“GĦALIEX NGĦAMMDU T-TRABI?” (1)

Print Friendly, PDF & Email

Mill-Arċisqof Emeritus Pawlu Cremona OP

Il-kelma ‘magħmudija’ “ifisser ‘tgħaddas’ , ‘iddaħħal fl-ilma’” (Katekiżmu tal-Knisja Kattoliku, n. 1214). Insemmuha hekk għaliex il-katekumenu (dak li jkun se jitgħammed) kien ‘jitgħammed’ billi jidħol u jiġi mgħotti bl-ilma (li tfisser il-mewt ma’ Ġesu’) biex jerġa’ joħroġ għall-ħajja ma’ Kristu Rxoxt. Wara nbidlet fuq il-forma li nafu llum: li nsawbu l-ilma mbierek fuq it-ras ta’ dak li jigħammed.

Mgr Paul Cremona OPAħna l-ewwel li naraw din il-kelma hija fil-magħmudija li kien jagħmel Ġwanni l-Battista. Kienet magħmudija għall-indiema: Ġesu’ wera kemm appreżża din il-ħidma ta’ Ġwanni li hu stess għadda mill-magħmudija ta’ Ġwanni. Iżda Ġwanni kien diġa’ qal lid-dixxipli li ġej wieħed aqwa minnu li jgħammidhom: “Jien ngħammidkom bl-ilma… Hu (Ġesu’) jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar…” (Lq 3,16).

Diġa’ għandna ħjiel tal-bidla li kien se jagħmel Ġesu’ meta kellem lil Nikodemu hekk: “… Jekk wieħed ma jitwelidx mill-ġdid, ma jistax jara s-Salna ta’ Alla” (Ġw 3,3). Diġa’ beda juri li l-magħmudija hija sinjal ta’ mewt u ħajja ġdida. S’intendi it-tifsira kollha tagħha il-Mulej urihielna meta hu stess għadda mill-mewt għall-ħajja. Għalhekk San Pawl jiddiskriviha hekk: “ndfintu miegħu (Ġesu’) bil-magħmudija u fil-magħmudija rxuxtajtu miegħu” (Kol 2,12).

Il-missjoni li Ġesu’ ta lid-dixxipli tiegħu qabel ma tela’ s-sema kienet tgħid: ¨Morru mela agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu” (Matt 28,19). Kellhom ixandru l-bxara t-tajba u t-tweġiba ta’ min jisma’ kellha tiġi mmarkata bil-magħmudija fis-sinjal tas-Trinita’ Qaddisa. Hekk naraw fl-Atti tal-Appostli diversi okkażjonijiet fejn tidħol il-magħmudija: San Pawl minn Ħananija (9,18); l-Etijopu minn Filippu ( 8,38). Mal-magħmudija kien hemm dejjem marbuta l-għotja tal-Ispirtu s-Santu: “tgħammdu f’isem il-Mulej Ġesu’. Mbgħad kif Pawlu qegħdilhom idejh fuqhom, niżel fuqhom l-Ispirtu s-Santu” (Atti 19,5.6).

Mela l-proċess tal-magħmudija kienet tkun dejjem hekk: wieħed jisma’ l-Kelma ta’ Alla u togħġbu; Wara jieħu deċiżjoni li jsir kristjan: li f’kollox jimxi wara Kristu; u mbagħad jitgħammed u jirċievi l-Ispirtu s-Santu. Biex jgħiunuhom kienu jagħżlu lil xi ħadd jew lil xi koppja, li jkunu nsara imħeġġin u jafu sewwa lil Ġesu’, biex iħejjuhom għall-magħmudija. Dawn kienu jkunu l-‘parrini’ ta’ dik il-persuna. (Għalhekk il-Knisja tgħidilna biex nagħżlu bħala parrini persuni li huma nsara konvinti li kapaċi jgħinu lit-tfal u lill-ġenituri fil-mixja nisranija lejn Kristu. Jekk il-parrinu jkiun wieħed li l-anqas jemmen jew ma jippratikax il-fidi tiegħu, nkunu għażilnih għalxejn). Imbagħad kienu jgħaddu minn żmien ta’ ‘katekumenat’, bħala trawwim biex jifhmu x’se jiġri ġewwa fihom bil-magħmudija:

Fil-magħmudija tat-trabi dan isir ukoll fis-sinjali li jsiru qabel il-magħmudija proprja: l-eżorċiżmu (“neħħi minn dawn iċ-ċkejknin it-tebgħa tad-dnub tan-nisel, u agħmilhom tempju qaddis tiegħek, biex fihom jgħammar l-Ispirtu s-Santu”); jidlek lit-tarbija fuq sidirha biż-żejt tal-katekumeni; iċ-ċaħda lix-xitan, u l-istqarrija tal-fidi (li aħna lkoll nirrepetu fil-Vġili tal-Għid).

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading