14. Il-Knisja hija Universali min-Natura

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 13/11/1991.

1. Il-Knisja hija l-Poplu ta’ Alla tal-Patt il-Ġdid. Kif rajna fil-katekeżi preċedenti. Dan il-Poplu ta’ Alla għandu dimensjoni universali: din hija t-tema tal-katekeżi tallum.

Skont id-duttrina tal-Konċilju Vatikan II, “Il-poplu messjaniku, minkejja li fil-fatt ma jinkludix il-bnedmin kollha, u waqt illi kultant jidher bħala merħla żgħira, jikkostitwixxi għall-umanità kollha żerriegħa validissma (“firmissimum germen”) ta’ unità, ta’ tama u ta’ fidwa” (Lumen gentium, 9).

Tali universalità tal-Knisja bħala Poplu ta’ Alla hija f’relazzjoni stretta mal-verità rivelata dwar Alla bħala ħallieq ta’ dak kollu li jeżisti, Feddej tal-bnedmin kollha, awtur ta’ qdusija u ta’ ħajja f’kulħadd bil-qawwa tal-Ispirtu Santu.

2. Nafu li l-Patt il-Qadim kien sar ma’ poplu wieħed magħżul minn Alla, Iżrael. Madankollu diġa fit-Testment il-Qadim ma jonqsux it-testi li jħabbru bil-quddiem l-universalità futura. Din tiġi ndikata fil-wegħda magħmula minn Alla lil Abraham: “Fik jissejħu mberkin il-familji kollha tal-art” (Ġen 2, 3), wegħda mġedda iktar drabi u mifruxa għan-“nazzjonijiet kollha tal-art” (Ġen 18, 18). Testi oħra jippreċiżaw li din il-barka universali se tkun ikkomunikata permezz tad-dixxendenza ta’ Abraham, ta’ Iżakk u ta’ Ġakobb (Ġen 22, 18; 26, 4; 28, 14). L-istess prospettiva tiġi rkuprata f’termini oħra mill-profeti, prinċipalment fil-ktieb ta’ Iżaija: “Fl-aħħar taż-żmien – huwa jikteb – il-muntanjaa tat-tempju tal-Mulej tkun imgħollija fuq il-quċċata tal-muntanji u tkun iktar għolja mill-għoljiet; lejha jiġru l-ġnus kollha. Jiġu bosta popli u jgħidu: “Ejjew, nitilgħu fuq il-muntanja tal-Mulej, fit-tempju tal-Alla ta’ Ġakobb, biex jindikalna t-toroq tiegħu u nkunu nistgħu nimxu mill-mogħdijiet tiegħu” , , , Huwa jkun imħallef fost in-nies u jkun arbitru fost bosta popli” (Iż 2,4). “Il-Mulej tal-eżeċti Sid l-eżerċti jħejji fuq din il-muntanja festin ta’ xorb qawwi għall-popli kollha, festin ta’ mbejjed eċċellenti . . . Huwa jċarrat fuq din il-muntanja l-velu li kien jgħatti l-wiċċ tal-popli kollha u l-kutra li kienet tgħatti n-nies kollha” ( 25, 7-8). Mid-Dewtro-Iżaija jiġi t-tbassir li jolqot lill-“Qaddej tal-Mulej”: “Jien, il-Mulej . . . iffurmajtek u stabbilejtek bħala patt tal-poplu u dawl tal-ġnus” ( 42, 6). Sinifikattiv huwa wkoll il-ktieb ta’ Ġona meta jiddeskrivi l-missjoni tal-profeta f’Niniveh, ‘il hemm mill-isfera ta’ Iżrael (cf. Ġon 4, 10-11)

Dawn u passi oħra jġegħluna nifhmu li l-Poplu magħżul tal-Patt il-Qadim kien prefigurazzjoni u tħejjija tal-Poplu futur ta’ Alla, li kellu jkun ta’ firxa universali. Minħabba dan, wara l-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu, l-“Aħbar it-Tajba” tiġi mħabbra qabel xejn lill-Iżrael (At 2, 36; 4, 10).

3. Kien Ġesù Kristu l-fundatur tal-Poplu l-ġdid. Diġa fih tarbija x-xwejjaħ Simeone kien skopra d-“dawl” li ġie “biex idawwal l-ġnus”, skont il-profezija ta’ Iżaija kkwotata hawn fuq (Is 42, 6). Kien hu li fetaħ it-triq tal-popli għall-universalità tal-Poplu l-ġdid ta’ Alla, bħal ma jikteb San Pawl: “Infatti huwa hu l-paċi tagħna, dak li għamel poplu wieħed minn tnejn, waqt li ġarraf il-ħajt tal-firda li kien hemm bejniethom, jiġifieri l-animożità” (Ef 2,14). Għalhekk “mhemmx iktar Lhudi linqas Grieg . . . ġaladarba intom ilkoll intom wieħed fi Kristu Ġesù” (Gal 3, 28). L-appostlu Pawlu kien il-ħabbar ewlieni universali tal-Poplu ta’ Alla l-ġdid. B’mod speċjali mit-tagħlim tiegħu u mill-azzjoni tiegħu, ġejja minn Kristu nnifsu, għaddiet fil-Knisja l-konvinzjoni qawwija dwar il-verità li f’Ġesù Kristu ilkoll ġejna magħżulin, bla ebda distinzjoni ta’ ġens, lingwa jew kultura. Bħal ma jgħid il-Konċilju Vatikan II, “il-poplu messjaniku” li jitwieled mill-Vanġelu u mill-fidwa permezz tas-Salib, huwa “firmissimum germen” (żerriegħa validissma) ta’ unità, ta’ tama u ta’ fidwa għall-ġeneru uman kollu (cf, Lumen gentium, 9).

L-istqarrija ta’ din l-iniversalità tal-Poplu ta’ Alla fil-Patt il-Gdid tiltaqà, biex iddawlu mill-għoli, mal-aspirazzjoni u mal-isforzi li bihom il-poplu, speċjalment fil-jiem tagħna, jfittex l-unità u l-paċi waqt li jaħdem b’mod speċjali fl-isfera tal-ħajja internazzjonali u tal organiżazzjoni vitali tagħha. Il-Knisja ma tistax ma tħosshiex involuta f’tali moviment storiku, minħabba l-vokazzjoni u l-missjoni oriġinarja tagħha.

4. Ikompli infatti il-Konċilju billi jgħid li l-poplu messjaniku-Knisja, “imwaqqaf minn Kristu għal komunjoni ta’ ħajja, ta’ karità u ta’ verità, huwa wkoll propost biex ikun strument tal-fidwa ta’ kulħadd u, bħala dawl tad-dinja u melħ tal-art, huwa mibgħut għad-dinja kollha” (Ivi, 9). Dan il-ftuħ għad-dinja kollha, għall-popli kollha u għal dak kollu li hu uman, jappartieni għall-kostituzzjoni nfisha tal-Knisja. Dan jirriżulta mill-universalità tal-fidwa miftuħa fis-Salib u fil-Qawmien mill-Imwiet ta’ Kristu (Mt 28, 19; Mk 16, 15). Dan isib il-konsagrazzjoni tiegħu fil-jum ta’ Għid il-Ħamsin (Pentekoste) permezz tal-inżul tal-Ispirtu Santu fuq l-Appostli u fuq il-komunità ta’ Ġerusalem, l-ewwel nukleju tal-Knisja. Sa minn dawk il-jiem il-Knisja għandha l-għarfien tas-sejħa universali tal-bnedmin biex jiffurmaw parti mill-Poplu tal-Patt il-Ġdid.

5. Alla sejjaħ biex tifforma parti mill-Poplu tiegħu lill-komunità kollha ta’ dawk li jħarsu b’fidi lejn Ġesù, awtur tal-fidwa u sors ta’ paċi u unità. Din il-“komunità msejħa” hija l-Knisja, imwaqqfa sabiex “tkun għal kulħadd u għal individwi sagrament viżibbli ta’ din l’unità feddejja. Billi hija għandha testendi mad-dinja kollha, hija tidħol fl-istorja tal-bnedmin u fl-istess ħin iżda hija għandha tmur ‘il hemm miż-żminijiet u mill-fruntieri tal-popli” (Lumen gentium, 9). Dan huwa t-tagħlim tal-Konċilju, li jkompli: “Bħal ma diġa Iżrael, skont il-ġisem, jiġġerra fid-deżert, jiġi msejjaħ Knisja ta’ Alla (2 Esd 13, 1; cf. Nm 20, 4; Dt 23, 1ss.), hekk l-Iżrael il-ġdid tal-era preżenti, li qed jimxi fit-tiftix tal-belt futura u permanenti (Lh 13, 14), isejjaħ lilu nnifsu wkoll Knisja ta’ Kristu (Mt 16, 18) billi huwa akkwistaha b’demmu (At 20, 28), msawba bl-Ispirtu Santu u fornuta b’mezzi addattati għall-għaqda viżibbli u soċjali” (Lumen gentium, 9).

L-universalità tal-Knisja mela twieġeb għall-pjan traxxendenti ta’ Alla, li jopera fl-istorja umana bis-saħħa tal-ħniena “li trid is-salvazzjoni ta’ kulħadd” (1 Tm 2, 4).

6. Din ir-rieda feddejja ta’ Alla l-Missier hija r-raġuni u l-iskop tal-azzjoni li l-Knisja tiżvolġi sa mill-bidu biex twieġeb għall-vokazzjoni tagħha ta’ poplu messjaniku tal-Patt il-Ġdid, b’dinamiżmu miftuħ għall-universalità, bħal ma Ġesù stess jindika fil-mandat u fl-assikurazzjoni li jagħti lil Pawlu ta’ Tarsu, l-Appostlu tal-Ġnus: “Għal dan neħilsek mill-poplu u mill-pagani, li għandhom nibgħatek biex tiftħilhom għajnejhom, sabiex jgħaddu mid-dlamijiet għad-dawl u mill-poter ta’ Satana għal Alla u jiksbu l-maħfra tad-dnubiet u l-wirt f’nofs dawk li kienu mqaddsa għall-fidi fija” (At 26, 17-18).

7. Il-Patt il-Ġdid li għalih hija msejħa l-umanità, huwa wkoll patt etern (cf. Lh 13, 20), u għalhekk il-poplu messjaniku huwa ttimbrat minn vokazzjoni eskatoloġika. Huwa dan li jiġina ċċertifikat b’mod partikolari fl-aħħar ktieb tat-Testment il-Ġdid, l-Apokalissi, li jenfasizza l-karattru universali ta’ Knisja mifruxa fiż-żmien u, ‘l hemm miż-żmien, fl-eternità. Fil-viżjoni ċelesti kbira, li ssegwi fl-Apokalissi l-ittri ndirizzati lis-sebà Knejjes, il-Ħaruf jiġi b’mod sollenni mfaħħar minħabba li ġie ssagrifikat u feda għal Alla b’demmu “bnedmin ta’ kull tribù, lingwa u nazzjon” u ffurmahom f’saltna ta’ saċerdoti għal Alla tagħna (cf. Ap 5, 9-10). F’viżjoni suċċessiva, Ġwanni jilmaħ “moltitudni mmensa, li ħadd ma setà jgħodd, minn kull nazzjon, razza, poplu u lingwa. Ilkoll kienu wieqfa quddiem it-tron (ta’ Alla) u quddiem il-Ħaruf” (Ap 7, 9), Knisja tal-art u Knisja tas-sema, Knisja tal-Appostli u tas-suċċessuri tagħhom u Knisja tal-Beati, Knisja ta wlied Alla fiż-żmien u fl-eternità: din hija realtà unika tal-poplu messjaniku li jinfirex ‘il hemm mil-limiti ta’ spazju u epoka storika, skont il-pjan divin tal-fidwa li jirrifletti ruħu fil-kattoliċità.

Miġjub mit-Taljan għall-Mlti minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading