It-Tlieta, 11 ta’ Novembru 2014: Dejjem meħtieġa ġlieda kontra t-tentazzjonijiet li jbegħduna mis-servizz lejn il-proxxmu. Hekk wissa l-Papa Franġisku dalgħodu waqt il-quddiesa fid-Dar Santa Marta. Il-Papa qal li, bħal Ġesù, għandna naqdu mingħajr ma nitolbu xejn lura u tenna li m’għandniex nibdlu s-servizz li nagħtu fi ‘struttura ta’ poter’.
Ġesù jitkellem dwar il-qawwa tal-fidi, imma mill-ewwel jispjega li din irridu narawha fid-dawl tas-servizz. Il-Papa Franġisku ħa spunt mill-Evanġelju li jitkellem dwar ‘il-qaddej’ biex jirrifletti dwar xi jfisser is-servizz għan-Nisrani.
Ġesù, qal il-Papa, jitkellem dwar dan il-qaddej li, wara li jkun ħadem il-ġurnata kollha, x’ħin jasal id-dar, minflok jistrieħ, irid jibda jagħti servizz lil sidu. Xi ħadd minna għandu mnejn jagħti parir lil dan il-qaddej biex imur għand il-Union għal parir dwar kif għandu jittratta sid bħal dan. Imma Ġesù jgħid: ‘Le, is-servizz hu totali,’ għax kien Hu stess li wera din it-triq bl-atteġġjament ta’ qadi. Hu, qaddej! Hu jippreżenta ruħu bħala qaddej, dak li ġie biex jaqdi u mhux biex ikun moqdi. Dan jgħidu ċar.
B’hekk il-Mulej juri lill-Appostli t-triq ta’ min ikun irċieva l-fidi, dik il-fidi li tagħmel il-mirakli. Iva, din il-fidi tagħmel il-mirakli meta timxi fit-triq tal-qadi. Il-Papa kompla jgħid li n-Nisrani li jkun irċieva d-don tal-fidi fil-Magħmudija u ma jsaħħaħhiex bil-qadi, isir Nisrani mingħajr forza, ma jkunx għammiel. Fl-aħħar, wissa l-Papa, isir Nisrani għalih innifsu, biex jaqdi lilu nnifsu. Ħajtu ssir dwejjaq u tant ħwejjeġ kbar tal-Mulej jinħlew.
Il-Papa żied jgħid li l-qadi hu wieħed: ma nistgħux naqdu żewġ sidien, jew Alla jew il-flus. Aħna nistgħu nitbiegħdu minn dan is-servizz l-ewwel nett minħabba l-għażż. L-għażż iberred il-qalb għax jagħmlek komdu. L-għażż ibegħidna mill-qadi u jressaqna lejn il-kumdità, lejn l-egoiżmu. Hawn tant Insara hekk… Huma tajbin, imorru l-quddies, imma l-qadi… bl-imqieta. Meta ngħid ‘servizz’, żied Franġisku, irrid nifhem servizz sħiħ: servizz lil Alla bl-adorazzjoni, bit-talb, bit-tifħir; servizz lill-proxxmu meta jkun meħtieġ minni, sal-aħħar. Għax Ġesù f’dan juri l-qawwa tiegħu u jgħid: ‘Meta tkunu għamiltu dak kollu li jkunu ordnawlkom, intom tistgħu tgħidu, ‘Aħna qaddejja inutli’.’ Servizz b’xejn, mingħajr ma nitolbu xejn lura.
Possibiltà oħra li tista’ tbegħidna mill-atteġġjament tal-qadi hi meta aħna nsiru padruni tas-sitwazzjoni, żied il-Papa. Xi ħaġa hekk ġrat lid-dixxipli wkoll, lill-istess Appostli, kompla jgħid; bdew ikeċċu n-nies biex ma jdejqux lil Ġesù… Imma biex ikunu komdi huma.
Id-dixxipli għamlu ruħhom sidien taż-żmien tal-Mulej, ħadu f’idejhom is-setgħa tal-Mulej: riduh jibqa’ għalihom biss, ikun tal-grupp żgħir tagħhom. U b’hekk, huma ħatfu f’idejhom dan l-atteġġjament ta’ servizz u bidluh fi struttura ta’ poter. Dan nifhmuh meta naraw id-diskussjoni dwar min kien l-akbar bejn Ġakbu u Ġwanni, u ommhom, żied il-Papa, tmur titlob lill-Mulej biex uliedha jkunu wieħed il-prim ministru u l-ieħor il-ministru tal-ekonomija, bis-setgħa kollha f’idejhom.
Dan jiġri anke llum meta l-Insara jsiru sidien tal-fidi, padruni tas-saltna t’Alla, padruni tas-salvazzjoni. Dan isir, u hija tentazzjoni għall-Insara kollha. Iżda, kompla jgħid il-Qdusija Tiegħu, il-Mulej ikellimna dwar il-qadi: il-qadi bl-umiltà, il-qadi fit-tama, għax dan hu l-ferħ tal-qadi Nisrani.
Fil-ħajja jeħtiġilna nitqabdu kontra t-tentazzjonijiet li jbegħduna minn dan l-atteġġjament ta’ servizz. L-għażż iressaqna lejn il-kumdità: qadi bin-nofs, U meta aħna nsiru sidien tas-sitwazzjoni u minn qaddej insir padrun, dan iressaq lejn is-suppervja, il-kburija, u nibdew nittrattaw ħażin lill-oħrajn. Inħossuna importanti, ‘għax jien Nisrani u għandi s-salvazzjoni’… U tant affarjiet bħal dawn.
Jalla l-Mulej itina dawn iż-żewġ grazzji kbar: l-umiltà fil-qadi, biex fl-aħħar inkunu nistgħu ngħidu li aħna qaddejja inutli, imma qaddejja, sal-aħħar; flimkiem mat-tama fl-istennija tal-manifestazzjoni meta l-Mulej jiġi għalina, temm l-omelija l-Papa Franġisku.
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta