Papa: Il-martri tal-Alġerija sinjal ta’ fraternità għad-dinja


It-Tlieta 11 ta’ Diċembru 2018: F’messaġġ lill-poplu tal-Alġerija, nhar is-Sibt li għadda, fil-Festa tal-Immakulata Kunċizzjoni, il-Papa Franġisku ħeġġiġhom biex jibqgħu mexjin ’l quddiem sabiex jitfejqu l-ġerħat tal-imgħoddi u titrawwem kultura ta’ inkontru u ko-eżistenza.

unnamedIt-19-il martri inqatlu bejn l-1994 u l-1996 waqt il-gwerra ċivili fl-Alġerija bejn il-gvern u l-gruppi Islamiċi. Kollha kienu reliġjużi u lkoll kellhom imħabba għal Kristu u xewqa li jaqdu l-poplu Musulman tan-nazzjon.

Il-Messaġġ tal-Papa inqara wara l-Quddiesa tal-Beatifikazzjoni ppresjeduta fil-belt ta’ Oran mill-Kardinal Angelo Becciu, il-prefett tal-Kongregazzjoni għall-Kawżi tal-Qaddisin.

Il-Papa fisser iċ-ċelebrazzjoni bħala waħda ta’ ferħ għall-Knisja fl-Alġerija u qal li hu jingħaqad mal-komunità fir-radd ta’ ħajr “għal dawk il-ħajjiet li ngħataw totalment għall-imħabba ta’ Alla, tal-pajjiż u n-nies li joqogħdu fih’”. Jalla din iċ-ċelebrazzjoni “tgħin biex tfejjaq il-ġerħat tal-imgħoddi u toħloq dinamika ta’ inkontru u ko-eżistenza fil-mixja wara dawn il-Beati tagħna”.

Il-Papa radd ħajr lill-awtoritajiet politiċi tal-Alġerija talli “għamluha possibbli li ssir ċelebrazzjoni fuq art Alġerina tal-beatifikazzjoni tal-Isqof Pierre Claverie u t-tmintax il-martri sħabu” u hu wera simpatija u viċinanza mal-poplu tal-Alġerija “li għaddew minn tbatija kbira matul il-kriżi soċjali fejn huma kienu vittmi fl-aħħar snin tas-seklu li għadda.”

Huwa qal li waqt li qed jiċċelebra “il-fedeltà ta’ dawn il-martri għall-pjan ta’ Alla għall-paċi” hu qed jitlob ukoll “għal ulied l-Alġerija li, bħall-martri, sabu ruħhom vittmi tal-istess vjolenza għaliex urew rispett f’ħajjithom għall-oħrajn u fedeltà fil-qadi ta’ dmirijiethom bħala nies li jemmnu u ċittadini

“Għalihom ukoll aħna ngħollu t-talb tagħna u nuru l-istima tagħna lejhom b’radd ta’ ħajr”.

Il-Knijsa Kattolika fl-Alġerija, il-Papa ssokta, tqis lilha nfisha eredi, flimkien man-nazzjon Alġerin kollu kemm hu, tal-kbir messaġġ ta’ mħabba mxerred minn wieħed mill-mexxejja spiritwali ta’ din l-art, Santu Wistin ta’ Ippona.

Il-Knisja Alġerina, qal, “tixtieq rwassal dan l-istess messaġġ f’dawn iż-żminijiet meta l-popli kollha qegħdin ifittxu biex imexxu ’l quddiem ix-xenqa tagħhom li jgħixu fil-paċi flimkien”.

“Bil-beatifikazzjon ta’ dawn id-dsatax ħutna, il-Papa Franġisku qal, il-Knisja tixtieq tagħti xhieda tax-xewqa tagħha li tissokta fil-ħidma tagħha għad-djalogu, armonija u ħbiberija.”

“Aħna nemmnu, temm jgħid, li din il-ġrajja minħajr preċedent fil-pajjiż “għad tpinġi fis-sema Alġerin sinjal kbir ta’ fratellanza indirizzat lid-dinja kollha.”

Vatican Media: 9 ta’ Diċembru, 2018. – https://www.indcatholicnews.com/news/36149.

Miġjub għall-Malti minn Louis Spiteri