Arċisqof Charles J. Scicluna

Il-messaġġ tal-Milied lill-emigranti mill-Arċisqof Charles J. Scicluna


Il-Ħadd, 24 ta’ Diċembru 2017: Messaġġ tal-Arċisqof Charles J. Scicluna – Fil-Katidral ta’ San Pawl, l-Imdina.

Huwa ta’ ferħ kbir għalija li f’dan il‑lejl qaddis insellem lilkom, għeżież ħuti Maltin u Għawdxin. F’dan il‑lejl qaddis il‑Mulej jistedinna nersqu lejh. L‑isem tiegħu, Ġesù, ifisser li Alla jixtieq ħafna jsalvana. Isem ieħor tiegħu, Għimmanu‑El, ifisser li għandu għatx li jkun magħna, Alla magħna.

Għażilt li dan il‑Milied il‑messaġġ tiegħi nwasslu mill‑Katidral tal‑Imdina fejn hawn presepju Naplitan mill‑isbaħ. Il‑presepju Naplitan huwa ġeneru ta’ arti partikolari: ipoġġi x‑xena tal‑Milied fl‑ambjent ta’ Napli ta’ 300 sena ilu għaliex il‑Milied huwa storja mhux biss ta’ 2,000 sena ilu imma huwa storja li tiġġedded f’kull kultura, f’kull ambjent. It‑tokki tal‑knisja jistednuna biex aħna u nersqu lejn il‑Mulej ma ninsewx li l‑Milied mhuwiex biss storja tal‑imgħoddi imma messaġġ attwali għal‑lum.

Fil‑presepju Naplitan ħafna personaġġi huma mlibbsin bil‑kostumi kontemporanji ta’ meta sar il‑presepju, f’dan il‑każ madwar 300 sena ilu. Imma l‑figuri importanti ta’ Ġesù, Marija u Ġużeppi jfakkruna li dan l‑avveniment antik għandu messaġġ frisk: il‑Mulej jixtieq jinżel fir‑realtà tagħna kif inhi u jasal fostna u fil‑qalb tagħna bil‑ħniena, bil‑faraġ u bil‑konsolazzjoni tiegħu.

Jekk wieħed jinnota sew, il‑ġgajta personaġġi li hemm fil‑wied tal‑presepju Naplitan qiegħda medhija bix‑xogħol tagħha, bid‑divertiment tagħha, b’dak kollu li qiegħda tagħmel. Ftit hemm personaġġi jħarsu lejn il‑maxtura ta’ Ġesù. Ħafna drabi din il‑ħaġa tiġri wkoll fil‑kultura tagħna, fil‑ħajja tagħna. Il‑Milied jiġi u jgħaddi imma donnu Ġesù ma jkunx ġie.

Jiena nawgura li fil‑ħajja tiegħi u tagħkom dan il‑Milied ikun ifisser li Ġesù jidħol tassew fil‑qalb tagħna bil‑faraġ tiegħu imma anke bil‑kelma għażiża tiegħu. Jistedinna biex naħfru lil xulxin, inħobbu iżjed lil xulxin, naraw il‑preżenza tiegħu f’ħutna b’mod speċjali ħutna li għandhom bżonn speċjali tal‑imħabba tagħna.

Żewġ figuri oħra tant importanti fil-presepju huma ta’ Dan Gejtanu u San Ġorġ Preca. San Gejtanu kien dak li f’Napli insista ħafna li jkun hemm il‑presepji b’tifkira tat‑twelid ta’ Ġesù għax, wara kollox, il‑Milied mingħajr il‑presepju, mingħajr il‑Bambin, xi jkun? Ikun Milied vojt. San Gejtanu kien bniedem ta’ qdusija konkreta. Meta wasal Napli u ra l‑pjaga tal‑użura, ħoloq il‑Banco di Napoli li kien jgħin lin‑nies joħorġu mill‑pjaga tal‑użura. Qabel mar Napli kien Venezja, fejn kien hemm mard jittieħed u ħafna żgħażaġħ kienu mitluqa għall‑mewt mingħajr ħadd ma jieħu ħsiebhom. San Gejtanu għamel sptarijiet apposta (degli incurabili) għax dan il‑mard, li kien jiġi trasmess b’mod sesswali, ma kellux kura għalih. Donnu qegħdin nerġgħu ngħixu f’dawn iż‑żminijiet; għandna bżonn qaddisin bħal San Gejtanu li 500 sena ilu, fl‑1517 kellu esperjenza mistika fil‑Bażilika ta’ Santa Maria Maggiore, u l‑Familja Mqaddsa, f’din l‑esperjenza mistika, stednitu biex hu jilqa’ lil Ġesù bħala l‑faraġ, il‑konsolazzjoni tiegħu. U din hija xewqa li l‑Mulej jixtieq ukoll iwassal lilna f’dan il‑Milied.

Fil-presepju Naplitan Mons. Edgar Vella, dan il‑Milied introduċa wkoll il‑figura ta’ San Ġorġ Preca. Huwa qaddis qrib tagħna, anke fiż‑żmien li kif tafu xerred ħafna devozzjoni lejn il‑Verbum Dei, lejn il‑purċissjoni bil‑Bambin, u fuq kollox wassal il‑kelma ta’ Ġesù fil‑familji tagħna, fost iż‑żgħażagħ tagħna.

Kemm hi ħaġa sabiħa li aħna, mill‑qaddisin nirrealizzaw u nifhmu li tkun Nisrani hi xi ħaġa konkreta, hija xi ħaġa possibbli. Dan il‑Milied il‑Mulej qed jistiednek tersaq lejn il‑qrar, lejn il‑Knisja, lejn it‑tqarbin, lejn il‑Quddies. Kemm tkun ħaġa sabiħa li aħna u medhijin bil‑festivitajiet, bil‑parties, bil‑viżta wieħed lill‑ieħor, ikollna wkoll iċ‑ċans nifhmu li dawn il‑festi kollha huma dwar persuna, dwar il‑Mulej Ġesù u jkollna wkoll nagħtuh ċans biex hu jfarraġna u aħna nawgurawlu l‑Milied it‑tajjeb.

Nixtieq nagħti tislima partikolari lil ħutna, Maltin u Għawdxin, li qegħdin jgħixu barra minn Malta, lill‑emigranti tagħna, lill‑familji tagħhom għax issa wasalna f’ħafna familji anke għat‑tielet u r‑raba’ ġenerazzjoni. Hija preżenza sabiħa tal‑Maltin madwar id‑dinja kollha; hija ħaġa sabiħa li l‑ġenerazzjonijiet, anke dawk ġodda, jiftakru f’dak li jirrakkuntaw in‑nanniet u l‑bużnanniet tagħhom fuq il‑Milied f’Malta. Naf li ħafna minnhom jirritornaw Malta, jieħdu pjaċir jiskopru l‑għeruq tagħhom. Parti mill‑għeruq sbieħ ta’ Malta hija wkoll l‑fidi Nisranija, il‑mod kif niċċelebraw il‑Milied iċċentrat propju fuq l‑istorja tat‑twelid ta’ Ġesù.

L‑awgurju tiegħi huwa li aħna nkunu propju lkoll ferħana bit‑twelid ta’ Ġesù Bambin. Wara kollox, l‑anġli lir‑ragħajja ta’ Betlehem qalulhom: “Glorja lil Alla fl‑ogħla tas‑smewwiet, ifirħu qed inħabbrulkom ferħ kbir” (Lq 2 10-14). U dan hu l‑awgurju tiegħi: li l‑Milied ikun għalina esperjenza ta’ ferħ kbir tassew.

✠ Charles Jude Scicluna

Arċisqof ta’ Malta

 

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s