“Ma ninsewx li x-xbieha ħajja ta’ Ġesù tinsab ukoll fil-proxxmu tagħna” – L-Arċisqof fil-pellegrinaġġ tar-Redentur

Print Friendly, PDF & Email

Il‑Ġimgħa 9 ta’ Marzu 2018: fis‑6:00 p.m., l‑Arċisqof Charles J. Scicluna mexxa pellegrinaġġ u ċċelebra Quddiesa bl‑istatwa devota ta’ Ġesù Redentur, fil‑Bażilika tal‑Isla.

[soundcloud url=”https://api.soundcloud.com/tracks/411252582″ params=”color=#ff5500&auto_play=false&hide_related=false&show_comments=true&show_user=true&show_reposts=false&show_teaser=true&visual=false” width=”100%” height=”100″ iframe=”true” /]

L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna – Fil-Knisja Parrokkjali, l-Isla

“Araw il-qaddej tiegħi […] jintrefa’, jogħla u jkun ’il fuq minn kulħadd. Bħalma ħafna ndiehxu minnu, għax wiċċu tħassar, donnu ma kienx bniedem, u s-sura tiegħu ma kont tqisha ta’ bniedem, hekk għad jistagħġbu ħafna ġnus minħabba fih” (Is 52, 13-15).

Aħna u nilmħu d-dehra ta’ dix-xbieha qaddisa u devota tar-Redentur, niftakru fil-kliem tal-profeta Isaija. Is-sura u l-bixra ta’ Ġesù li mgħobbi bis-salib jaqa’ fl-art, tfakkarna f’tant ħutna li huma mgħobbija bil-mard, bit-toqol tal-ħajja, bis-solitudni, forsi bid-dwejjaq. Tfakkarna li aħna lkoll imsejħin biex miegħu u bħalu nerfgħu s-salib tagħna. Hu stess qalilna: “Min irid jiġi warajja, jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu kuljum u jimxi warajja” (Mt 16, 24).

Aħna u nħarsu lejn ix-xbieha qaddisa u għażiża tar-Redentur u ħarsitna tersaq lejn il-ħarsa tiegħu, dik il-kisra tal-għajnejn maħsula fid-dmugħ, idemmgħu għal dnubietna. Aħna ninġibdu lejh biex nitolbuh maħfra, biex nitolbuh ħniena ta’ kemm-il darba ma rajniex ix-xbieha tiegħu f’ħutna. Għax hu qalilna: “Kull ma tagħmlu mal-iżgħar fost dawn ħuti, intom tagħmluh miegħi” (Mt 25, 40).

U din hi l-grazzja li nitolbu llum aħna: li ninġibdu b’devozzjoni, b’imħabba lejn ix-xbieha qaddisa tar-Redentur restawrata, miġjuba mill-iżjed qrib tas-sura oriġinali tagħha wara tant sekli. Ejjew ma ninsewx li x-xbieha ħajja tiegħu tinsab ukoll fil-proxxmu tagħna. Kemm tkun ħaġa qaddisa li d-devozzjoni tagħna lejh nuruha billi nħobbu lil xulxin u naħfru mill-qalb lil xulxin.

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Ħos 14, 2-10
Salm: 80 (81), 6ċ-8a.8bċ-9.10-11ab.14 & 17
Evanġelju: Mk 12, 28b-34

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading