Il-Ħamis, 13 ta’ Novembru 2014: Is-Saltna t’Alla tikber kuljum bis-saħħa tax-xhieda li tingħata mingħajr ‘ħsejjes’, bit-talb, u b’ħajja ta’ fidi impenjata fil-familja, fuq ix-xogħol, jew fil-komunità li wieħed ikun jifforma parti minnha. Dan kien kliem il-Papa Franġisku dalgħodu, waqt l-omelija fid-Dar Santa Marta.
Fis-satra, forsi anke f’dar fejn sal-aħħar tax-xahar ikun fadal biss ħamsin ċenteżmu, madankollu fejn qatt ma jonqsu t-talb u l-kura tal-ulied u n-nanniet, hemmhekk tinsab is-Saltna t’Alla, bogħod mill-ħsejjes. Għax is-Saltna t’Alla ma tiġbidx attenzjoni fuqha, l-istess bħalma jiġri liż-żerriegħa li tkun taħt l-art.
Il-Papa għamel omelija fuq is-silta mill-Evanġelju ta’ San Luqa fil-liturġija tal-lum fejn naqraw li l-Fariżej jistaqsu lil Ġesù: ‘Meta se tiġi s-saltna t’Alla?’ Ġesù jwieġeb: ‘Għad jasal jum meta jgħidulkom, ‘Arawh, hemm hu’, ‘Hawn hu.’ Tmorrux, tiġrux warajhom!’ Is-Saltna t’Alla, qal il-Papa, mhix spettaklu. Ħafna drabi l-ispettaklu huwa karikatura tas-Saltna t’Alla.
Il-Mulej qatt ma jgħid li s-Saltna t’Alla hija spettaklu. Hija festa, imma differenti! Ċertament hija festa sabiħa ħafna, festa kbira, u fil-ġenna se jkun hemm festa, imma mhux spettaklu. Iżda minħabba li aħna bnedmin debboli, nippreferu l-ispettaklu. Bosta drabi, kompla jgħid il-Papa Franġisku, l-ispettaklu huwa ċelebrazzjoni bħal, ngħidu aħna, xi tieġ – li min jieħu sehem fih, aktar milli jmur biex jirċievi Sagrament, imur biex jagħmel spettaklu tal-moda, biex jidher, għall-vanità.
Iżda, tenna l-Papa, is-Saltna t’Alla hija silenzjuża, tikber ġewwa. Ikabbarha l-Ispirtu s-Santu bid-disponibbiltà li ntuh aħna, fl-art tagħna, fl-art li nħejju aħna. Imbagħad, żied jgħid il-Papa bi kliem Ġesù, anke għas-Saltna jasal il-waqt tal-manifestazzjoni tal-qawwa. Imma dan isir biss meta jintemmu ż-żminijiet.
Il-jum li fih jinstemgħu l-ħsejjes, ikun bħal sajjetta: ileħħ u jixgħel is-sema minn naħa għall-oħra. Hekk se jkun Bin il-Bniedem fil-jum tiegħu, fil-jum li fih jagħmel ħoss. U meta aħna naħsbu dwar il-perseveranza ta’ tant Insara li jrabbu l-familja, tant irġiel u nisa li jieħdu ħsieb uliedhom u n-nanniet, u sal-aħħar tax-xahar ikun fadlilhom biss ħamsin ċenteżmu ta’ Ewro, imma xorta waħda jibqgħu jitolbu, hemmhekk tinsab is-Saltna t’Alla, moħbija f’dik il-qdusija tal-ħajja ta’ kuljum, il-qdusija ta’ kull ġurnata. Għax is-Saltna t’Alla mhix bogħod minna, hija qrib! Din hi waħda mill-karatteristiċi tagħha: li hi qribna kull ġurnata li tgħaddi!
Anke meta jiddeskrivi l-manifestazzjoni u l-glorja tat-tieni miġja tiegħu, Ġesù mill-ewwel iżid li għad irid ibati ħafna u jkun miċħud minn din il-ġenerazzjoni. Dan ifisser, qal il-Papa, li anke t-tbatija, is-salib, is-slaleb tal-ħajja ta’ kuljum – is-salib tax-xogħol, tal-familja, tat-tmexxija għaqlija tal-affarijiet – dawn is-slaleb żgħar ta’ kuljum huma parti mis-Saltna t’Alla.
Nitolbu lill-Mulej il-grazzja li nikkuraw is-Saltna t’Alla li tinsab fina, bit-talb, bl-adorazzjoni, bis-servizz tal-karità, fis-silenzju. Is-Saltna t’Alla, temm il-Papa, hija umli bħaż-żerriegħa: umli imma tikber ħafna bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.
Kull ma jeħtiġilna nagħmlu hu li nħallu l-Ispirtu jinżel fina, jibdlilna ruħna u jmexxina ’l quddiem fis-silenzju, fil-paċi, fil-kalma, fil-qrubija lejn Alla, lejn l-oħrajn, bl-adorazzjoni lil Alla, mingħajr spettakli.
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta