Qari tal-Quddies tat-Tlieta tal-V ġimgħa matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

Stampa t-test tal-qari …

Il-Ħames Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
It-Tlieta

QARI I
Ħa nagħmlu l-bniedem fuq is-sura u x-xbieha tagħna.
Ġen 1, 20 – 2, 4a

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi

Qal Alla: “Jiżgħed l-ilma b’kotra ta’ ħlejjaq ħajjin u jittajru t-tjur fuq l-art fil-wesgħa tas-smewwiet”. U Alla ħalaq il-ħut il-kbir u l-annimali kollha li jitkaxkru, li bihom miżgħud l-ilma, skont ġenshom, u t-tajr bil-ġwienaħ skont ġenshom. U ra Alla li kien tajjeb. U dalam u sebaħ – Il-ħames jum.

Qal Alla: “Ħa tnissel l-art ħlejjaq ħajja skont ġenshom: bhejjem tad-dar, annimali li jitkaxkru, u bhejjem selvaġġi, skont ġenshom”. U hekk sar. U għamel Alla l-bhejjem selvaġġi skont ġenshom, u l-bhejjem tad-dar skont ġenshom, u l-ħlejjaq kollha li jitkaxkru fuq l-art skont ġenshom. U ra Alla li kien tajjeb. Qal Alla: “Ħa nagħmlu l-bniedem fuq is-sura u x-xbieha tagħna, u jaħkmu fuq il-ħut tal-baħar u fuq it-tajr tal-ajru, fuq il-bhejjem tad-dar u fuq il-bhejjem selvaġġi, u fuq il-ħlejjaq li jitkaxkru fuq l-art”.

U Alla ħalaq il-bniedem fuq xbihitu, fuq xbihat Alla ħalqu, raġel u mara ħalaqhom. U berikhom Alla u qalilhom: “Nisslu u oktru, u imlew l-art, u aħkmuha; u saltnu fuq il-ħut tal-baħar u t-tajr tal-ajru u l-ħlejjaq kollha li jitkaxkru fuq l-art”.

U qal Alla: “Araw, jien tajtkom il-ħaxix kollu, li jagħmel iż-żerriegħa fuq wiċċ l-art, u s-sigar kollha li jagħmlu l-frott biż-żerriegħa: dawn kollha jkunu għall-għajxien tagħkom. U lill-bhejjem kollha selvaġġi u t-tajr kollu tal-ajru u l-ħlejjaq kollha li jitkaxkru fl-art li fihom nifs il-ħajja, nagħtihom il-ħaxix kollu aħdar għall-għajxien tagħhom”. U hekk sar. U ħares Alla lejn kulma kien għamel, u, ara, kollox kien tajjeb ħafna. U dalam u sebaħ – Is-sitt jum.

U hekk intemmu s-sema u l-art bit-tagħmir kollu tagħhom. U fis-seba’ jum Alla temm ix-xogħol tiegħu kollu li kien għamel, u waqaf fis-seba’ jum mix-xogħol tiegħu li kien għamel. U bierek Alla s-seba’ jum u qaddsu, għax fih waqaf mix-xogħol kollu tiegħu li kien għamel fil-ħolqien.

Dan hu nisel is-sema u l-art fil-ħolqien tagħhom.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 8, 4-5.6-7.8-9

R/. (2a): Mulej, Sid tagħna,
kemm hu kbir ismek fl-art kollha!

Inħares lejn is-smewwiet, għemil subgħajk,
il-qamar u l-kwiekeb li int qegħedt fihom!
X’inhu l-bniedem biex tiftakar fih,
bin il-bniedem, biex taħseb fih? R/.

Ftit inqas mill-allat għamiltu,
bis-sebħ u l-ġmiel żejjintu,
qegħedtu fuq l-għemejjel kollha ta’ jdejk! R/.

Kollox taħt riġlejh qegħedtlu.
in-nagħaġ u l-baqar kollha,
sal-bhejjem tax-xagħri;
l-għasafar tal-ajru u l-ħut tal-baħar,
dak kollu li jterraq fil-baħar. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Salm 118 (119), 36.29b

Hallelujah. R/. Hallelujah
Iġbidli qalbi, Mulej, lejn il-preċetti tiegħek;
agħtini fi tjubitek il-liġi tiegħek.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Intom twarrbu l-kmandamenti ta’ Alla biex tħaddnu t-tradizzjoni tal-bnedmin.
Mk 7, 1-13

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, 1il-Fariżej u xi wħud mill-kittieba li ġew minn Ġerusalemm inġabru ħdejn Ġesù, u raw li xi wħud mid-dixxipli tiegħu kienu qegħdin jieklu b’idejhom mhumiex indaf, jiġifieri mhumiex maħsulin. Għax il-Fariżej, u l-Lhud kollha, biex iħarsu t-tradizzjoni ta’ missirijiethom, ma jmissux ikel qabel ma jkunu ħaslu jdejhom sewwa; hekk ukoll wara li jerġgħu lura mis-suq, ma jiklux jekk ma jinħaslux; u għandhom bosta drawwiet oħra li baqgħu marbutin magħhom minn żmien għal ieħor, bħalma huma l-ħasil tat-tazzi u tal-buqari u tal-ktieli tal-bronż. Mela, il-Fariżej u l-kittieba staqsewh: “Dan l-għala d-dixxipli tiegħek ma jġibux ruħhom skont it-tradizzjoni ta’ missirijiethom, imma jieklu b’idejhom mhumiex indaf?”.

Iżda hu weġibhom: “Sewwa ħabbar Isaija fuqkom, ja nies ta’ wiċċ b’ieħor, bħalma hu miktub: “Dan il-poplu bix-xufftejn biss jagħtini ġieħ, imma qalbhom hija ’l bogħod minni. Fiergħa hi l-qima li jagħtuni; jgħallmu duttrina li mhijiex għajr preċetti tal-bnedmin”. Hekk intom, twarrbu l-kmandamenti ta’ Alla biex tħaddnu t-tradizzjoni tal-bnedmin”.

U qalilhom: “Ħelu ħelu ġġibu fix-xejn il-kmandamenti ta’ Alla biex tħarsu t-tradizzjoni tagħkom. Mosè qal: “Weġġaħ lil missierek u ’l ommok”, u: “Min iżeblaħ lil missieru jew ’l ommu għandu jieħu l-mewt”. Imma intom tgħidu: “Jekk wieħed jgħid lil missieru jew ’l ommu: Il-ġid li għandi, li jista’ jkun ta’ għajnuna għalik, huwa Qorban (jiġifieri, offerta lil Alla)”, intom imbagħad ma tħalluh jagħmel xejn iżjed għal missieru jew ommu. Hekk iġġibu fix-xejn il-kelma ta’ Alla bit-tradizzjoni li tgħaddu minn ġenerazzjoni għal oħra. U bosta ħwejjeġ oħra bħal dawn tagħmlu”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading