jistgħux jiġu ttraskurati, għax huma l-ħajja nfisha –, jiġu elenkati xi kwalitajiet tassew umani: l-akkoljenza, is-sobrjetà, is-sabar, il-ħlewwa, l-affidabbiltà, il-qalb tajba. Dan hu l-alfabett, il-grammatika bażilari ta’ kull ministeru! Għandha tkun il-grammatika bażilari ta’ kull isqof, kull saċerdot, kull djaknu. Iva, għax mingħajr din il-predispożizzjoni sabiħa u ġenwina biex niltaqgħu, insiru nafu, niddjalogaw, napprezzaw u nagħmluha ma’ ħutna b’mod rispettuż u sinċier, m’hux possibbli noffru servizz u xhieda tassew hienja u kredibbli.

2. Imbagħad hemm atteġġjament ieħor bażiku li Pawlu jirrikkmanda lid-dixxipli tiegħu u, kosegwentement, lil dawk kollha li jiġu mlibbsa bil-ministeru pastorali, kemm jekk huma isqfijiet, saċerdoti, presbiteri jew djakni. L-Appostlu jsejħilhom biex iġeddu kontinwament id-don li rċevew (ara 1 Tim 4:14; 2 Tim 1:6). Dan ifisser li għandhom dejjem iżommu ħaj fihom l-għarfien li m’humiex isqfijiet, saċerdoti u djakni għax huma iżjed intelliġenti, aktar bravi u aqwa mill-oħrajn, imma biss għax ġew mogħtija don, don ta’ mħabba minn għand Alla, bil-qawwa ta’ l-Ispirtu tiegħu, għall-ġid tal-poplu tiegħu. Dan l-għarfien hu tabilħaqq importanti u hu grazzja li għandna nitolbu ta’ kuljum! Fil-fatt, Ragħaj li jaf li l-ministeru tiegħu ħiereġ biss mill-ħniena u l-qalb ta’ Alla, qatt ma jista’ jkollu atteġġjament awtoritarju, bħallikieku kulħadd kien taħt saqajh u l-komunità kienet xi propjetà tiegħu, is-saltna personali tiegħu.

3. L-għarfien li kollox hu don, kollox grazzja, jgħin lir-Ragħaj anki biex ma jaqax fit-tentazzjoni li jpoġġi lilu nnifsu fiċ-ċentru ta’ l-attenzjoni u jafda biss fih innifsu. Huma t-tentazzjonijiet tal-vanità, tal-kburija, tas-suffiċjenza, tas-suppervja. Ħażin għalih l-isqof, is-saċerdot jew id-djaknu li jaħseb li jaf kollox, li għandu r-risposta t-tajba għal kull ħaġa u li m’għandu bżonn ta’ ħadd. Bil-kontra, meta hu konxju li hu l-ewwel wieħed li jgawdi mill-ħniena u l-kompassjoni ta’ Alla, dan iwassal lill-ministru tal-Knisja biex dejjem ikun iżjed umli u jifhem lill-oħrajn. Anki jekk jaf li hu msejjaħ iħares bil-kuraġġ id-depożitu tal-fidi (ara 1 Tim 6:20), hu jaf jisma’ lin-nies. Fil-fatt, jaf li dejjem għandu x’jitgħallem, anki minn dawk li jafu jkunu għadhom imbiegħda mill-fidi u mill-Knisja. Ma’ ħutu l-oħra fis-saċerdozju, imbagħad, dan kollu għandu jwasslu biex ikollu atteġġjament ġdid, immarkat minn sens ta’ qsim ma’ l-oħrajn, minn responsabbiltà maqsuma ma’ l-oħrajn u mill-komunjoni.

Għeżież ħbieb, irridu dejjem inkunu grati lejn il-Mulej, għax fil-persuna u fil-ministeru ta’ l-isqfijiet, tas-saċerdoti u tad-djakni hu jkompli jmexxi u jifforma lill-Knisja tiegħu, ikabbarha fit-triq tal-qdusija. Fl-istess ħin, irridu nkomplu nitolbu biex ir-Rgħajja tal-komunitajiet tagħna jkunu xbieha ħajja tal-komunjoni u ta’ l-imħabba ta’ Alla.

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading