Sintesi tas-sitt u s-seba’ kapitlu tal-Amoris Laetitia.

Print Friendly, PDF & Email

FORMAZZJONI U INFORMAZZJONI MILL-KUMMISSJONI TEOLOĠIKA (40)

17 ta’ Ġunju 2016

Sintesi tas-sitt u s-seba’ kapitlu tal-Eżortazzjoni Appostolika tal-Papa Franġisku, Amoris Laetitia. Dr Pauline Dimech

Il-Kummissjoni Teoloġika qed toffri sensiela ta’ sussidji teoloġiċi dwar Amoris Laetitia. Se noffru sintesi dwar is-sitt u s-seba’ Kapitlu tal-Eżortazzjoni Appostolika.

Amoris Laetitia – Kapitlu VI

Xi perspettivi pastorali

 

Dan il-kapitlu jintroduċi element ġdid fid-dokument kumplessiv, dak pedagoġiku. Filfatt flimkien mal-kapitlu sebgħa, dan il-kapitlu jħejji t-triq għall-osservazzonijiet importanti li jagħmel il-Papa Franġisku fil-kapitlu tmienja u li mingħajr il-formazzjoni tajba morali u tejologika n-Nisrani ma jistax jifforma gudizzju matur. Dan il-kapitlu għalhekk jindirizza b’mod pjuttost globali l-isfidi u l-opportunitajiet tal-ħidma pastorali fil-qasam taz-zwieġ u tal-familja.

I – Ix-xandir tal-Vanġelu tal-Familja llum

Bħalma l-familja hija cellula vitali għas-socjetà hija wkoll indispensabbli fil-ħidma tal-evanġelizazzjoni. Jekk il-Knisja hija sinjal ta’ kontradizzjoni meta x-xandar il-Vanġelu ta’ Sidna Ġesu’ hekk ukoll il-familja, fi spirtu ta’ umiltà u ta’ mogħdrija trid issaħħah il-proġett apostoliku tax-xandir tal-Bxara t-Tajba. Dan ma jistax iseħħ f’izolament, izda, u l-Knisja għandha dmir ewlieni li permezz tal-istrutturi kollha tagħha tkun ta’ appoġġ kontinwu f’dan il-qasam. Filwaqt li r-rejaltajiet tal-familja huma varji skont il-kultura, hekk ukoll l-isfidi interni u esterni joffru stampa kumplessa li rridu dejjem nindirizzaw b’kuraġġ, bi professjonalità u b’sensittività. L-oqsma kollha tal-Knisja, i.e., il-parrocci, il-ħdima kateketika, l-għajnuna professjonali, it-tħejjija tas-seminaristi, għandhom izommu din il-vizjoni ta’ ħidma kumplessiva bħala prijorità ta’ importanza partikolari.  (200-204)

II – It-tħejjija tal-għarajjes ghaż-żwieġ

Fil-ftit snin li jwasslu koppja lejn is-sagrament taz-zwieġ, il-Knisja għandha opportunità tad-deheb biex toffri formazzjoni spiritwali, intelletwali u emozzjonali lill-għarajjes. Il-Papa jgħid li din it-tħejjija kienet bdiet sa mit-twelid. Izda l-ħajja kumplikata li fiha ngħixu spiss toffri tfixkil u wkoll verzjonijiet li jtelfu l-mudell awtentiku tal-imħabba hekk kif jifhimha Alla u li aħna lkoll mistednin nilqgħu f’ħajjitna.

Din it-tħejjija trid tigi bbazata fuq edukazzjoni tal-virtujiet, dawk il-kwalitajiet li permezz tagħhom il-karattru tal-bniedem jikseb integrità u konsistenza morali. Il-fedeltà konjugali hija impossibli mingħajr il-virtujiet tal-ġustizzja u tal-kastità, u sfortunatament zminijietna huma wkoll immarkati minn immaturità u banalità meta nitkelmu dwar l-imħabba. Sfortunatament ħafna koppji qatt ma jaslu biex isiru jafu lil xulxin b’mod ġenwin u jidħlu għall-impenn taz-zwieġ mingħajr vizjoni komuni lejn proġett li jitlob l-istess impenn totali minn naħa tat-tnejn. Kultant lanqas biss ikun hemm għarfien tal-kompetenza mehtieġa biex wiehed jikkomunika b’mod effettiv, specjalment meta jinqalgħu xi problem. Kemm il-programmi pastorali fil-parrocci kif ukoll it-testimonjanza ta’ koppji attivi fl-appostolat huma għodda essenzjali li d-dirgħajn materni tal-knisja għandha fil-ħidma tagħha mal-għarajjes. L-imħabba mhijiex biss sentiment jew emozzjoni jew passjoni. L-esperjenza ta’ koppji maturi impenjati, kif ukoll il-pedagoġija offruta mill-Knisja hija avviz lill-għarajjes li l-imħabba trid tinbena fuq sagrificcju u impenn dedikat u mhux biss fuq attrazzjoni li tispicca wara ftit zmien (205-211).

Din it-tħejjija trid tindirizza wkoll l-istess celebrazzjoni tat-tieġ f’kuntest fejn attivitajiet bħal dawn jigu maħkuma mill-kilba tal-konsum u tal-istatus socjali. Il-liturġija tat-tieġ għandha tkun esperjenza spiritwali u profonda bis-smiegħ tal-Kelma t’Alla fic-centru tal-ħajja tal-għarajjes. (211-216)

III – L-ewwel snin ta-hajja miżżewġa

Kulħadd jaf li l-ewwel snin tal-ħajja taz-żwieġ huma importanti u wkoll delikati. Fost ir-raġunijiet għal dan, wieħed isemmi l-element ta’ għejja emozzjonali, l-istress mill-ħajja tax-xogħol u n-nuqqas ta’ komunikazzjoni efettiva, aspettativi foloz (jew mhux rejalistici) ecc. Il-ħidma pastorali tagħna trid iddawwal l-elementi kollha li kapaci jkunu kawza ta’ problemi bħal dawn. Fl-istess ħin għandna ninfurmaw u nirrispettaw id-decizjonijiet li l-koppja għandha tiehu rigward il-ħajja prokreattiva tagħha. Koppji zgħazagh għandhom jiġu mħajjra biex jinfetħu għall-ħajja ġdida li hija l-frott matur ta’ mħabitthom. Fl-istess ħin izjed emfasi għandhu jitqiegħed fuq kemm il-komunità tal-fidi toffri tant rizorsi għall-hajja spiritwali tal-koppja, perezempju l-katekezi kontinwa, l-ispiritwalità tal-liturġija tal-Hadd, is-smiegħ tal-kelma ta’ Alla, l-Ewkaristija ecc. Il-Papa jsemmi wkoll gesti konkreti u semplici li juru l-affett genwin u uman tal-persuni mizzewġa lejn xulxin (217-230).

IV – L-isfida tal-kriżijiet

F’din is-sezzjoni d-dokument jindirizza bl-izjed mod rejalistiku u empatiku dimensjoni fundamentali fil-ħajja tal-koppja, jiġifieri, dik tal-krizijiet differenti li jinqalgħu (232-238). Ir-raġunijiet ta’ kriżi fil-ħajja konjugali huma varji, kif ukoll il-fażijiet li matulhom dawn jinqalgħu. Hemm krizijiet li huma marbutin specifikament mal-ewwel sentejn taz-żwieġ, meta l-koppja tibda tassew iġġorr il-piżijiet u r-romantiċiżmu tal-għerusija jidħol xi ftit jew wisq fl-isfond. Hemm ukoll kriżijiet li huma izjed konnessi mad-dinja tax-xogħol, tal-isfidi finanzjari jew emozzjonali. Imbagħad hemm rejaltajiet li jigu mix-xjuħija, mill-mard gravi jew mit-telfa tal-għeżież fi ħdan il-familja.

Il-Papa jispeċifika zewġ kuntesti partikulari li jeħtiegu attenzjoni kif ukoll preparazzjoni izjed raffinata u sostenuta minn naħa tal-Knisja. Dawn huma: (1) l-akkumpanjament tal-koppja wara t-tkissir tar-relazzoni u d-divorzju; (2) sitwazzjoniijet ta’ cergu kumplessità, perezempju żwiġijiet ma’ denominazzjonijiet ohra. L-ewwel punt huwa ta’ importanza kbira minħabba l-impatt wiesgħa li ġġib magħha s-separazzjoni bejn il-koppja, kemm ghall-mizzewġin kif ukoll għall-ulied, li huma aktarx l-izjed parti vulnerabbli. L-għajnuna tinkludi l-isforz biex is-separazzjonijiet jiġu evitati. Izda meta dan huwa impossibli, l-għajnuna li l-knisja tista’ tagħti hija xorta waħda meħtiega, fejn tidħol mogħdrija, fejqan, għajnuna ġuridika f’kaz’ ta’ nullità, akkumpanjament specjalizzat fil-pastorali mat-tfal, ecc. In-numru 251 f’din is-sezzjoni hija wkoll opportunità biex l-isqfijiet ikomplu jirrezistu t-tendenza kulturali u politika li unjoni omosesswali jircievu l-istess dinjità taz-zwieġ.

V- In-niggieża tal-mewt

Il-ħarsien pastorali li l-Knisja toffri lill-familja tinkludi l-appoġġ uman u tant ta’ fejda li jigi fil-kuntest tat-telfa ta’ xi ħadd fil-mewt. It-torment psikoloġiku li kapaci ggib telfa simili fil-familja tpoġġi pressjoni qawwi fuq l-individwi kif ukoll fuq ir-relazzjonijiet. Il-parrocci, il-gruppi u l-komunitajiet kollha ekklezjali għandhom jizviluppaw ruħ umana li kapaci tħoss dan it-tip ta’ ugiegħ profond li l-bniedem igħaddi minnu. Marbuta mal-għajnuna pastorali fil-kuntest tal-luttu, wieħed jara f’dawn il-mumenti opportunità biex issir katekezi dwar it-tama nisranija fil-ħajja wara l-mewt u t-tagħlim rikk li l-Knisja għandha x’toffri fuq dan (253-258).

Fr Christopher Caruana OP

Amoris Laetitia – Kapitlu VII

Lejn edukazzjoni aħjar tal-ulied

 

F’dan il-Kapitlu, il-Papa jagħżel li juża l-kelma ‘edukazzjoni’, mhux formazzjoni, katekeżi, istruzzjoni, jew xi terminu ieħor. Ma jagħtix definizzjoni tal-kelma ‘edukazzjoni’, imma jgħid ċar u tond li l-edukazzjoni mhix ‘ossessjoni’ (261). Jgħid ukoll li l-edukazzjoni tinkludi l-formazzjoni għal-libertà u r-responsabbiltà (262). Hu evidenti li l-Papa qiegħed jara l-edukazzjoni b’mod umanista, u qed jagħti importanza lill-ħsieb kritiku (critical thinking), imma wkoll lill-ħsieb riflessiv (reflective thinking), li bħalissa hu tant in voga fir-riflessjoni dwar l-edukazzjoni, u li hu tant importanti jekk l-edukazzjoni trid twassal għal żvilupp veru.

Din l-edukazzjoni għal-libertà tista’ tgħid li hi emfasizzata matul il-Kapitlu kollu. Hawnhekk m’għandniex xi teoloġija tal-liberazzjoni. Iżda għandna emfasi u ri-interpretazzjoni tat-teoloġija klassika tal-libero arbitrio. Skont il-Papa, edukazzjoni tajba hi formazzjoni fil-prudenza, fil-ġudizzju rett, imma wkoll (din żjieda tiegħu) fis-sens komun (262). Hi wkoll edukazzjoni fit-tama (275). Il-Papa jemfasizza l-importanza tal-formazzjoni tar-rieda, tad-drawwiet it-tajba, tal-ġibda lejn it-tajjeb, ta’ x’inhu vallapena li taħseb u li tagħmel, tal-bżonn li ċċedi xi pjaċir immedjat, u li tagħmel sforz jew sagrifiċċju, imma jżid l-idea li dan isir minħabba l-ġid komuni  (264, 265, 266). Il-Papa jemfasizza li l-libertà vera (real freedom) hi limitata u kondizzjonata. Mhix sempliċiment l-abbiltà li tagħżel dak li hu tajjeb bi spontanjetà sħiħa (273). Jgħid ċar u tond li l-libertà tista’ tkun teħtieġ kontroll (273). Il-Papa jitkellem mill-importanza li t-tfal u ż-żgħażagħ jiġu konxji mill-konsegwenzi tal-imġeba ħażina tagħhom. Importanti li t-tfal jitolbu maħfra, imma wkoll jippruvaw isewwu l-ħsara li jkunu għamlu (268). Jemfasizza d-dixxiplina kostruttiva li sservi ta’ stimulu għal iktar progress (270). Fuq kollox, jikkundanna l-estremi: Mhux sew li tissodisfa x-xewqat kollha tat-tifel / tifla, imma lanqas li ċċaħħad lit-tifel minn kollox billi l-ħin kollu temfasizza d-doveri (270). Dan id-diskors, il-Papa jpoġġieh f’kuntest: dak tat-teoloġija tal-virtù, u tal-libertà tal-kuxjenza, għaliex jemfasizza r-rabta tal-virtù mal-libertà. Jemfasizza li l-virtu’ (azzjoni tajba ripetuta li hi motivata kif suppost) tibni, issaħħaħ u tifforma l-libertà (267). Interessanti li l-Papa ma jagħmel l-ebda referenza għall-irjus tad-dnubiet il-mejta, imma jsemmi vizzju wieħed. Isejjaħlu ‘wanting it all now’ u jippreżentah bħala d-dnub prinċipali tad-dinja tal-lum (275).

Minbarra l-edukazzjoni għal-libertà għandna emfasi kbira fuq l-edukazzjoni għall-imħabba. Parti sostanzjali mill-kapitlu jitratta dwar sex education, li għal Papa hi forma ta’ edukazzjoni għall-imħabba (for love), għall-għotja (280). Hawnhekk il-Papa qiegħed ikompli fit-tradizzjoni ta’ kitbiet li ħarġu mill-Kongregazzjoni għall-Edukazzjoni Kattolika, li wkoll kienu ffukati fuq l-edukazzjoni sesswali u fuq l-edukazzjoni għall-imħabba.[1] Hawnhekk, il-Papa jitkellem ukoll dwar il-modestja, suġġett li ilu ma jissemma’ fit-teoloġija morali (282). Hu pjuttost kritiku għad-diskors li jintuża f’edukazzjoni sesswali sekulari, bħalma hu d-diskors sesswali ta’ ‘protezzjoni’ u safe sex li jwassal messaġġ negattiv dwar il-ħajja (283). Jikkritika kulma jwassal biex l-adoloxxenti ‘jilgħabu’ b’ġisimhom u l-ġibdiet tagħhom meta għadhom mhux maturi biżżejjed (283). Jara l-edukazzjoni sesswali awtentika bħala mezz biex iż-żgħażagħ jegħlbu s-self-absorption, japprezzaw aktar ġisimhom, jagħrfu li ġisimhom mhux tagħhom għal kollox, jegħlbu l-biża mid-differenzi u wkoll jitgħallmu dwar ir-relazzjoni mal-ħolqien (285). Fil-kuntest tad-diskors tiegħu fuq l-edukazzjoni sesswali, il-Papa jesprimi wkoll diskors ta’ akkuża. Jakkużana li m’aħniex qed nieħdu liż-żgħażagħ tagħna bis-serjetà (284)

Il-Papa għandu kunċett interattiv tal-edukazzjoni. Jgħid li l-edukazzjoni fil-fidi trid tkun child-centred (288), jara l-edukazzjoni bħala interazzjoni, li sseħħ bejn il-ġenituri u l-ulied (278). Il-Papa jesprimi nuqqas ta’ apprezzament lejn is-sens ta’ dominanza li wieħed jara f’xi ġenituri (279) u jiddistingwi bejn propożizzjoni u impożizzjoni (288). L-edukazzjoni skont hu għandha tkun kemm interattiva u kemm personalista. Il-Papa jitkellem mill-preżenza fiżika, u mill-importanza tal-vuċi (278). Jitkellem ukoll minn edukazzjoni integra (279). Hawnhekk il-Papa jidher li qed jirreferi għall-livelli differenti ta’ żvilupp tal-individwu: dak konjittiv, emozzjonli, interpersonali, artisiku, morali, spiritwali u l-bqija. Il-Papa aktarx jippreferi l-kelma edukazzjoni minflok formazzjoni, għaliex fl-edukazzjoni mhux biss għandek proċess, imma għandek proċess intenzjonat. Il-Papa iżid li parti mill-proċess irid ikun ukoll ordnat. Jitkellem mill-proċess ta’ handing on the faith bħala an orderly process (287).

Il-Papa jpoġġi piż kbir fuq il-familja, speċjalment fejn jidħlu l-formazzjoni tal-valuri, l-interpretazzjoni tal-messaġġi tal-midja (274), u fejn jirrigwarda l-edukazzjoni fuq l-ambjent. Hawnhekk, il-familja hi wkoll l-aġent prinċipali għal ekoloġija integra (277). Il-Papa jitkellem mid-‘dar’ bħala l-post fejn nitgħallmu s-sbuħija tal-fidi, nitgħallmu nitolbu u nitgħallmu naqdu lill-proxxmu (287). Sa mill-bidu tal-Kapitlu, il-Papa jinsisti li r-responsabbilta’ ewlenija hi tal-ġenituri, u li dawn iridu jsibu metodi u riżorsi ġodda (260). Iktar tard fl-istess kapitlu, il-Papa jitkellem minn metodu attiv u induttiv, minn djalogu, minn lingwaġġ li jinftiehem (264, 281). Il-Papa qed jiffoka fuq x’jiġifieri tkun ġenitur u x’obbligi hemm marbuta ma’ dan ir-rwol. Il-ġenituri huma dawk responsabbli fejn tidħol il-formazzjoni morali u spiritwali tal-ulied. Jgħid li l-obbligu prinċipali tal-ġenituri hu li jaġixxu b’mod li jispiraw fiduċja u rispett (loving respect) f’uliedhom (263).  Il-Papa juri apprezzament anki lejn l-ewwel sforzi tal-ġenituri fejn jidħlu devozzjonijiet popolari (288).

Ir-relazzjoni bejn il-familja u l-komunità nisranija wkoll hi preżentata f’dawl interattiv. Il-Papa jitkellem dwar is-sapport tal-komunitajiet insara fejn tidħol l-edukazzjoni. Jitkellem minn ‘patt’ bejn il-familji u l-komunita’. Barra minn hekk, isemmi wkoll l-iskejjel tal-Knisja (279). Lejn l-aħħar tal-Kapitlu, il-Papa jitkellem mill-ġenituri bħala ‘aġenti attivi’. Jara l-familja bħala attiva fil-katekeżi’ (287), fl-evanġelizzazzjoni (289) u anki fl-attività pastorali (290).

Bħal dejjem, il-Papa qed juri li jaf x’qed jiġri fid-dinja. Hu realista, u jibni l-argument tiegħu fuq dak li qiegħed iseħħ, iktar milli fuq l-ideal. Juri li jifhem minn xiex huma għaddejjin it-tfal. Jitkellem, ngħidu aħna, minn apprezzament tal-isforzi li jagħmlu t-tfal. Jitkellem mill-importanza ta’ kontroll fuq ir-rabja (anger management) anki min-naħa tat-tfal (269). Fir-rigward tat-tfal jitkellem minn passi żgħar  u minn sagrifiċċji proporzjonati (271). Il-Papa juri li jifhem ukoll minn xiex huma għaddejjin iż-żgħażagħ, u jissuġġerixxi metodi ta’ edukazzjoni li jibnu fuq esperjenzi ta’ fidi u fuq xhieda (288). Fuq kollox, il-Papa juri li jaf x’qiegħed jiġri fil-familji. Jaf il-problemi li hemm. Il-Papa juri li jaf ir-riskji u l-isfidi li qed joffru l-mezzi ta’ komunikazzjoni u l-midja (278). Issemmi wkoll it-tbatija tal-mard li ħafna familji jgħaddu minnha (277). Għaldaqstant, il-Papa jsejjaħ lill-familji biex jipproteġu lil uliedhom, biex jiddedikaw aktar ħin mat-tfal, biex jitkellmu magħhom dwar affarijiet importanti, biex isibulhom modi sani ta’ kif iqattgħu il-ħin (260). Il-Papa jsemmi mezzi mill-aktar sempliċi li jistgħu jgħinu lill-familja, bħalma huma l-please, it-thank you, u s-sorry (266).

F’dan il-Kapitlu, il-Papa għandu stil xi ftit jew wisq dijalettiku.  Dan jgħin biex id-diskors qatt ma jieħu xeħta monologa. Sikwit jippreżenta żewġ punti di vista dwar is-suġġett bil-ħsieb u jistabilixxi l-verità; permezz ta’ argument raġunat. Ngħidu aħna,

  • Meta jitkellem dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri lejn l-ulied, il-Papa jiddistingwi bejn li ‘tiddomina spazji’ u li ‘tibda proċessi’ li jwasslu biex it-tfal jikbru fil-libertà, fil-maturità, fid-dixxiplina, u fl-awtonomija.
  • Meta jitkellem mill-ispazji li fihom isibu ruħhom it-tfal u ż-żgħażagħ, jiddistingwi bejn fejn qegħdin it-tfal ‘fiżikament’ u fejn qegħdin l-istess tfal ‘eżistenzjalment’ (fejn qegħdin fil-vjaġġ tagħhom, x’konvinzjonijiet, xewqat, ħolm għandhom)
  • Meta jirrifletti dwar id-dixxerniment tal-moralità tal-azzjoni, jiddistingwi bejn ‘li tagħmel dak li hu oġġettivament tajjeb ’ u li ‘tiġġudika x’inhu l-aħjar għalik bħalissa’ (265)
  • Meta jitkellem mill-ħajja tajba, jiddistingwi bejn sempliċi ġibda lejn dak li hu tajjeb, u l-ħajja tal-virtu’ (azzjonijiet tajba motivati kif suppost) (267)
  • Meta jitkellem dwar l-għażliet u d-deċiżjonijiet, jiddistingwi bejn atti volontarji u atti ħielsa (free)
  • Meta jitkellem dwar l-edukazzjoni sesswali, jemfasizza d-distinzjoni bejn il-ġibda sesswali u l-unjoni sesswali (284)
  • Meta jitkellem dwar is-sesswalità tal-bniedem, jemfasizza d-distinzjoni li teżisti bejn li tkun raġel jew mara u li tkun maskili jew femminili (286)

Finalment, tajjeb ngħidu li, għalkemm ma jissemmewx ismijiet ta’ esperti mill-ambjent edukattiv jew dak psikoloġiku, il-Papa jesprimi l-apprezzament tiegħu lejn il-psikoloġja u lejn ix-xjenzi edukattivi (273), u jagħmel użu minn prinċipju edukattivi u psikoloġiċi. L-iktar wieħed evidenti aktarx hu dak dwar l-istadji tal-iżvilupp li kull bniedem jgħaddi minnhom. Sa mill-bidu ta’ dan il-Kap, il-Papa jfakkar li l-maturità ma nitwieldux biha (262) u anki jirrikonoxxi li l-valuri jistgħu jkunu mgħixha fuq livelli differenti (272).

Dr Pauline Dimech

[1] Educational Guidance in Human Love. Outlines for Sex Education, SACRED CONGREGATION FOR CATHOLIC EDUCATION,  1 November 1983.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading