Min aħna aħna biex niddubitaw il-fiduċja f’San Ġużepp?


Il-Ħadd, 12 ta’ Lulju 2020: Quddiesa Pontifikali fil-festa ta’ San Ġużepp mill-Arċisqof Charles J. Scicluna, fil-Knisja Parrokkjali San Leonardu, Ħal Kirkop …

Capture.PNGjjj

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Malli toqrob it-tifkira tal-patrijarka San Ġużepp — u diversi rħula li għandhom lilu bħala patrun, jew prinċipali jew sekondarju jibdew jiżżejnu bl-armar — nibdew naraw jinbtu fit-tiżjin tal-festi dawn it-tliet kelmiet: Ite ad Josef (morru għand Ġużeppi). L-ewwel qari li smajna llum jagħtina l-ispjega ta’ minn fejn ġejjin dawn il-kliem li nassoċċjaw ma’ San Ġużepp, l-għarus ta’ Marija Verġni.

L-ewwel qari jispjegalna li fi żmien il-fargħun, wieħed mit-tnax-il ulied ta’ Ġakobb, li kien jismu Ġużeppi u li ħutu biegħuh, għalhekk nirreferu għalih bħala Ġużeppi mibjuhħ minn ħutu, spiċċa l-Eġittu u peress li l-Mulej tah id-don li jinterpreta l-ħolm, minn skjav sar wieħed mill-kollaboraturi l-kbar tal-fargħun.

Darba minnhom il-fargħun kellu ħolma: jara seba’ baqriet smien imbagħad jiġu seba’ baqriet propju għadma u ġilda u dawn jieklu lil dawk li huma qawwija. Hu ried ikun jaf xi tfisser din il-ħolma. Ħadd ma seta jispjegalu. Ġużeppi, li kien mogħti dan id-don, jispjega lilFargħun u jgħidlu li se jiġu seba’ snin ta’ xaba u mbagħad jiġu seba’ snin ta’ ġuħ u dawk se jieklu lil ta’ qabilhom. Il-Faragħun qallu x’jista’ jagħmel u Ġużeppi wieġbu li se jieħu ħsieb hu.

Il-qari tal-lum jibda minn meta Ġużeppi jingħata l-kmand mill-fargħun biex jieħu ħsieb jara li l-Eġittu ma jisfax fil-ġuħ. Hu ħa ħsieb jara li l-qamħ li kiber fis-seba’ snin ta’ xaba ma jittikilx kollu f’daqqa sabiex meta jiġu s-seba’ snin ta’ ġuħ ikun jista’ jitma l-poplu u l-poplu ma jkollux ġuħ.

F’dan il-perjodu, Ġużeppi, bin Ġakobb, ikollu żewġ ulied, imbagħad il-profezija tiegħu, il-ħolma li spjega, isseħħ. Il-poplu jibda jħoss il-ġuħ għax waslu s-seba’ snin ta’ għaks. “U l-fargħun beda jgħid lin-nies kollha tal-Eġittu: ‘Morru għand Ġużeppi, u agħmlu li jgħidilkom’ (Ġen 41:55). Allura, dan il-kliem, “Morru għand Ġużeppi”, bil-Latin jiġi ite ad Josef. Mela meta fuq xi standard jew fuq xi pavaljun mat-toroq taraw miktub ite ad Josef, tafu li dawn il-kliem ġejjin mill-ktieb tal-Ġenesi li qrajna llum. Il-Knisja tapplikahom għal Ġużeppi ieħor li missieru wkoll kien jismu Ġakobb, għax San Ġużepp missieru kien jismu Ġakobb, kif smajna fl-Evanġelju tal-lum skont San Mattew.

Kap tal-familja tal-Mulej

Hemm dan ix-xebh kbir li fil-milja taż-żminijiet il-Mulej jibgħat Ġużeppi, wkoll wild Ġakobb, bħalma Ġużeppi li nsibu fl-Antik Testment missieru kien Ġakobb, u hemm xebh kbir. Issa dan it-tixbih ma ġiex minn xi ħadd bravu, imma huma l-papiet stess li użaw din it-tixbieha. Din il-ħaġa laqtitni għaliex peress li din is-sena qed infakkru l-150 sena minn meta l-Beatu Papa Piju IX iddikjara lil San Ġużepp patrun tal-Knisja Universali, ġiegħel lill-Kongregazzjoni tal-Riti, tal-Liturġija, toħroġ digriet li mbagħad ħareġ fit-8 ta’ Diċembru 1870.

F’din ir-riflessjoni propju hemm dan ix-xebh: kif Alla sejjaħ lil Ġużeppi, bin il-Patrijarka Ġakobb, biex fl-art tal-Eġittu jfaddal il-qamħ u jitma lill-poplu bil-ġuħ, hekk ukoll fil-milja taż-żminijiet, il-Mulej sejjaħ Ġużeppi ieħor bin Ġakobb biex jieħu ħsieb lil dak li sejjaħ lilu nnifsu “Il-ħobż tas-sema”. Kemm hi tixbieha sabiha din li saret propju 150 sena ilu. Il-Knisja tħares lejn Ġużeppi, bin il-Patrijarka Ġakobb, li fil-mument tal-ikbar bżonn u tal-ikbar ġuħ, bl-għaqal tiegħu jagħti lill-poplu l-ikel li kellu bżonn u tqabblu ma’ Ġużeppi l-għarus ta’ Marija, li kien magħżul biex jipproteġi, jiggarantixxi l-ħajja, it-trobbija u anke s-sengħa lil dak li qal: “Jien hu l-ħobż tal-ħajja. Min jiekol ġismi u jixrob demmi jibqa’ fija u jiena fih u jkollu l-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 6:51).

Din l-interpretazzjoni kkonfermaha wkoll l-Papa Ljun XIII fl-enċiklika tiegħu Quamquam pluries tal-15 ta’ Awwissu 1889. Il-Papa Ljun XIII, il-papa ta’ wara l-Beatu Piju IX, jirrepeti din it-tixbieha, anzi jfissirha iżjed. Hu jgħid li t-tixbieh bejn Ġużeppi tal-Antik Testment, bin Ġakobb, u l-għarus ta’ Marija Ġużeppi, bin Ġakobb, huwa l-ewwel nett li Ġużeppi t-tnejn li huma imma anke l-għarus ta’ Marija, sab grazzja quddiem sid id-dar. Min hu sid id-dar? Il-Mulej Alla! Il-Mulej Alla ħares lejn dan il-mastrudaxxa umli, bniedem ġust minn Nazaret u qallu li se jagħżel lilu biex jieħu ħsieb lil Marija u lil Binha li huwa wkoll l-Iben Divin. Barra minn hekk, poġġieh kap tal-familja tiegħu. Mela mhux biss sab grazzja quddiem Alla imma l-Mulej Alla l-Missier poġġa lil San Ġużepp kap fuq l-għeżeż familja li kellu: dik tal-omm Alla u l-Iben ta’ Alla u barra minn hekk Ġużeppi ħares dan “il-ħobż tas-sema”. Huwa għamel dan billi bl-istint ġust tiegħu, malli sema’ li Marija tqila, ma xandarhiex (Mt 1:19).

L-Evanġelju ta’ San Mattew, ma tahiex biex iħaġġruha, u bis-sens ta’ ġustizzja li kellu u li kienet tmur ’il hemm mill-liġi, Ġużeppi salva lill-omm u salva lil binha. Imbagħad, bħal Ġużeppi tal-Antik Testment il-Mulej kellmu fil-ħolm għal darba, drabtejn, tlieta u jgħidlu: “Ġużeppi, bin David, xejn la tibża’ tieħu għandek lil martek Marija, għax dak li tnissel fiha ġej mill-Ispirtu s-Santu” (Mt 1:20). Mela jekk kien hemm bżonn li l-anġlu jkellem lil Marija fil-misteru tal-Annunzjazzjoni biex jgħidilha: inti tilqa’ l-proposta li tkun omm Alla? Li fik l-Iben ta’ Alla jitnissel? “Hawn hi l-qaddejja tal-Mulej, ikun minni skont kelmtek” (Lk 1:38). Kif kien hemm bżonn li l-anġlu jħabbar lil Marija, kien hemm ukoll bżonn li l-anġlu jħabbar lil Ġużeppi, did-darba fil-ħolm. Imma “Ġużeppi, meta qam, għamel kif ordnalu l-anġlu tal-Mulej, u ħa lil martu għandu” (Mt 1:4). Dawn iż-żewġt erwieħ, Marija u Ġużeppi, qabel jingħaqdu bl-għerusija ta’ mħabbithom, jingħaqdu fl-ubbidjenza tagħhom lejn Alla.

Jien nixtieq li f’dan il-mument speċjali, meta aħna fil-Knisja kollha qegħdin nippreparaw għal 150 anniversarju tad-dikjarazzjoni ta’ Ġużeppi l-għarus ta’ Marija, San Ġużeppi bħala l-patrun tal-Knisja Universali, nixtieq ukoll niġbed l-attenzjoni tagħkom fuq it-tieni kelma li jgħid l-fargħun. Ma jgħidilhomx biss “morru għand Ġużeppi”, imma jgħidilhom ukoll: “agħmlu li jgħidilkom” (Ġen 41:55). Immaġinaw lil San Ġużepp illum, kieku x’se jgħidilna?

… fis-silenzju tagħna nagħmlu opri ta’ mħabba …

X’nitgħallmu mingħand San Ġużepp?

L-ewwel nett jgħidilna li nagħmlu tajjeb li nduru għalih għax il-Knisja f’dawn l-aħħar 150 sena kkonfermat id-devozzjoni tal-Poplu ta’ Alla. Il-papiet ma vvintawx dan it-titlu kif ġieb u laħaq. L-ewwel żewġ talbiet li l-isqfijiet tad-dinja għamlu lil Piju IX fil-bidu tal-Konċilju Vatikan I fl-1869 kellhom x’jaqsmu ma’ San Ġużepp. L-ewwel li l-festa ta’ San Ġużepp tkun iżjed solenni u t-tieni kien hemm talba biex jiġi ddikjarat bħala l-patrun tal-Knisja Universali. Meta mbagħad il-papa tilef kważi kollox, beda jitlob lil San Ġuzepp għax l-affarijiet kienu sejrin mill-ħażin għall-agħar. Anke l-papa ħass li ġejjin fuqu mhux seba’ snin biss ta’ għaks imma futur ta’ għaks. Ħin minnhom jgħid li donnu rebħu l-għedewwa tal-Knisja, u li aħjar nintelqu f’idejn San Ġużepp, bħalma għamel il-Missier meta lil Ibnu u lil Ommu afdahom f’idejh. “Qum, ħu miegħek lit-tifel u ’l ommu, u aħrab lejn l-Eġittu. Ibqa’ hemm sa ma ngħidlek jien, għax Erodi se jfittex lit-tifel biex joqtlu” (Mt 2:13). “Qum, erġa’ rritorna għax min ried joqtol lit-tifel miet hu” (Mt 2:20). Imma Alla ma kien jagħmel l-ebda maġija biex isalva ’l ibnu u nqeda bi bniedem bħalna. Lil San Ġużepp kien jafdah.

L-aħwa, meta nisimgħu l-Kelma tiegħu, nagħmlu din ir-riflessjoni. Jekk il-Missier Etern ra l-qalb ta’ San Ġużepp u afdah, aħna min aħna biex niddubitaw mill-fiduċja lejn San Ġużepp? X’se jgħidilna San Ġużepp? Jgħidilna biex nitqatlu bħall-klieb u l-qtates? Biex ikollna rabja ma tispiċċa qatt għal xulxin? Jew jgħidilna li fis-silenzju tagħna nagħmlu opri ta’ mħabba, li nħobbu lil xulxin, li naħfru lil xulxin?

Ġesù tgħallem ħafna minn San Ġużepp. Mingħandu tgħallem ukoll is-silenzju għax qudiem Pilatu, ħin minnhom, għalaq ħalqu. Naħseb li f’dak il-mument ftakar dik f’missieru l-putattiv. Meta kien jitkellem fuq il-Missier u jgħid li l-Iben jagħmel dak li jagħmel il-Missier, nimmaġina wkoll li Ġesù kien jaħseb San Ġużepp, għax hu hekk tgħallem: iħares lejn missieru ta’ din l-art putattiv, u jagħmel bħalu. San Ġużepp illum jgħidilna: meta tisimgħu l-Kelma t’Alla fil-qalb tagħkom, obduh.

Jista’ jkun li jaqlibilna ħajjitna ta’ taħt fuq. Mhux hekk għamillu l-Mulej lil San Ġużepp? -ubbidjenza hi l-glorja ta’ San Ġużepp. Immaġinaw kieku qallu li se jagħmel fattih? Imma San Ġużepp m’għamilx hekk u minkejja ħajtu ġiet rasha ’l isfel u saqajha ’l fuq, obda u salva lil omm u salva lis-Salvatur. Qed tifhmuni x’qed ngħidu? Qed tisimgħuni tajjeb? Li Ġużeppi, bl-ubbidjenza tiegħu, salva lis-Salvatur, feda lill-Feddej, u ħeles lir-Redentur mix-xibka tal-mewt! Hu ħerqan li jistedinna għall-ikla li ħejja Ġesu, l-iben putattiv tiegħu.

… Ġesù ħerqan jitmagħna fil-mumenti tal-ġuħ tagħna.

Intom illum ġejtu tifirħu bil-kwadru tal-patroċinju ta’ San Ġużepp, u tagħmlu sew. Imma issa abandonship? Tiġu biss lejn il-Knisja fil-funerali, fil-preċett ta’ wliedkom u fil-griżma? Ġesù, li sejjaħ lilu nnifsu l-ħobż tal-ħajja, illum iħares lejn Ġużeppi u jgħidlu biex ma nabbandunawh. Hekk kif il-Patrijarka bin Ġakobb tegħma lill-poplu Lhudi fil-mument tal-ġuħ, hekk ukoll Ġesù ħerqan jitmagħna fil-mumenti tal-ġuħ tagħna.

Dak li jwassalna għand Ġesù

Fil-qari li smajna mill-Ktieb tal-Ġenesi hemm din il-frażi sabiħa. “Kienu jiġu l-Eġittu minn kull pajjiż għand Ġużeppi biex jixtru l-qamħ għax il-ġuħ kien jagħfas fuq kull art” (Ġen 41:57). Il-bniedem, forsi mingħajr ma jaf, għandu l-ġuħ għal Ġesu Ewkaristija, għandu l-ġuħ għall-ħobż tas-sema, il-ħobż safi li jwassal għall-ħajja ta’ dejjem. Illum, jekk irridu, mhux biss naslu għand Ġużeppi imma jekk nagħmlu dak li jgħidilna, nersqu lejn il-ħobż li ħejja ibnu l-putattiv, il-ħobż li ħejja Ġesù, għax dak il-ħobż aħna nistgħu nersqu lejh minħabba l-ubbidjenza ta’ Ġużeppi li salva lill-iben u lill-omm. Ġużeppi bin Ġakobb, ma jagħtiniex il-ħobż imma jwassalna għand min qal: “Jiena hu l-ħobż tal-ħajja”.

“Nagħmel li n-nisel tiegħek jibqa’ għal dejjem”. Għal liema nisel qed jgħid is-Salm 88? Għan-nisel ta’ David. Wieħed mir-rwol importanti ta’ Ġużeppi huwa li l-Iben ta’ Alla jkun mill-familja ta’ David. Ġesu huwa mill-familja ta’ David għaliex Ġużeppi tah dak l-isem, għax Ġużeppi kien mill-familja ta’ David. U għalhekk Alla għażel lil Ġużeppi mill-familja ta’ David biex f’ħajtu, ibnu jkun jista’ jwettaq il-wegħda li għamel il-Mulej li David: “in-nisel tiegħek jibqa’ għal dejjem u li t-tron tiegħek jibqa’ sħih f’kull nisel”.

Wara li inawgurajna l-kwadru tal-artist bravu Manuel Farrugia, tlabna t-talba ta’ San Ġużepp. Tafu minn fejn ġejja dik it-talba? Aktar kmieni semmejtilkom dokument sabiħ tal-Papa Ljun XIII tal-15 ta’ Awwissu 1889. Wara dan id-dokument sabiħ fuq San Ġużepp, il-Papa Ljun XIII ordna li t-talba li kiteb tibda tingħad kuljum fix-xahar ta’ Ottubru wara r-rużarju. Din it-talba li tlabna hija daqshekk antika u proprju saret fuq rieda tal-Papa Ljun XIII. Kif tafu, il-Papa San Ġwann Pawlu II fiċ-ċentinarju ta’ dan id-dokument ta’ Ljun XIII (Quamquam pluries) ħareġ dokument sabiħ li jismu Redemptoris Custos, (Il-Kustodju tar-Redentur). Il-Papa San Ġwann Pawlu II jitkellem dwar San Ġużepp bħala patrun tal-Knisja Universali u nixtieq nikkonkludi b’dan il-kliem sabiħ ta’ dan il-papa qaddis, li fil-paragrafi 29 u 30 jgħid hekk:

“Dan il-patroċinju għandu jitqies illum ukoll bħala meħtieġ għall-Knisja, mhux biss għall-ħarsien tagħha kontra kull tiġrib, imma wkoll, u l-aktar biex iħeġġiġna għall-impenn ġdid ta’ evanġeliżżazzjoni tad-dinja … Minbarra li tafda fil-ħarsien ta’ San Ġużepp, il-Knisja tafda wkoll fl-eżempju mill-aqwa li hu jagħtiha, eżempju li jisboq kull sura individwali ta’ ħajja u jgħodd għall-komunità Nisanija kollha, hi x’inhi l-qagħda ta’ kull Nisrani u huma x’inhuma dmirijiethom”.

Nagħlaq bl-għajta li l-Papa San Ġwann Pawlu II jikkkonkludi d-dokument Redemtoris Custos: “Jalla San Ġużepp jaqla’ għall-Knisja u għad-dinja, u għal kull wieħed u waħda minna, il-barka tal-Missier u tal-Iben u tal-l-Ispirtu s-Santu”.

Viva San Ġużepp!

✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Ġen 41:47-57
Salm: 88
Qari II: Rum 4:13.16-18.22
Evanġelju: Mt 1: 16.18-21.24a