Illum il-Knisja tfakkar lil San Enriku II

Print Friendly, PDF & Email

Fit-13 ta’ Lulju l-Knisja tfakkar lil San Enriku II, Imperatur li għex bejn is-snin 973 sa 1024.

San Enriku twieled fil-Bavarja, fis-sena 973. Missieru kien id-Duka tal-Bavarja.

Enriku rċieva edukazzjoni mill-aħjar taħt it-treġija ta’ San Wolfangu, Isqof ta’ Ratisbon.

Huwa żżewweġ lil Kunegunda li hi wkoll qaddisa. Ma kellhomx tfal. Meta missieru miet, laħaq hu floku bħala Duka tal-Bavarja, fis-sena 995.

Wara l-mewt tal-Imperatur Otto III, Enriku li kien jiġi l-kuġin tiegħu, inħatar Imperatur floku, fl-1002.

Fl-1004, huwa keċċa lil Ardwin mill-Italja, u nkuruna lilu nnifsu bħala Re tal-Italja. Huwa keċċa wkoll lil Boleslaw I tal-Polonja mill-Boemja.

Fil-1014, mar Ruma fejn il-Papa Benedittu VIII inkurunah Imperatur tas-Sagru Imperu Ruman. Huwa ggverna b’mod l-iktar effiċjenti u kien iżomm dejjem quddiem għajnejh il-liġi ta’ Alla u li jkun ta’ għajnuna għall-Knisja. Kien popolari u maħbub ħafna mill-poplu.

Waqqaf is-sedi ta’ Bamberg, u bena l-Katidral li l-Papa Benedittu VIII mar jikkonsagra fl-1020. Fl-istess żmien bena wkoll il-monasteru ta’ Bamberg. Għamel lil Bamberg ċentru ta’ kultura nisranija. Fl-1021 reġa niżel bl-armata tiegħu fl-Italja biex jiddefendi lill-Papa u lill-Insara mis-Seraċini u l-alleati tagħhom, il-Griegi.

San Enriku II miet fl-14 ta’ Lulju, 1024 fil-Ġermanja. Il-Papa Benedittin Cistercens, il-Beatu Ewġenju III mar jikkanonizzah fl-1146, waqt li l-Papa San Piju X ħatru Patrun tal-Oblati (speċi ta’ Terzjarji Benedittini) fl-1910.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading