Lectio Divina tas-6 Ħadd matul is-Sena “B

Print Friendly, PDF & Email

Vanġelu (Mk 1. 40-45): Il-lebbrużi kienu emarġinati mis-soċjeta’ u mill-familja. In-nies
kienu jżommu ‘l bogħod minnhom biex ma jittiħdux, għax dak iż-żmien ma kienx hemm
kura għal dil-marda. Kienu obbligati jilbsu ċ-ċraret u, jekk jersaq xi ħadd qrib, jgħajtu li
huma lebbrużi. Kienu joqgħodu barra l-belt f’xi għerien jew tined. Għall-ikel kienu
jiddependu mill-karita’ tal-familja jew ħbieb. Il-ktieb tan-Numri jiddiskrivihom “bħalli
kieku missierhom beżqilhom f’wiċċhom.”

Kienu qishom midfunin ħajjin u r-rabbini kienu jgħallmu li l-anqas Alla ma ried jaf bihom. Tfejjaq lebbruż daqs li kieku tqajmu mill-mewt. Din ħaġa li setgħa jagħmel Alla biss, u la ma għamilhiex sinjal li ried iżomm ruħu ‘l bogħod minnhom. Mela l-lebbruż kien simbolu tad-dnub u tal-mewt, għalhekk ripunjanti, jimbuttak, bħalma huma l-egoisti, ir-rgħejba, l-arroganti, eċċ tal-lum. Diffiċli tħobb nies bħal dawn għax morda b’lebbra spiritwali, u qisu ma jridux ifiequ minnha. Dan hu l-punt li San Mark jixtieq jagħmel fis-silta tal-lum.

1. “Jekk trid, tista’ tnaddafni.” Il-lebbrużi kienu jkunu fi stat ta’ disperazzjoni. Alla biss
seta’ jfejjaqhom, imma ma setgħux jitolbuh għax ma kien hemm l-ebda parti tat-
Tempju li huma setgħu jidħlu fiha. Ma setgħux jersqu lejn Alla għax kienu impuri,
imniġġsin. Xi wħud minna anki llum trabbejna b’dan il-kunċett żbaljat ta’ Alla: jekk
tagħmel il-ħażin, Alla ma jħarisx lejk, anzi jibgħatlek in-nar mis-sema. Biex Alla
jitbissimlek trid tagħmel biss it-tajjeb, għax Hu jħobb biss min hu sabiħ u tajjeb. Min
hu ikrah, immankat jew maħmuġ, dak le. Il-lebbruż tas-silta tal-lum qatt m’għaddielu
minn moħħu li jitlob ‘l Alla, imma sema’ li ċertu Ġesu ta’ Nazaret qed jitkellem fuq
Alla differenti minn dak li kien tgħallem f’żogħżitu. Għalhekk, meta Ġesu kien viċin,
għamel kuraġġ u resaq lejh. Ma jitlobx li jkun imfejjaq imma li jkun imnaddaf, pur, u
b’hekk jerġa’ jikseb lura s-sura umana u jkun jista’ jmur lura fis-soċjeta’.

2. Ġesu, “imqanqal mill-ħniena…” Il-Biblisti jaqblu li l-kelma proprja għandha tkun
“irrabja”. Ġesu irrabja għas-sitwazzjoni li sab ruħu fiha l-lebbruż mhux tort tiegħu.
Bħalma Nisrani jirrabja meta jisma’ xi wħud li telqu l-Fidi mħabba t-tagħlim żbaljat
fuq Alla (li jikkastiga, jpattiha. eċċ). Dawn it-talin sikwit tismagħhom jgħidu: “Alla
nsieni. Alla qed jikkastigani tad-dnubiet tiegħi” eċċ. Ġesu, mela, jersaq lejn il-lebbruż
biex jurih il-wiċċ awtentiku tal-Missier. (Inżommu quddiem għajnejna li l-lebbra
fiżikali hi simbolu ta’ dik spiritwali, i.e. il-kundizzjoni tal-bniedem midneb). Jagħmel
dan billi: (a) “medd idu fuqu”, i.e. newwel idejh biex jimlieh karezzi. Fl-Antik
Testment, meta Alla “newwel jew tawwal” idejh fuq l-Eġittu, bdew il-kastigi. L-istess
verb intużat hawn bid-differenza li meta Ġesu jtawwal idejh, jiġi l-fejqan u l-barka
t’Alla u mhux il-kastig; (b) “messu”. Kull min ra lil Ġesu jagħmel hekk qal: “Ġesu issa
lebbruż u rridu noqogħdu ‘l bogħod minnu.” Aħna, midinbin li aħna, jiħtiġilna nħallu
lil Ġesu u l-Kelma Tiegħu imissuna, biex b’hekk infiequ u nsiru sbieħ u simpatiċi.

3. “Irrid, kun imnaddaf. Irrid li tmur terġa’ tgħix mal-familja fis-soċjeta’.” U minnufih il-
ġdiem marlu.” Mhux Ġesu li sar impur imma l-impurita sparixxiet. Hekk jiġri kell fejn
jasal Ġesu u l-Kelma Tiegħu. “U widdbu bis-sħiħ.” Ġesu qallu: “Kif qatt stajt temmen
li Alla huwa kattiv u jpattiha, eċċ? Ara l-wiċċ veru t’Alla li fejqek illum. Qis li qatt ma
terġa’ lura għal dak it-tagħlim qarrieq tal-imgħoddi!” Anki llum, meta l-Papa u l-
Knisja qed tpinġi stampa aktar ċara tal-Ħniena Divina (e.g. Amoris laetitia) insibu min
jeħodha kontrihom, għax dawn iridu jkompli jipperpetwaw il-ġudizzju u l-kundanna
tas-single mothers, ta’ min qiegħed f’relazzjoni illeċita, eċċ.

4. “.. u bagħtu malajr,” waddbu ‘l barra, keċċieh. Ma kinux f’xi kamra imma fil-beraħ.
Mela Ġesu ried ifisser li l-lebbruż imfejjaq fil-ġisem irid ikeċċi minn moħħu l-idejat
antiki fuq Alla biex ifieq spiritwalment, u jaċċetta li Alla jħobb lil uliedu kollha ndaqs.

5. “Qis li ma tgħid xejn lil ħadd.” Għaliex? Għax Isaija (35. 61) kien ħabbar li wieħed
mis-sinjali li wasal il-Messija kien il-fejqan tal-lebbrużi. Ġesu ma riedx li l-Fariżej
jaħsbu li wasal il-Messija kif kienu jpinġuh huma. Ried li jilħaq jgħallem min hu
tassew il-Messija: mhux wieħed li jiddomina imma li jagħti ħajtu. Ma xtaqx li l-lebbruż
jitkellem fuq il-fejqan fiżikali. Qallu jmur jagħmel l-offerta lis-saċerdoti skond il-
preċetti ta’ Mose’, biex ikun xhud għalihom, i.e. jurihom li Alla mhux veru jżomm
ruħu bogħod mill-lebbrużi imma jgħannaqhom u jimlihom karezzi. Wasal il-wiċċ
awtentiku t’Alla li qed jiddi f’wiċċ Kristu. Jiħtieġ li mil-lum ‘il quddiem is-saċerdoti
jippreżentawh lill-poplu b’dal-mod ġdid.

6. “Iżda dak, meta telaq’ jew “ħareġ il-barra….” Ġa għidna li kienu fil-beraħ. Mela
x’telaq? It-tagħlim żbaljat fuq Alla, u ħaddan il-messaġġ ta’ Ġesu: “..beda jxandar ma’
kullimkien” mhux il-fejqan tiegħu imma din l-aħbar ġdida ta’ Ġesu: “Alla mhux veru li
jobgħod il-midneb u l-marid, kif kont naħseb qabel.” Dan sar l-ewwel katekist. Inti
tista’ tgħid illum: “Mela, nagħmel li rrid u Alla jħobbni xorta.” Veru, imma jibqa’ jiġri
warajk biex tħallieh inaddfek mill-ħmieġ u l-lebbra, ħalli inti ssir sabiħ u ferħan.

7. “…imma kien jibqa’ barra fil-kampanja..” għax hemm kien hemm il-lebbrużi u l-
emarġinati l-oħra tas-soċjeta’.

Sors: lachiesa.it/liturgia/omelie/padrefernandoarmellini

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading