13. Il-Knisja hija l-Poplu l-Ġdid ta’ Alla


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 06/11/1991.

1. Nistgħu nibdew ukoll din il-katekeżi, skont il-programm u l-metodu li pproponejna, bil-qari ta’ pass mill-kostituzzjoni konċiljari Lumen gentium.

“Alla ried iqaddes u jsalva lill-bnedmin mhux individwalment u bla ebda rabta bejniethom, imma ried bihom jikkostitwixxi poplu, li jagħrfu fis-sewwa u jaqdih fedelment . . . Stabilixxa magħhom patt, u ffurmah bil-mod waqt li wera fl-istorja tiegħu Lilu nnifsu u l-pjanijiet tiegħu u billi jqaddsu għalih” (Lumen Gentium, 9). Oġġett tal-katekeżi preċedenti kien dan il-Poplu ta’ Alla tal-Patt il-Qadim. Imma l-Konċilju minnufih iżid li “dan kollu seħħ bi tħejjija u b’figura ta’ dak il-patt ġdid u perfett li kellu jitwettaq fi Kristu, u ta’ dik ir-rivelazzjoni iktar totali li kellha ssir permezz tal-Verb innifsu ta’ Alla magħmul bniedem” (Lumen Gentium, 9). Il-pass kollu kkwotat mill-kostituzzjoni konċiljari dwar il-Knisja jinsab fil-bidu tal-Kapitolu II. Intitolat “Il-Poplu ta’ Alla”. Skont il-Konċilju, infatti, il-Knisja hija l-poplu ta’ Alla tal-Patt il-Ġdid. Dan huwa l-ħsieb diġa mwassal minn San Pietru lill-ewwel komunitajiet insara: “Intom, li darba kontu non-poplu, issa iżda intom il-Poplu ta’Alla” (1 Pt 2, 10).

2. Fir-realtà storika tagħha u fil-ministeru tejoloġiku tagħha l-Knisja toħroġ mill-Poplu ta’ Alla tal-Patt il-Qadim. Ukoll jekk taħtar lilha nfisha bl-isem qahal (= assembleja), madankollu fit-Testment il-Ġdid jirriżulta b’mod ċar li hija hi l-Poplu ta’ Alla ikkostitwit b’mod ġdid bl-opra ta’ Kristu u bis-saħħa tal-Ispirtu Santu.

San Pawl fit-Tieni Ittra lill-Korintin, jikteb, “Infatti aħna t-tempju tal-Alla l-ħaj, bħal ma qal Alla nnifsu: Jien ngħammar f’nofshom u magħhom nimxi u nkun l-Alla tagħhom, u huma jkunu il-poplu tiegħi” (2 Kor 6, 16). Il-poplu ta’ Alla jiġi kkostitwit b’mod ġdid, għaliex minnu jagħmlu parti dawk kollha li jemmnu fi Kristu, mingħajr “ebda diskriminazzjoni” bejn Lhud u mhux Lhud (cf. At 15, 9). Dan jgħidu b’mod ċar, fl-Atti tal-Appostli, San Pietru, li f’dan ir-rigward “bħal kif ried sa mill-bidu Alla jagħżel minn fost il-pagani poplu biex jikkonsagrah lil ismu” (At 15, 14). U San Ġakbu ddikjara li “b’dan jaqbel il-kliem tal-profeti” (At 15, 15).

Konferma oħra ta’ din il-prospettiva tingħata minn San Pawl, waqt l-ewwel qagħda tiegħu fil-belt pagana ta’ Korintu, meta semà dan il-kliem ta’ Kristu: “La tibżax, imma kompli tkellem . . . għaliex f’din il-belt jien għandi poplu numeruż” (At 18, 9-10). Fl-aħħarnett fl-Apokalissi hemm imxandar: “Hawn hi l-għamara ta’ Alla mal-bnedmin! Huwa se jgħammar fosthom u huma se jkunu l-poplu tiegħu u hu se jkun Alla-magħhom”” (Ap 21, 3).

Minn dan kollu ifeġġ l-għarfien li sa mill-bidu hemm fil-Knisja dwar il-kontinwità u fl-istess ħin in-novità tal-propja realtà tal-Poplu ta’ Alla.

3. Diġa fit-Testment il-Qadim Iżrael kellu jagħmel għażla u inizjattiva divina li jkun il-Poplu ta’ Alla. Kienet iżda limitata għal nazzjon wieħed biss. Il-Poplu l-Ġdid ta’ Alla jaqbeż dawn il-fruntieri. Dan jiġbor fih bnedmin minn fost il-ġnus, il-lingwi u r-razez kollha. Għandu karattru universali, jiġifieri kattoliku. Bħal ma jgħid il-Konċilju, “Kristu waqqaf dan il-patt il-ġdid, jiġifieri l-patt il-ġdid f’demmu (cf. 1 Kor 11, 25), waqt li sejjaħ nies mill-Ġudej u min-nazzjonijiet, sabiex iwaqqaf f’għaqda mhux skont il-ġisem, imma fl-Ispirtu, u dan jikkostitwixxi l-Poplu l-ġdid ta’ Alla” (Lumen Gentium,  9). Is-sies ta’ din in-novità – l-universaliżmu – hija r-redenzjoni mwettqa minn Kristu. Infatti Hu, “biex iqaddes il-poplu b’demmu, bata barra minn bieb il-belt” (Lh13, 12). “Għalhekk kellu jirrendi ruħu f’kollox simili għal ħutu biex isir il-qassis il-kbir ħanin u fidil fil-ħwejjeġ li jirrigwardaw lil Alla, bi skop li jħallas għad-dnubiet tal-poplu” (Eb 2, 17).

4. Hekk ġie ffurmat il-Poplu tal-Patt il-Ġdid. Tali patt imħabbar mill-profeti tat-Testment il-Qadim, b’mod partikolari minn Ġeremija u minn Eżekjel. F’Ġeremija naqraw:  “Hekk hu, għad jiġu jiem, jgħid il-Mulej, li fihom mad-dar ta’ Iżrael (u mad-dar ta’ Ġuda) jien se nikkonkludi patt ġdid” (Ġer 31, 31). “Dan se jkun il-patt li jiena se nikkonkludi mad-dar ta’ Iżrael wara dawk il-jiem, jgħid il-Mulej: se ninponi l-liġi tiegħi f’ruħhom, se niktibha fuq qalbhom. Allura jien se nkun l-Alla tagħhom u huma l-poplu tiegħi” (Ġer 31, 33).

Il-profeta Ezekjel iħalli tfiġġ ferm iktar il-prospettiva ta’ tiswib tal-Ispirtu Santu, li fiha l-patt il-ġdid se jsib it-twettiq tiegħu: “Se nagħtikom qalb ġdida (jgħid il-Mulej), se nqiegħed ġo fikom spirtu ġdid, se nwarrab minn ġo fikom qlubkom tal-ġebel u nagħtikom qalb tal-laħam. Se nqiegħed l-ispirtu tiegħi ġo fikom u nġibkom tgħixu skont il-preċetti tiegħi u se nġibkom tosservaw u tqiegħdu fil-prattika l-liġijiet tiegħi”  ( 36, 26-27).

5. Il-Konċilju jiġbed b’mod speċjali lejn l-ewwel ittra ta’ Pietru t-tagħlim tiegħu dwar il-Poplu ta’ Alla tal-Patt il-Ġdid, werriet ta’ dak tal-Patt il-Qadim: “Dawk li jemmnu fi Kristu, billi ġew riġġenerati mhux minn żerriegħa korruttibli, imma minn waħda inkorruttibli, għall-glorja ta’ Alla l-ħaj (cf. 1 Pt 1, 23), mhux mil-laħam imma mill-ilma u mill-Ispirtu Santu (cf. Ġw 3, 5-6), jikkostitwixxu “linjaġġ magħżul, saċerdozju rjali, ġens qaddis, poplu salvat… Dak li darba linqas ma kien poplu, issa iżda huwa l-Poplu ta’ Alla”” (Lumen Gentium, 9). Bħal ma wieħed jistà jara, din id-duttrina konċiljari tenfasizza ma’ San Pietru, il-kontinwità tal-Poplu ta’ Alla ma’ dak tal-Patt il-Qadim, imma wkoll toħroġ in-novità f’ċertu sens assoluta tal-poplu l-ġdid, stabbilit bis-saħħa tal-Fidwa fi Kristu, salvat (=akkwistat) bid-demm tal-Ħaruf.

6. Il-Konċilju jiddeskrivi din in-novità tal-“poplu messjaniku”, li “għandu b’mexxej lil Kristu “mogħti għall-mewt minħabba fi dnubietna u rxuxtat għall-purifikazzjoni tagħna” (Rm 4, 25) . . . Għandha b’kondizzjoni d-dinjità u l-libertà ta’ wlied Alla, fil-qalb ta’ min jġħammar l-Ispirtu Santu bħallikieku ġo tempju. Għandha b’liġi l-preċett il-ġdid li wieħed iħobb bħal ma l-istess Kristu ħabbna (cf. Ġw 13, 34). U fl-aħħarnett, għandha b’għan s-Saltna ta’ Alla, mibdija fl-art mill-istess Alla, u li għandha tkun bl-istess mod mifruxa iktar, sabiex fl-aħħar tas-sekli tkun minnu mwassla għat-twettiq, meta jerġà jidher Kristu, (cf. Kol 3, 4), u “wkoll l-istess krejaturi jkunu meħlusa mill-iskjavitù tal-korruzzjoni biex jieħdu sehem fil-libertà glorjuża ta’ wlied Alla” (Rm 8, 21)” (Lumen Gentium,  9).

7. Din hija d-deskrizzjoni tal-Knisja bħala l-Poplu ta’ Alla tal-Patt il-Ġdid (cf. Lumen Gentium,  9), nukleju ċentrali tal-umanità l-ġdida msejħa kollha kemm hi biex tifforma parti mill-poplu l-ġdid. Infatti, il-Konċilju jżid li “il-poplu messjaniku, għalkemm ma jinkludix fil-fatt lill-bnedmin kollha, u għalkemm jidher kuiltant bħal merħla ċkejkna, jikkostitwixxi għall-umanità kollha żerriegħa validissma ta’ unità, ta’ tama u ta’fidwa. Imwaqqaf minn Kristu għal komunjoni ta’ ħajja, ta’ karità u ta’ verità, huwa wkoll minnu propost biex ikun strument tal-fidwa ta’ kulħadd u, bħala dawl tad-dinja u melħ tal-art (cf. Mt 5, 13-16), huwa mibgħut mad-dinja kollha” (Lumen Gentium,  9).

Għal din it-tema fundamentali u affaxxinanti se niddedikaw il-katekeżi li jmiss.

Miġjub mit-Taljan għall-Mlti minn Emanuel Zarb