Sintesi tat-tmien kapitlu tal-Eżortazzjoni Appostolika tal-Papa Franġisku, Amoris Laetitia. Dr Nadia Delicata


FORMAZZJONI U INFORMAZZJONI MILL-KUMMISSJONI TEOLOĠIKA (41)

28 ta’ Ġunju 2016

https://laikosblog.org/2020/07/27/sintesi-tas-sitt-u-s-seba-kapitlu-tal-ezortazzjoni-appostolika-tal-papa-frangisku-amoris-laetitia-dr-pauline-dimech/

Il-Kummissjoni Teoloġika qed toffri sensiela ta’ sussidji teoloġiċi dwar Amoris Laetitia. Se noffru sintesi dwar it-tmien Kapitlu tal-Eżortazzjoni Appostolika.

Amoris Laetitia – Kapitlu VIII

 L-akkumpanjament, dixxerniment u l-integrazzjoni tal-vulnerabbiltà

Jekk kapitli oħra ta’ Amoris Laetitia jħarsu lejn l-ideal taż-żwieġ Nisrani, tal-imħabba konjugali, tas-sagrifiċċju ġeneruż tal-ġenituri, u tal-familja bħala knisja domestika, Kapitlu 8 jipproponi prassi pastorali li, mhux biss tirrefletti l-isfidi tas-sinjali taż-żminijiet, imma tipprova tqarreb lin-Nisrani dejjem iktar lejn il-milja ta’ ħajtu, Alla nnifsu, anke fl-iktar ċirkostanzi diffiċli.

Eżempji pastorali

Biex jippreżenta din il-prassi b’mod konkret, il-Papa Franġisku jagħti eżempji ta’ koppji li qegħdin jgħixu f’relazzjonijiet hekk imsejħa “irregolari.”[1] Il-Papa jiddistingwi bejn is-sitwazzjoni li hi oġġettivament “irregolari,” u allura ma tilħaqx il-milja sagramentali ta’ xhieda, u l-bniedem innifsu, li għal Alla jibqa’ dejjem iben u bint, u allura għall-Knisja jibqa’ fost l-aħwa midinba li dejjem nibqgħu msejħa biex nirċievu l-grazzja t’Alla (cf. 293).

Ir-riflessjoni f’Kapitlu 8, temfasiżża t-tip ta’ attitudni pastorali ta’ dawk li jakkumpanjaw familji fil-mixja Nisranija: tas-saċerdot b’mod speċjali, imma anke ta’ ministri lajċi oħra fil-Knisja. Il-prinċipju fundamentali li jiggwida din il-prassi mhux sempliċiment morali jew legali, imma teoloġiku, u allura bbażat fuq ir-rivelazzjoni tal-imħabba t’Alla għalina li dejjem jibqa’ jixtieq li jsalvana u li jreġġagħna għandu biex niksbu l-milja tagħna.

Il-Papa jippreżenta lill-ministri tal-Knisja l-isfida li jirriflettu dan prinċipju teoloġiku fil-ħidma pastorali tagħhom: li bħala Knisja ma naqtgħu qalbna minn ħadd, ma neskludu lil ħadd, ma nirrifjutaw il-ħniena t’Alla lill-ebda qalb li hija niedma (cf. 296). Għalhekk il-Ġublew tal-Ħniena li qed ngħixu propju din is-sena (cf. 291, 309). Għalhekk il-bżonn ta’ prassi pastorali fejn “dawn il-koppji jridu jiġu milqugħa u mmexxija b’paċenzja u diskrezzjoni” (294).

‘Meta tikkunsidra l-prassi pastorali ma’ persuni fi żwieġ ċivili, dawk iddivorzjati li reġgħu żżewġu, jew koppji li qegħdin jikkoabitaw, il-Knisja għandha r-responsabbilta li tgħinhom jifhmu il-pedagoġija divina tal-grazzja f’ħajjithom u tagħtihom l-għajnuna kollha meħtieġa biex dawn jilħqu l-milja tal-pjan t’Alla għalihom,’ realtà li dejjem hija possibli fil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu (297; Relatio synodi 2014, 25).

B’mod analogu, Kapitlu 8 jiddistingwi, mingħajr ma jissepara, iż-żewġ aspetti ta’ kull għażla morali fi kwalunkwe ċirkostanza: l-intenzjonalità nterna li, għan-Nisrani hija dejjem espressjoni ta’ “Iva” kontinwa għall-istedina tal-grazzja t’Alla f’ħajjitna; u l-aspett estern ta’ dik l-“Iva” li jrid jieħu xejra konkreta, u allura ta’ xhieda Nisranija, permezz tal-azzjonijiet u d-deċiżjonijiet tiegħi fil-ħajja ta’ kuljum (cf. 295).

Fil-waqt li l-bniedem qatt ma jitlef il-libertà nterna fil-mixja spiritwali lejn Alla—jiġifieri, l-indiema, rikonċiljazzjoni u l-istedina għal relazzjoni sħiħa ma’ Alla, permezz tas-salvazzjoni ta’ Kristu, jibqgħu dejjem miftuħa għall-midneb—is-sitwazzjonijiet li l-bniedem jikkreja għalih innifsu u għall-oħrajn permezz ta’ għażliet żbaljati u ta’ dnub, jillimitaw wieħed x’jista’, u allura fil-kuxjenza tiegħu x’għandu jagħmel, bħala aġir prudenti fil-konkret. Kelma li ħarġet minn fommi u weġġgħat lil għajri, ma nistax inreġġagħha lura. Nista’ biss nagħmel l-almu tiegħi—anke jekk minnu nnifsu limitat—biex kemm jista’ jkun insewwi l-ħsara li l-kelma żejda tiegħi kkawżat.

Imma l-effetti tal-azzjoni ħażina tiegħi mhux la kemm jisparixxu, għax il-passat jibqa’ magħna fil-preżent u jsir r-realtà eżistenzjali ta’ kull wieħed u waħda minna. Il-punt kruċjali li joħroġ minn dan il-Kapitlu hu li, anke f’sitwazzjonijiet kumplikati, l-“Iva” interna, spiritwali tiegħi għall-grazzja t’Alla, nista’ nagħtiha u nuriha biss bil-mod kif ngħix fil-preżent, u allura bil-mod kif nibni l-futur, pass wara pass. L-għaqal Nisrani jitlob li nitfgħu raġġi ta’ dawl speċjalment f’sitwazzjonijiet ta’ dlam. Anzi, l-Papa jemfasiżża, li aħjar pass ċkejken lejn id-dawl f’sitwazzjoni li minn barra tidher ta’ dlam ċappa, milli li nibqa’ staġnat f’sitwazzjoni li minn barra tidher mdawla (cf. 305). Alla ma jarax biss minn barra; qabel kollox, Alla jara dejjem il-qalb.

  1. Id-dixxerniment u l-liġi tal-gradwalità

Hija din id-dinamika interna li ftit ftit tirrifletti ruħha esternament li ġġiegħel lill-Papa jemfasiżża l-“liġi tal-gradwalità” li l-Qaddis Papa Ġwanni Pawlu II ppreżenta f’Familiaris consortio. Ġwanni Pawlu II kien emfasiżża li l-bniedem jitgħallem “jagħraf, iħobb u jagħmel it-tajjeb morali fi stadji differenti ta’ żvilupp” (295, FC 34). L-applikazzjoni ta’ din il-liġi toħroġ b’mod ċar fil-pastorali ma’ dawk f’relazzjoni barra ż-żwieġ jew fi żwieġ ċivili. Ftit ftit, il-koppja tista’ tiġi akkumpanjata biex tikber fl-“Iva” spiritwali tagħha li tirrifletti ruħha fl-“Iva” ta’ xhieda esterjuri. L-aspetti nterjuri u esterjuri jiġu flimkien fiż-żwieġ sagramentali u fil-ħajja miżżewġa qaddisa li l-insara huma mitluba jgħixu bħala xhieda ta’ l-imħabba ta’ Alla fid-dinja.

  1. Id-dixxerniment għall-integrazzjoni

Is-sitwazzjoni ta’ dawk li għal xi raġuni jew oħra abbandunaw iż-żwieġ sagramentali validu tagħhom, u wara li ddivorzjaw intrabtu fi żwieġ ċivili ieħor tirrikjedi iktar prudenza. Dawn is-sitwazzjonijiet jirrikjedu dixxerniment u għaqal kbir biex l-“Iva” interjuri ta’ dawk involuti, kemm jista’ jkun tkun riflessa f’għażliet esterjuri, anke jekk dawn forsi qatt ma jistgħu jerġgħu jkunu “regolari,” u possibilment jibqgħu “ta’ skandlu” għall-komunità (cf. 297, 299-300). Madanakollu l-Papa jinsisti li l-loġika pastorali li għandha tapplika f’dawn il-każijiet hi waħda ta’ “integrazzjoni,” fejn l-għan għandu jkun li dawn il-persuni jerġgħu (jew jibqgħu) jipparteċipaw fil-ħajja ekkleżjali bil-modi kollha li huma possibli, propju għax huma ta’ ġid għalihom u għall-komunità Nisranija.

Żgur li x’għandha tfisser din l-integrazzjoni f’kull każ u b’mod konkret tirrikjedi proċess ta’ dixxerniment li, bi prinċipju għandu jikkonsidra mhux biss ir-realtà tal-persuni, imma l-kuntest ekkleżjali li qed jgħixu fih. Għalkemm il-proċess ta’ dixxerniment li jwassal għal integrazzjoni u parteċipazzjoni ekkleżjali dejjem ikbar għandu jsir fil-forum intern, dan ma jfissirx li għandu jkun privat żżejjed jew magħluq fih innifsu. Anzi, l-Papa jinsisti li persuna li tindem minn dnubietha u qed tikber fil-ħajja Nisranija hija dejjem parti minn komunità ekkleżjali u soċjali. Għalhekk, li forsi biex tingħata xhieda konkreta ta’ l-indiema u żvilupp fil-ħajja Nisranija, hemm bżonn ukoll ta’ ġesti konkreti penitenzjali li jirriflettu u jiċċelebraw din ir-rieda tajba (cf. 300).

Fuq l-aspett ta’ kif l-integrazzjoni ssir iktar viżibbli, anke b’mod penitenzjali, il-Papa ma jagħtix dettalji jew istruzzjonijiet ċari (dan mhux l-iskop tal-Kapitlu). Imma kif jgħid b’mod ċar fl-Introduzzjoni tal-Eżortazzjoni (cf. 3), hija d-deċiżjoni ta’ kull Isqof u allura tad-djoċeżi, li ssib metodi u ġesti pastorali li jinkulturaw l-attitudnijiet pastorali li l-Papa qed iħeġġiġna biex napplikaw. Prassi pastorali, u forsi anke para-liturġika ta’ kif persuni f’sitwazzjonijiet “irregolari” jiġu akumpanjati biex jintegraw b’mod iktar sħiħ fil-komunità tibqa’ r-responsabbiltà tal-Isqof bħala r-rgħaj tad-djoċeżi tiegħu.

 

Konverżjoni tal-attitudni pastorali

Fil-fatt iktar min-nofs dan il-Kapitlu (para. 300-312) mhix diskussjoni dwar każijiet “irregolari,” imma sfida għall-konverżjoni fl-attitudni pastorali: fil-Knisja b’mod ġenerali u allura għas-saċerdot (u l-moralista) b’mod partikolari. Huwa ċar li l-Papa mhux biss qed jitlob lis-saċerdot biex jakkumpanja u jgħin fid-dixxerniment lejn integrazzjoni ta’ dawk il-familji li mhux qed jgħixu l-ideal tal-Vanġelu b’mod sħiħ. Iktar minn hekk, il-Papa qed jitlob il-konverżjoni tal-ministri tal-Knisja stess li, minkejja r-rieda tajba tagħna, fil-ħidma pastorali tagħna ħafna drabi nagħtu skandlu minħabba attitudni li, jew hi rigoruża żżejjed, u allura tistaħba wara l-liġi biex ma tiċċappasx mir-rejaltajiet tal-ħajja (cf. 305, 308), jew kultant hija laxka żżejjed, fejn il-qawwa tal-Aħbar it-Tajba nippruvaw immansuha (cf. 307).

Il-Papa jinsisti li l-prassi pastorali ta’ akkumpanjament, dixxerniment u integrazzjoni għandha tapplika f’kull sitwazzjoni pastorali—mhux biss dik ta’ koppji “irregolari.” Jinsisti wkoll li fl-akkumpanjament pastorali m’hemmx metodi maġiċi jew shortcuts. Dawk imsejħa biex iservu lill-Knisja jridu jagħmlu dan b’ġenerożità u b’attitudni ta’ mħabba: “L-imħabba lejn ħutna hi l-ewwel liġi tan-Nisrani” (306, cf. Jn 15:12; Gal 5:14).

Iżda t-tradizzjoni tal-Knisja toffri wkoll ħafna għodda morali u pastorali li l-Papa jsemmihom u jikkummenta fuqhom: x’nifhmu biha kuxjenza (cf. 303) u liġi naturali (cf. 305), kif niġġudikaw il-moralità ta’ att jew sitwazzjoni (cf. 301-303), il-fatturi li jnaqqsu l-ħtija tal-midneb (cf. 302), ir-rwol pedagoġiku tan-normi (cf. 304) eċċ. F’dan kollu l-Papa m’hu qed isemmi xejn ġdid: qiegħed sempliċiment ifakkar x’inhi t-tradizzjoni li tmur lura għall-ewwel Insara (cf. 296).

Din it-tradizzjoni hija ta’ prudenza u għerf spiritwali li tassew taf tagħraf il-preżenza u-sejħa tal-Ispirtu ta’ Alla f’kull ċirkostanza, anke l-iktar waħda kumplessa. Il-persuna li takkumpanja għandha żżomm ħarsitha fissa lejn l-ideal Nisrani ta’ mħabba kompleta, imma wkoll saqajha ma’ l-art biex tuża d-diskrezzjoni u l-flessibiltà kollha meħtieġa biex tgħin lil kull persuna tikber spiritwalment u moralment. L-għan hu li kemm l-attitudni kif ukoll l-aġir tagħha jirriflettu dejjem aktar dak li Alla jixtieq minnha. Dan jitlob formazzjoni tal-kuxjenza, li fir-realtà tagħmel biss sens fil-kuntest ħolistiku ta’ żvilupp sħiħ tal-persuna, jiġifieri tal-virtujiet, li jinkludu l-aspetti emottivi, psikoloġiċi, morali u spiritwali.

 

 

 

Kontroversja?

Bla dubju, li l-aspett ta’ Kapitlu 8 li qajjem l-iktar kontroversja huwa dak fejn il-Papa la kategorikament eskluda u lanqas ssuġġerixxa li koppji f’sitwazzjonijiet “irregolari” u li huma fi proċess ta’ dixxerniment lejn integrazzjoni fil-ħajja komunitarja Nisranija jistgħu jirċievu s-sagramenti (ara footnote 351 fil-kuntest ta’ para. 305).

F’dan ir-rigward, il-Papa sempliċiment jirrepeti dak li kien diġa saħaq fuqu f’Evangelii gaudium, imma li issa jrid jiġi mixtarr fil-kuntest tat-tagħlim tiegħu dwar l-importanza ta’ akkumpanjament u dixxerniment awtentiku li jirrispondi b’mod reali għas-sejħa t’Alla fiċ-ċirkostanzi konkreti u diffiċli tal-familji. Iż-żewġ kwotazzjonijiet minn Evangelii gaudium, li huma ripetuti fl-ispirtu tagħhom f’Amoris laetitia (cf. 300, 305, 308) juru biċ-ċar il-konsistenza fil-ħsieb ta’ Papa Franġisku:

Għalhekk, bla nnaqqsu xejn mill-valur tal-ideal tal-Vanġelu, jeħtieġ nakkumpanjaw bil-ħniena u s-sabar il-passi ta’ maturità tal-persuni li huma jibnu jum wara l-ieħor. Lis-saċerdoti nfakkarhom li l-konfessjonarju m’għandux ikun kamra tat-tortura imma l-imkien tal-ħniena tal-Mulej li jridna nagħmlu l-akbar ġid possibbli. Pass ċkejken, qalb il-limitazzjonijiet kbar umani, jista’ jkun mogħġub iżjed quddiem Alla minn ħajja – li minn barra tidher tajba – ta’ min jgħaddi ħajtu bla qatt iħabbat wiċċu ma’ diffikultajiet importanti.  Għand kulħadd għandu jasal il-faraġ u t-tħeġġiġ tal-imħabba feddejja ta’ Alla, li jaħdem b’mod misterjuż f’kull persuna, lil hemm mid-difetti u l-waqgħat tagħha (EG 44).

Kulħadd jista’ b’xi mod jieħu sehem fil-ħajja tal-Knisja, kulħadd jista’ jagħmel parti mill-komunità, u lanqas il-bibien tas-Sagramenti m’għandhom jiġu magħluqa għal raġuni tkun li tkun. Dan jgħodd fuq kollox meta nitkellmu dwar dak is-sagrament li hu ‘il-bieb’, il-Magħmudija. L-Ewkaristija, anki jekk hi l-milja tal-ħajja sagramentali, mhix xi premju għall-perfetti biss, imma hi duwa b’saħħitha u ikel għad-dgħajfin. Din il-konvinzjoni għandha wkoll konsegwenzi pastorali li aħna msejħin inqisu bi prudenza u kuraġġ. Sikwit inġibu ruħna qisna konna aħna li qed nikkontrollaw il-grazzja u mhux bħala dawk li jiffaċilitawha.  Imma l-Knisja mhix dwana, hi d-dar tal-Missier fejn hemm post għal kulħadd, kull wieħed bil-ħajja iebsa tiegħu (EG 47).

Dan il-punt kruċjali ta’ meta persuna f’sitwazzjoni oġġettivament irregolari tista’ tirċievi l-assoluzjoni għad-dnub tagħha, u allura tersaq lejn il-mejda tat-Tqarbin, tqajjem il-punt teoloġiku (u pastorali, morali u spiritwali) li fl-aħħar mill-aħħar dan il-kapitlu jitlobna nirriflettu fuqu: id-dnub tiegħi, x’inhu?

It-teoloġija morali kif żviluppat f’dawn l-aħħar sekli żgur li fit-tagħlim tagħha emfasiżżat ħafna r-rettezza tal-azzjoni li tidher minn barra (l-aspett, hekk imsejjaħ “oġġettiv”), waqt li fil-konfessjonarju emfasiżżat ħafna dawk l-aspetti “suġġettivi” li jnaqqsu l-ħtija (cf. 302 li tikkwota l-Katekiżmu 1735, 2352). Dan propju għax is-sens pastorali tal-Knisja minn dejjem fehem li mhux kull azzjoni li minn barra hija oġġettivament ħażina hija neċessarjament dnub li jhedded ir-relazzjoni tiegħi ma’ Alla.

It-tradizzjoni twila tal-Knisja dejjem għallmet kif id-dnub li huwa “mortali” huwa tali propju għax ipoġġini f’sitwazzjoni prekarja għas-salvazzjoni tiegħi. Imma biex id-dnub tiegħi ikun tassew “mortali”, u allura bl-attitudni u l-aġir tiegħi neskludi lili nnifsi mill-ħniena t’Alla, mhux biss il-materja tiegħu trid tkun gravi, imma l-intenzjoni tiegħi trid tkun kategorikament ħażina. Jekk persuna ma tirrealiżżax il-gravità ta’ dak li qed tagħmel, jekk persuna hija kostretta taġixxi kif ma tixtieqx, il-persuna tista’, jew ma tkunx ħatja tal-aġir ħażin, jew il-ħtija tagħha tista’ tkun minima.

Żgur li l-Papa Franġisku qed jagħti mportanza kbira lil din ir-realtà pastorali, imma li fil-fatt hija primarjament sfida teoloġika u mhux biss ta’ prassi. Meta persuna tiddixxerni Alla x’jixtieq minnha fit-sitwazzjoni tagħha, il-persuna hi wkoll kostretta tiddixxerni x’inhu li qed ifixkilha milli tikber fir-relazzjoni tagħha m’Alla, u allura li tasal għall-ġudizzju fil-kuxjenza ta’ x’inhu d-dnub li għandha tindem minnu b’sogħba kbira (cf. 300). Kif il-Papa ilu jtenni tul il-papat tiegħu, Alla dejjem isejħilna bħala midinbin. Imma biex tassew napprezzaw kemm hi straordinarja l-grazzja u l-ħniena ta’ Alla, għandna bżonn tassew nirrealiżżaw il-gravità u s-sinifikat veru tad-dnub u tal-ħtija tagħna. Ħtija, iżda, li mhux bil-fors hija sempliċiment dak li jidher minn barra, għax tista’ wkoll tkun ħtija ta’ dispożizzjonjiet ħżiena ħafna iktar profondi fil-qalb tagħna. Ħadd minna m’hu pur. Il-Papa tassew li qed jitlob eżami tal-kuxjenza “integru” (kif il-Knisja dejjem talbet mill-Konċilju ta’ Trentu ‘l hawn) imma li tassew jirrifletti r-realtà, mhux biss ta’ barra, imma d-dispożizzjoni vera tal-qalb.

Għalhekk, f’dan il-Kapitlu toħroġ biċ-ċar ir-responsabbiltà kbira tal-konfessur, mhux biss biex jagħder lill-penitent, imma biex jgħin lill-penitent jiddixxerni bl-integrità spiritwali, morali, soċjali kollha tiegħu jew tagħha kif qed jiddisponi ruħu jew ruħha biex tirrispondi għas-sejħa ta’ Alla għal relazzjoni dejjiema miegħu. Ir-riforma mitluba mill-Konċilju Vatikan II, kemm għat-teoloġija morali u kemm għas-sagrament tal-Qrar (fost riformi oħra) tidher li qed tiġi attwata b’mod sħiħ f’dan id-dokument li jkompli jibni fuq il-passi tal-Papiet li ġew qabel: minn Pawlu VI, għal Ġwanni Pawlu II, għal Benedittu XVI.

 

Ħsieb tal-aħħar

Il-ħajja Nisranija ma tistax tibqa’ iktar frammentata f’moralità legalista li tiffoka fuq dak li jidher minn barra u spiritwalità “interjuri” li ħafna drabi tista’ ssir superfiċjali propju għax issir individwalista. Il-ħajja Nisranija trid tkun integra, fejn dak li ngħix fil-qalb jimmanifesta ruħu fil-ġisem, u allura fil-ħajja familjari, soċjali, kulturali, u fuq kollox, ekkleżjali li ngħixu flimkien.

Biex dan isir possibli, il-frammentazzjoni teoloġika u filosofika fil-Knisja ta’ dawn l-aħħar sekli ukoll trid tfiq. Għalhekk li l-Papa jidher li qed jirritorna, b’mod ċar daqs il-kristall, lejn teoloġija morali li r-ruħ tagħha huma l-Ispirtu s-Santu u l-virtujiet teoloġiċi, imma l-ġisem tagħha kien mibni fl-għerf veru uman tal-liġi naturali li napplikawha b’mod konkret permezz tal-virtujiet klassici. Bla dubju li din l-integrazzjoni teoloġika u filosofika laħqet il-milja tagħha f’San Tumas. Żgur iżda, li l-kontribut Ġiżwita, ispirat tal-fundatur San Injazju ta’ Loyola, kien propju li tkun riflessjoni morali li tassew tibda mill-konkret, mir-realtà personali.

Bħal Veritatis splendor, l-enċiklika ta’ Ġwanni Pawlu II li tikkundanna moralità teknika u tistieden lill-Knisja għal riflessjoni morali tassew teleoloġika, hekk ukoll l-Eżortazzjoni pastorali fuq il-familja ta’ Papa Franġisku, li terġa’ tfakkarna b’mod tassew kommoventi x’inhi l-essenza tal-ħajja Nisranija: ħajja tal-ferħ veru tal-Evanġelju, li fil-qawwa tal-Ispirtu nagħtu xhieda tagħha anke fid-dmugħ tal-ħajja ta’ kuljum.

Dr Nadia Delicata

 

[1] Il-Papa jiddistingwi bejn relazzjionjiet li “jikkontradixxu b’mod radikali” l-ideal taż-żwieġ Nisrani u dawk li b’xi mod jixbħuh b’mod “parzjali jew analogu” (292).