Il-Ferħ li jġib miegħu l-Milied

Print Friendly, PDF & Email

“IFIRĦU DEJJEM FIL-MULEJ: NERĠÀ NGĦIDILKOM IFIRĦU” (San Pawl lil Filippin 4,4)

Kitba ta’ Fr. Philip Cutajar OFMCap

Żmien il-Milied, żmien ta’ ferħ. Milied bla ferħ huwa bla sens. Għalkemm meta San Pawl fl-Ittra tiegħu lill-Filippin qed jistedinna sabiex nifirħu, u dan qed jagħmlu magħna b’isistenza, mhux qed jgħidilna biex nagħmlu dan fil-ġranet tal-Milied biss imma kuljum, ħajjitna kollha. U l-motiv tal-ferħ nisrani li aħna msejjħin sabiex inħaddnuh, niċċelebrawh u nagħdduh lill-oħrajn billi nagħtu xhieda ħajja tiegħu huwa wieħed: Alla jħobbna u għax iħobbna tant bagħat lill-Iben il-waħdieni tiegħu biex isalvana.

HUWA DRITT TA’ KULL BNIEDEM

Nistgħu ngħidu li l-ferħ huwa wieħed mill-emozzjonijiet pożittivi, wieħed mis-sentimenti l-aktar nobbli li kull bniedem jixxennaq għalih. Mhux biss jixxennaq għalih imma wkoll għandu dritt li jkun ferħan. Il-problema li jinħtieġ li naffrontaw hija dwar x’qed infitxxu eżatt? u fejn u kif qegħdin infittxuh?

Għall-ewwel mistoqsija jinħtieġ li nsaqsu x’qed infittxu eżatt? Qegħdin infittxu l-veru ferħ jew pjuttost il-pjaċir? Qed infittxu dak li bl-ingliż insejjħulhu “joy” u “happiness” jew pjuttost il-pjaċir tal-mument, il-”pleasure”. Nafu li hemm differenza kbira bejn ‘ferħ’ u ‘pjaċir’ L-ewwel wieħed huwa emozzjoni nobbli, interjuri u dejjiema filwaqt li l-ieħor huwa pjuttost emozzjoni esterna, li tgħaddi malajr, titlaq u tħalli vojt u xidarbi anke rimors.

Għat-tieni mistoqsija: fejn u kif qegħdin infittxu l-veru ferħ huwa tajjeb li b’maturità u responsabiltà nagħrfu nwieġbu għalija. Fejn qegħdin infittxuh il-ferħ fil-ħajja tagħna? Fi ħwejjeġ tad-dinja li jgħaddu u jħallu vojt jew billi mmorru għand dak li huwa l-Awtur tal-ferħ; jiġifieri għand Alla li permezz ta’ Ġesù Kristu jassigurana li Huwa jrid jagħtina l-ferħ u l-ferħ sħiħ u bl-abbundanza, ferħ li huwa differenti minn dak li tagħti d-dinja. Ħafna drabi ninsew li l-ferħ jinħtieġ li nfittxuh mhux ‘il-barra minna nfusna  imma ġewwa fina. Huwa ‘an inner job’. U għalhekk il-veru ferħ nisrani ma jiddependix minn x’għandek u x’m’għandekx, fejn tmur u kemm tixxala, x’posizzjoni u karriera għandek fis-soċjetà imma jiddependi minn “x’int”.

Għalhekk il-ferħ veru jiddependi kemm inti b’maturità spiritwali qed tifftex dan il-valur bl-għaqda tiegħek ma’ Alla. Fuq kollox San Pawl jgħidilna li l-ferħ huwa frott tal-preżenza tal-Ispirtu s-Santu fina. Il-loġika tad-dinja tmur kontra dan ir-raġunament. Id-dinja biex tkun ferħan tgħidlek biex takkwista u taħtaf b’regħba u xeħħa, biex tiddomina u taħkem b’setgħa. Imma dan huwa kollu qerq. Dan iwasslek biss għall-pjaċir u sodisfazzjoni uman tal-mument imma qatt ma jasal biex jimla tassew il-qalb tiegħek.

IL-PAPA FRANĠISKU

Min hu midħla tad-diskors u l-kitbiet tal-Papa Franġisku faċli jinduna kemm il-kelma “ferħ” hija l-fus li fuq qed jibni kollox. U bir-raġun għax ladarba għażel l-isem ta’ Franġisku għal San Franġisk t’Assisi, hekk kif stqarr hu stess, ma jistax ma jħaddanx dan is-sentiment nobbli hekk kif għamel il-qaddis fqajjar t’Assis. Il-kelma ‘ferħ’ qed idaħħalha kważi f’kull Eżortazzjoni li jagħtina. U dan b’kontinwazzjoni u fedeltà għall-ispirtu tal-Konċilju VatikanII. Niftakru d-diskors tal-Papa San Ġwanni 23 fil-ftuħ tal-Konċilju bit-tema: “Guadet Mater Ecclesia” – “Ifraħ Knisja Omm” (11 t’Ottubru 1962); kif ukoll niftakru l-għeluq ta’ l-istess Konċilju mill-Papa San Pawlu 6 bil-promulgazzjoni tal-Kostituzzjoni “Gaudium et Spes” – “Il-ferħ u t-Tama” dwar il-Knisja fid-dinja tallum (7 Diċembru 1965).

Għall-Papa Jorge Mario Bergoglio is-sinjal distintiv tal-fidi nisranija huwa l-ferħ, stil ta’ ħajja li nsibuh mhux biss fl-Ispiritwalità Franġiskan kif diġà għidna imma anke f’dik Injazjana. Il-Papa jgħaqqad flimkien il-ferħ mat-tama: “Il-ferħ mingħajr tama jsir sempliċiment pjaċir, divertiment, gost li jgħaddi, karnival, filwaqt li t-tama mingħajr ferħ mhi tama xejn”. Xiħaġa li tolqtok fid-diskors u l-kitbiet tal-Papa Franġisku huwa li meta jsemmi il-kelma “ferħ” ma jħobbx isemmiha waħedha, imma dejjem magħquda ma’ kelma oħra, il-kelma “Evanġelu”. B’dan huwa jrid jagħti messaġġ ċar: il-veru ferħ jinsab fil-Evanġelu, f’li ngħixu l-Evanġelu jiġifieri li niltaqgħu ma’ Ġesu tal-Evanġelju u nkunu dixxipli veri tiegħu.

F’DAN IL-MILIED NILTAQGĦU MA’ KRISTU

Il-Papa Franġisku fl-Introduzzjoni tal-Eżortazzjoni Apostolika IL-FERĦ TAL-EVANĠELU (n.3) jagħmlilna stedina, stedina ħierġa minn qalb ta’ Ragħaj preokupat għan-nagħaġ tiegħu. Huwa jistieden lili u lilek, għażiż ħija u għażiża oħti: “Nistieden lil kull nisrani, huma liema huma l-post u l-qagħda li jinsab fihom, biex iġedded illum stess il-laqgħa personali tiegħu ma’ Ġesù Kristu jew, tal-inqas, biex jieħu deċiżjoni li jħalli lilU jiltaqa’ miegħu, li jfittxu bla heda kuljum. M’hemm l-ebda raġuni għaliex wieħed jaħseb li din l-istedina mhux għalih”, għax kif jgħidilna l-Qaddis Papa Pawlu VI fil-Gaudium in Domino: ‘ħadd mhu eskluż mill-ferħ li jġib il-Mulej’.

Dan huma l-awguri tiegħi mhux biss għal dan iż-żmien tal-Milied imma wkoll għas-Sena l-Ġdida u għall-bqija ta’ ħajjitna: Inħallu li l-Mulej li ġej jimliena bil-ferħ li Hu biss jista’ jagħtina.

IL-MILIED IT-TAJJEB MIMLI FERĦ U TAMA

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading