Il-Ħadd, 24 ta’ Diċembru 2017: Huwa ta’ ferħ kbir għalija li f’dan il-lejl qaddis insellem lilkom, għeżież ħuti Maltin u Għawdxin. F’dan il-lejl il-Mulej jistedinna nersqu lejh. L-isem tiegħu, Ġesù, ifisser li Alla jixtieq ħafna jsalvana. Isem ieħor tiegħu, Għimmanu-El, ifisser li għandu għatx li jkun magħna, Alla magħna.
Dan il-Milied għażilt li l-messaġġ tiegħi nwasslu mill-Katidral tal-Imdina fejn hawn presepju Naplitan mill-isbaħ. Il-presepju Naplitan huwa ġeneru ta’ arti partikolari: ipoġġi x-xena tal-Milied fl-ambjent ta’ Napli ta’ 300 sena ilu għaliex il-Milied huwa storja mhux biss ta’ 2,000 sena ilu imma huwa storja li tiġġedded f’kull kultura, f’kull ambjent. It-tokki tal-knisja jistednuna biex aħna u nersqu lejn il-Mulej ma ninsewx li l-Milied mhuwiex biss storja tal-imgħoddi imma messaġġ attwali għal-lum.
Fil-presepju Naplitan ħafna personaġġi huma mlibbsin bil-kostumi kontemporanji ta’ meta sar il-presepju. Imma l-figuri importanti ta’ Ġesù, Marija u Ġużeppi jfakkruna li dan l-avveniment antik għandu messaġġ frisk: il-Mulej jixtieq jinżel fir-realtà tagħna kif inhi u jasal fostna u fil-qalb tagħna bil-ħniena, bil-faraġ u bil-konsolazzjoni tiegħu.
Jekk wieħed jinnota sew, il-ġgajta personaġġi li hemm fil-wied tal-presepju Naplitan qiegħda medhija bix-xogħol tagħha, bid-divertiment tagħha, b’dak kollu li qiegħda tagħmel. Ftit hemm personaġġi jħarsu lejn il-maxtura ta’ Ġesù. Ħafna drabi din il-ħaġa tiġri wkoll fil-kultura tagħna, fil-ħajja tagħna. Il-Milied jiġi u jgħaddi imma donnu Ġesù ma jkunx ġie.
Jiena nawgura li fil-ħajja tiegħi u tagħkom dan il-Milied ikun ifisser li Ġesù jidħol tassew fil-qalb tagħna bil-faraġ tiegħu imma anke bil-kelma għażiża tiegħu. Hu jistedinna biex naħfru lil xulxin, inħobbu iżjed lil xulxin, naraw il-preżenza tiegħu f’ħutna, b’mod speċjali dawk ħutna li għandhom bżonn speċjali tal-imħabba u l-attenzjoni tagħna.
Żewġ figuri oħra tant importanti fil-presepju Naplitan huma ta’ San Gejtanu u San Ġorġ Preca. San Gejtanu kien dak li f’Napli insista ħafna li jkun hemm il-presepji b’tifkira tat-twelid ta’ Ġesù; għax wara kollox, il-Milied mingħajr il-presepju, mingħajr il-Bambin, xi jkun? Ikun Milied vojt.
San Gejtanu kien bniedem ta’ qdusija konkreta. Meta wasal Napli u ra l-pjaga tal-użura, ħoloq il-Banco di Napoli li kien jgħin lin-nies joħorġu mill-pjaga tal-użura. Qabel mar Napli kien Venezja, fejn kien hemm mard jittieħed u ħafna żgħażaġħ kienu mitluqa għall-mewt mingħajr ħadd ma jieħu ħsiebhom. San Gejtanu għamel sptarijiet apposta – l’ospedali degli incurabili – għax dan il-mard li kien jiġi trasmess b’mod sesswali ma kellux kura għalih.
Donnu qegħdin nerġgħu ngħixu f’dawn iż-żminijiet; għad għandna bżonn qaddisin bħal San Gejtanu li 500 sena ilu, fl-1517, kellu esperjenza mistika fil-Bażilika ta’ Santa Maria Maggiore f’Ruma, u l-Familja Mqaddsa f’din l-esperjenza mistika stednitu biex hu jilqa’ lil Ġesù bħala l-faraġ u l-konsolazzjoni tiegħu. U din hija xewqa li l-Mulej jixtieq ukoll iwassal lilna f’dan il-Milied.
It-tieni figura importanti f’dan il-presepju Naplitan hija dik ta’ San Ġorġ Preca, li Mons. Edgar Vella introduċa dan il-Milied. San Ġorġ huwa qaddis qrib tagħna, li xerred ħafna devozzjoni lejn il-Verbum Dei, lejn il-purċissjoni bil-Bambin, u fuq kollox wassal il-kelma ta’ Ġesù fil-familji tagħna, fost iż-żgħażagħ tagħna.
Kemm hi ħaġa sabiħa li aħna, mill-qaddisin nirrealizzaw u nifhmu li tkun Nisrani hi xi ħaġa konkreta, hija xi ħaġa possibbli. Dan il-Milied, il-Mulej qed jistiednek tersaq lejn il-qrar, lejn il-Knisja, lejn it-tqarbin, lejn il-Quddies. Kemm tkun verament ħaġa sabiħa li aħna u medhijin bil-festivitajiet, bil-parties, bil-viżta wieħed lill-ieħor, ikollna wkoll iċ-ċans nifhmu li dawn il-festi kollha huma dwar persuna, dwar il-Mulej Ġesù, u nagħtuh ukoll iċ-ċans biex hu jfarraġna u aħna nawgurawlu l-Milied it-tajjeb. Jiena wkoll, mill-qalb nawgura lilkom, għeżież Maltin u Għawdxin, il-Milied it-tajjeb mimli risq u barka.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta