Sintesi tar-raba’ u l-ħames kapitlu tal-Amoris Laetitia.


FORMAZZJONI U INFORMAZZJONI MILL-KUMMISSJONI TEOLOĠIKA (39)

8 ta’ Ġunju 2016

Sintesi tar-raba’ u l-ħames kapitlu tal-Eżortazzjoni Appostolika tal-Papa Franġisku, Amoris Laetitia. Dun Hector Scerri

Il-Kummissjoni Teoloġika qed toffri sensiela ta’ sussidji teoloġiċi dwar l-Eżortazzjoni Appostolika Amoris Laetitia. Illum se noffru sintesi dwar ir-raba’ u l-ħames Kapitlu tal-Eżortazzjoni.

Amoris Laetitia – Kapitlu IV

L-Imħabba fiż-Żwieġ

Dan il-kapitlu tal-Eżortazzjoni Appostolika fih erba’ taqsimiet: (a) L-imħabba tagħna ta’ kuljum; (b) Nikbru fl-imħabba konjugali; (c) Imħabba passjonali; u (d) It-trasformazzjoni tal-imħabba.

L-ewwel taqsima (AL 90-119) tikkonsisti f’riflessjoni twila, sabiha u skematika dwar “l-innu tal-imħabba” ta’ San Pawl (1 Kor 13:4-7). Il-Papa Franġisku joffrilna applikazzjoni konkreta ta’ din is-silta meraviljuża. L-applikazzjoni prattika hi maqsuma fi tlettax-il parti – parti għal kull stqarrija li San Pawl jagħmel dwar l-imħabba. Aħna mistiedna nieħdu kull waħda minn dawn l-affermazzjonijiet u nduqu t-tagħlim bnin u konkret li jagħtina l-Papa. Għal kull affermazzjoni huwa jagħmel eseġeżi bibblika sempliċi li permezz tagħha joħroġ b’mod mill-aktar ċar dwar il-kwalitajiet tal-imħabba.

Meta naqraw dawn it-tlettax-il applikazzjoni, insibu minjiera ta’ suġġerimenti dwar kif nistgħu ngħixu f’armonija fil-familji tagħna, kif ukoll bħala membri tas-soċjetà. Nagħti xi ftit eżempji mis-suġġerimenti, tipiċi għall-istil li bih spiss smajna lill-Papa Franġisku jitkellem fl-omeliji u fl-Udjenzi Ġenerali ta’ nhar ta’ Erbgħa u laqgħat oħra, speċjalment mal-familji:

  • “Jekk aħna ma nikkultivawx il-paċenzja, dejjem se nsibu skużi biex inwieġbu bir-rabja … Jekk ma nkunux kapaċi nikkontrollaw dak li nħossu, il-familji tagħna jsiru kamp tal-battalja” (AL 92).
  • “L-għira hija forma ta’ dwejjaq li tinbet minħabba l-prosperità ta’ ħaddieħor; l-għira turi li m’aħniex ferħanin bil-ferħ ta’ ħaddieħor, imma rridu l-ġid tagħna biss” (AL 95).
  • “Ħarsa ġeneruża tgħinna naraw lil hinn mil-limitazzjonijiet tagħna, u nkunu paċenzjużi u nikkoperaw mal-oħrajn, minkejja d-differenzi ta’ bejnietna” (AL 100).
  • “Il-parir tiegħi hu li qatt tħallu l-ġurnata tintemm mingħajr ma tagħmlu paċi fil-familja … M’hemmx għalfejn tinżel għarkobbtejk! Le! Biżżejjed ġest żgħir, xi ħaġa żgħira” (AL 104).
  • “Koppji miżżewġin marbutin bl-imħabba jitkellmu tajjeb dwar xulxin; jagħmlu minn kollox biex juri l-aspett pożittiv tas-sieħeb/sieħba u mhux id-dgħjufija u d-difetti” (AL 113).

F’din it-taqsima (u dik li tiġi eżatt warajha) ta’ Kapitlu IV, huma interessanti l-bosta referenzi li Papa Franġisku jagħmel għas-Summa Theologica ta’ San Tumas biex jispjega aħjar x’inhi l-imħabba. Hija wkoll sinifikattiva silta twila minn omelija li kien għamel Martin Luther King fl-1957 dwar il-maħfra li għandna nuru lil min jobgħodna (AL 118).

Fit-tieni taqsima tal-Kapitlu IV, il-Papa jittratta kif il-miżżewġin jistgħu jikbru fl-imħabba konjugali. Din l-imħabba tal-miżżewġin hija “mħabba mqaddsa, mogħnija u mdawla bil-grazzja tas-sagrament spiritwali u sagrifikali li tgħaqqad il-qawwa tal-ħbiberija u l-passjoni erotika, u tibqa’ anke wara l-emozzjonijiet u l-passjonijiet jonqsu” (AL 120). Papa Franġisku wkoll ifisser kif l-imħabba tal-mizzewġin hija mfassla fuq l-imħabba tat-tliet Persuni tat-Trinità Qaddisa (AL 121). Ifakkarna, waqt li jikkwota s-Summa Contra Gentiles ta’ San Tumas d’Akwinu, li l-imħabba konjugali hija “l-ogħla forma ta’ ħbiberija”. Hawn jgħaddi biex jisħaq dwar l-indissolubiltà, l-esklussività u l-permanenza taż-żwieġ (AL 123). Ifakkar li l-permanenza tal-wegħdiet taż-żwieġ hija ferm aktar minn formalità, għax għandha mill-Patt li jsir quddiem Alla, Patt li jitlob fedeltà sħiħa.

Jitkellem dwar l-aspett passjonali taż-żwieġ, passjoni li twassal għal għaqda li tkun dejjem aktar stabbli u intensa (AL 125). Mill-ġdid, il-Papa jirreferi għas-Summa Theologica ta’ San Tumas biex jitkellem dwar il-ferħ tal-imħabba fiż-żwieġ (AL 126) u dwar il-valur enormi tal-persuna l-oħra – valur li huwa espressjoni tal-charitas u valur li huwa espress permezz tal-ġmiel (AL 127). Dan l-aspett estetiku huwa esplorat mill-Papa permezz ta’ esperjenzi konkreti meta jiġri l-maqlub tal-apprezzament li hu mistenni fejn hemm l-imħabba vera (AL 128). Bħalma stagħġibna bis-silta twila minn Martin Luther King, nistagħġbu wkoll bil-kwotazzjoni li l-Papa jislet minn kitba ta’ Octavio Paz (AL 99), kif ukoll bir-referenza li huwa jagħmel għal xena mill-film “Babette’s Feast” (AL 129).

Il-Papa jitkellem dwar l-impenn taż-żwieġ, is-serjetà ta’ dan l-impenn (AL 131), u d-deċiżjoni ġenwina u soda li żewġ mogħdijiet jingħaqdu (AL 132). Jitkellem dwar riskju kuraġġuż, mħabba bla kundizzjonijiet (AL 132), imħabba li hija dejjem dinamika u li tkun karatterizzata minn tliet kelmiet, “Jekk jogħġbok”, “Grazzi” u “Skużani” (AL 133), id-djalogu fil-familja (AL 136), quality time (AL 137), li tagħti importanza lill-persuna l-oħra (AL 138) u diversità rikonċiljata (AL 139).

Fit-tielet taqsima, il-Papa jesponi suġġett sabiħ ħafna – l-imħabba passjonali. Huwa konvint mill-ħtieġa li nitkellmu dwar l-emozzjonijiet, ix-xewqat,  feelings u sensittività lejn xulxin fil-familja (AL 142-146). Huwa jirreferi għal dak li kien kiteb il-Papa Benedittux XVI fl-enċiklika Deus Caritas Est dwar eros fl-Iskrittura (AL 147). Fejn jidħlu l-emozzjonijiet u l-istinti naturali, il-Papa jitkellem dwar kontroll, moderazzjoni u integrazzjoni tal-personalità (AL 148). Jagħmel bosta referenzi għall-katekeżi tal-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem fejn naqraw dwar il-ġmiel tas-sesswalità fil-pjan ta’ Alla għall-bniedem, partikularment d-dinjità tal-ġisem bħala don (AL 150).

Il-Papa ma jonqosx milli jirreferi għar-realtajiet fejn is-sesswalità hija mżebilħa – dominazzjoni, arroganza, abbużi, perverżjonijiet, vjolenza (AL 153). Huwa jfakkar  li “l-imħabba awtentika dejjem teħtieġ li tilqa’ l-persuna l-oħra, li taċċetta l-vulnerabiltà tiegħek u l-bżonnijiet tiegħek, u li tilqa’ bi gratitudni ferrieħa u sinċiera l-espressjonijiet fiżiċi tal-imħabba” (AL 157). Il-Papa jiddedika wkoll numru ta’ paragrafi dwar espressjonijiet oħra ta’ mħabba – permezz tal-verġinità u ċ-ċelibat (AL 158-162).

L-aħħar taqsima tal-Kapitlu IV hi ddedikata għat-trasformazzjoni li hi riżultat tal-imħabba. Il-Papa jitkellem dwar l-effetti ta’ mħabba fit-tul fiż-żwieġ (AL 163), il-ferħ li tkun tappartjeni għas-sieħeb/sieħba u li taqsam ħajtek miegħu/magħha. Hija mħabba li tibqa’ sal-mewt u li hi mmarkata b’intimità li tagħni l-persuna, anke jekk jinqalgħu diffikultajiet u saram (AL 163, 164) jew meta l-persuna tixjieħ. Minkejja x-xjuħija – meta l-persuna ma tibqax fiżikament dak li kienet qabel – xorta waħda nibqgħu msejħin li naraw il-ġmiel tal-identità personali tal-persuna għax inħarsu lejha “bl-għajnejn tal-imħabba” (AL 164). Ir-rabta taż-żwieġ tesprimi ruħha b’modi ġodda filwaqt li tkompli tissaħħaħ. Dan huwa possibbli permezz tal-Ispirtu s-Santu li jsawwab il-grazzja, il-qawwa sopranaturali tiegħu u n-nar tiegħu li jikkonferma, jidderieġi u jittrasforma l-imħabba f’kull sitwazzjoni ġdida (AL 164).

Dun Hector Scerri

Amoris Laetitia – Kap V

L-Imħabba li tagħti l-frott

Wara li fil-Kapitlu ta’ qabel, huwa kiteb dwar l-imħabba fiż-żwieġ, il-Papa fil-Kapitlu V jesplora kif din l-imħabba tagħti l-frott f’sitwazzjonijiet differenti. L-imħabba vera dejjem tagħti l-ħajja (AL 165). L-imħabba konjugali mhijiex imħabba introverta għax hi miftuħa għall-ħajja – għall-ulied.

Il-familja hi dak l-ambjent speċjali fejn ħajja ġdida mhux biss titwieled, imma tkun milqugħa. Papa Franġisku jagħmel analoġija bejn Alla li dejjem ikun hu li jieħu l-inizjattiva li jħobb u l-ġenituri li jħobbu lil uliedhom saħansitra qabel ma dawn jiġu fid-dinja (AL 166). Il-Papa ma jiqafx biss fl-ideal li jissemma f’dokumenti oħra kbar dwar il-familja – bħal Gaudium et Spes u Familiaris Consortio jew it-teoloġija tal-ġisem ta’ Ġwanni Pawlu II – imma jaffaċċja r-realtà ta’ tfal mhux milqugħa jew abbandunati. Jistqarr li hu ta’ għajb li nipproklamaw dikjarazzjonijiet solenni tad-drittijiet tal-bniedem u drittijiet tat-tfal, filwaqt li fl-istess ħin niġġustifikaw lilna nfusna li noqtlu t-trabi (AL 166).

Sezzjoni pjuttost oriġinali fil-preżentazzjoni tiegħu turi mod frisk, familjari u normali kif Papa jitkellem dwar it-tqala u l-irwoli rispettivi tal-omm u tal-missier. Papa Franġisku  jimraħ dwar it-tnissil u l-embrijun li jeħtieġ narawh bl-għajnejn ta’ Alla (AL 168) li joħlom dwar dik it-tarbija li għadha ma ġietx fid-dinja. Jisħaq dwar l-importanza tal-kapaċità tal-familja li toħlom, għax jekk dan ma jkunx, it-tfal ma jikbrux u l-ħajja tinxef u tmut (AL 169). It-tarbija m’għandhiex prezz u mhux importanti ż-żmien meta titwieled jew x’inhuma l-fattizzi tagħha jew ġietx kif kont timmaġinaha. L-imħabba tal-ġenituri hija l-manjiera li permezz tagħha Alla juriha mħabbtu (AL 170).

B’manjiera familjari, diretta u kommoventi, il-Papa jindirizza lill-ommijiet u jinkuraġġihom biex jgħożżu l-maternità tagħhom (AL 171), jegħlbu l-individwaliżmu, jagħtu xhieda ta’ tenerezza (AL 174, 175), dedikazzjoni u saħħa morali u jitrażmettu l-prattika tar-reliġjon (AL 174). Bit-tenerezza materna tagħha, l-omm tgħin lill-ulied jikbru fis-self-esteem, l-intimità u l-empatija (AL 175). Il-missier ukoll għandu rwol importanti x’jaqdi biex it-tfal jagħrfu l-isfidi tal-ħajja, il-limitazzjonijiet tagħha u l-ħtieġa ta’ impenn fix-xogħol (AL 175). Jisħaq dwar il-preżenza tal-missier fil-familja (AL 176) u d-doni marbutin mal-maskulinità u t-tifsira awtentika tagħha (AL 177).

Huwa fid-dawl tal-leġiżlazzjoni riċenti f’diversi pajjiżi li rridu nikkuntestwalizzaw il-kliem tal-Papa meta jemfasizza l-ħtieġa tal-imħabba tal-missier u tal-omm għall-iżvilupp integrali u armonjuż tat-tarbija (AL 172). Flimkien, il-ġenituri fl-għixien tar-reċiproċità u l-kumplimentarjetà tagħhom, juru l-wiċċ ta’ Alla – wiċċ li huwa kemm matern kif ukoll patern (AL 172).

Il-Papa jittratta wkoll l-adozzjoni bħala espressjoni ta’ fekondità usa’ bejn ir-raġel u l-mara (AL 178), u għalhekk l-adozzjoni hija deċiżjoni u impenn ta’ mħabba ġeneruża u mingħajr kundizzjoni (AL 179), azzjoni li tfittex l-aħjar interessi tat-tarbija (AL 180). Din il-fekondità usa’ tesprimi ruħha wkoll permezz ta’ familji numerużi, kif ukoll permezz ta’ solidarjetà li mill-familja tinfirex fis-soċjetà (AL 181). L-ebda familja m’għandha tħares lejha nfisha b’mod iżolat mill-kumplament tas-soċjetà (AL 182), u għalhekk il-familja għandha taħseb fil-ħtiġijiet ta’ familji oħra u f’persuni fil-bżonn (AL 183). Dan personalment ifakkarni f’espressjonijiet tal-Papa Franġisku f’Evangelii Gaudium – “Knisja li toħroġ” u Knisja li “tmur fil-periferiji”. Din ir-responsabiltà jien naraha marbuta mal-grazzja tas-sagrament. Għalkemm il-Papa ma jużax l-espressjoni, jien ninterpreta dak li jgħid bħala affermazzjoni ċara tal-ortoprassi sagramentali fil-każ tas-sagrament taż-Żwieġ u tal-Ewkaristija (AL 185, 186). Hija grazzja li tiftaħ il-familja biex tiskopri l-karattru soċjali tagħha (AL 186), u tinfetaħ għal qraba oħra u għall-ġirien (AL 187).

Fl-aħħar parti ta’ Kap V, il-Papa jħeġġiġna biex niftakru fil-ġenituri tagħna u d-don tal-ħajja li rċevejna mingħandhom (AL 188), ir-rispett lejhom (AL 189), kif ukoll il-bilanċ fl-imġiba tal-ġenituri u ta’ uliedhom meta dawn jiżżewġu u jiffurmaw il-familja tagħhom (AL 190). Ir-rispett lejn l-anzjani (AL 191), u għalhekk lejn in-nanniet (AL 192, 193) hija preżentata wkoll fl-Eżortazzjoni b’emfasi ukoll dwar l-irwol aktar importanti li ħadu n-nanniet – almenu fil-kuntest Malti – li jgħaddu valuri importanti lin-neputijiet tagħhom (AL 192). L-esperjenza li dak li jkun jikber ma’ ħutu subien u bniet għandu impatt pożittiv permezz ta’ għixien ta’ valuri bħall-affezzjoni, l-attenzjoni, il-kompassjoni (AL 194, 195), il-kondiviżjoni u s-sagrifiċċju.

Il-Papa, fl-aħħarnett, jitkellem dwar il-qalb kbira tal-familja nukleari u, mbagħad, tal-familja estiża – esperjenza on-going li turi dinamiżmu li jissarraf f’appoġġ ta’ dawk il-membri li jkunu f’diffikultà (AL 196), teenage mothers, single mothers, orfni, persuni b’diżabiltà, persuni li qed jissieltu ma’ xi addiction, dawk li jikkoabitaw, is-separati, ir-romol, l-anzjani u l-morda (AL 197).

Għandi dawn il-kummenti ġenerali dwar Kap. V tal-Eżortazzjoni Appostolika:

  1. Milli nista’ nara u nifhem, il-Papa jadotta l-metodu induttiv fir-riflessjoni teoloġika tiegħu għax jitlaq minn diversi sitwazzjonijiet konkreti, kemm pożittivi kif ukoll negattivi li jgħaddu minnhom il-familji, u jikkwota wkoll poeżija ta’ Mario Benedetti, poeta Arġentin kontemporanju. Il-metodu induttiv iwassal lill-Papa biex joħroġ ċar ir-rabta bejn ortodossija u ortoprassi, i.e. bejn dak li nistqarru dwar iż-żwieġ u l-familja, u dal li fil-fatt ngħixu fil-prattika.
  2. Il-Papa juża lingwaġġ “ta’ kuljum użat min-nies”, u li hu stess kien diġà użah waqt l-Udjenzi Ġenerali ta’ nhar t’Erbgħa matul l-2015, u jagħġnu tajjeb mad-diċitura Maġisterjali f’xi paragrafi biss, meta jirreferi għal Familiaris Consortio (ara noti 176, 214, 223), Gaudium et Spes (ara noti 181, 189, 199), Mulieris Dignitatem (ara nota 191) u Deus Caritas Est (ara nota 207). Huwa interessanti li minn 49 referenza li huwa jagħmel f’Kap. V, 8 biss huma għad-dokumenti tal-Maġisteru uffiċjali, waqt li 22 huwa joħodhom direttament mill-katekeżi tiegħu waqt l-Udjenzi Ġenerali tal-Erbgħa. (Għal dokumenti tal-Konferenzi Episkopali hemm 2 referenzi u għar-Relazzjoni Finali tas-Sinodu tal-Isqfijiet hemm 6 referenzi).
  3. Il-messaġġ li l-Papa Franġisku jwassal permezz tal-kontenut ta’ Kap. V huwa all-embracing, u għalhekk huwa jfittex li jħaddan lil kulħadd f’kull familja, filwaqt li juri attenzjoni għal min qed ibati, u sensittività għad-drawwiet u sitwazzjonijiet oħra kuntestwali. Joffri għalhekk tħejjija tajba għall-perspettivi pastorali li huwa jittratta fil-Kapitlu ta’ wara.

Dun Hector Scerri