Qari tal-Quddies tat-Tnejn tal-V ġimgħa matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

Stampa t-test tal-qari …

Il-Ħames Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
It-Tnejn

QARI I
Alla qal, u hekk sar.
Ġen 1, 1-19

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi

Fil-bidu Alla ħalaq is-sema u l-art: u kienet l-art taħwid u baħħ; u d-dlam kien fuq wiċċ l-abbissi u fuq wiċċ l-ibħra kien jittajjar l-ispirtu ta’ Alla. U qal Alla: “Ħa jkun id-dawl!” U d-dawl sar. U ra Alla d-dawl li kien tajjeb. U Alla fired id-dawl mid-dlam. U d-dawl Alla semmieh jum, u d-dlam sejjaħlu lejl. U dalam u sebaħ – L-ewwel jum.

U qal Alla: “Ħa jkun hemm medda f’nofs l-ilmijiet u tifred ilma minn ilma”. U Alla għamel il-medda u fired l-ilma ta’ taħt il-medda mill-ilma ta’ fuq il-medda. U hekk sar. U l-medda Alla semmieha sema. U dalam u sebaħ – It-tieni jum.

U qal Alla: “Ħa jinġemgħu naħa waħda l-ilmijiet ta’ taħt is-sema u jidher l-inxif”. U hekk sar. U sejjaħ Alla l-inxif art; u l-ġemgħa tal-ilma sejħilha baħar. U Alla ra li kollox kien tajjeb. U qal Alla: “Ħa tnibbet l-art il-ħaxix, ħaxix li jagħmel iż-żerriegħa, siġar li jagħmlu l-frott biż-żerriegħa ġo fih skont għamliethom, fuq l-art”. U hekk sar. U nibbtet l-art il-ħaxix, ħaxix li jagħmel iż-żerriegħa skont għamlietu u siġar jagħmlu l-frott biż-żerriegħa skont għamlietu; u ra Alla li kien tajjeb. U dalam u sebaħ – It-tielet jum.

U qal Alla: “Ħa jkun hemm imnariet fil-firxa tas-sema biex jifirdu l-jum mil-lejl, u jkunu sinjali għat-tqassim taż-żminijiet, tal-jiem u tas-snin. U jkun hemm, imnariet fil-firxa tas-sema biex idawlu l-art”. U hekk sar. U għamel Alla ż-żewġ imnariet il-kbar; l-imnara l-kbira biex trieġi l-jum, u l-imnara ż-żgħira biex trieġi l-lejl, u l-kwiekeb. U Alla qegħedhom fil-firxa tas-sema biex jiddu fuq l-art, u jrieġu l-jum u l-lejl u jifirdu d-dawl mid-dlam. U Alla ra li kien tajjeb. U dalam u sebaħ – Ir-raba’ jum.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 103 (104), 1-2a.5-6.10 u 12.24 u 35ċ

R/. (31b): Jifraħ il-Mulej bl-għemejjel tiegħu

Bierek ruħ tiegħi, il-Mulej!
Mulej, Alla tiegħi, inti kbir bil-bosta!
Bis-sebħ u l-ġmiel inti mlibbes,
bid-dawl, bħal b’mantell, inti mkebbeb. R/.

Int waqqaft l-art fuq is-sisien tagħha,
b’mod li qatt ma titħarrek;
bl-ibħra, bħal b’libsa, inti ksejtha;
u l-ilmijiet waqfu fuq qċaċet l-għoljiet. R/.

L-għejun tiftħilhom għal ġol-widien,
u huma jiġru qalb l-għoljiet.
Ħdejhom jgħammru l-għasafar tal-ajru,
minn qalb il-friegħi jsemmgħu l-għana tagħhom. R/.

Kemm huma kotrana l-għemejjel tiegħek, Mulej!
Kollha bl-għerf għamilthom;
Mimlija l-art bil-ħlejjaq tiegħek.
Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
ara Mt 4, 23

Hallelujah. R/. Hallelujah
Ġesù xandar l-Evanġelju tas-Saltna
u jfejjaq kull xorta ta’ mard u dgħufija fost il-poplu.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Dawk kollha li kienu jmissuh kienu jfiqu.
Mk 6, 53-56

Qari mil-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, Ġesù u d-dixxipli, wara li qasmu għan-naħa l-oħra, waslu l-art f’Ġennesaret u rabtu d-dgħajsa max-xatt. Niżlu mid-dgħajsa, u n-nies minnufih għarfuh u marru jiġru ma’ dawk l-inħawi kollha. U bdew iġorru l-morda fuq l-imtieraħ kull fejn kienu jisimgħu li qiegħed.

Kull fejn kien jidħol, fi rħula, bliet, jew kampanja, kienu jqiegħdu l-morda fil-pjazez u jitolbuh iħallihom imissu mqar tarf il-mantar; u dawk kollha li kienu jmissuh kienu jfiqu.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading