Qari tal-Quddies tat-Tnejn tar-IV ġimgħa tal-Għid

Print Friendly, PDF & Email

Stampa t-test tal-qari …

Ir-Raba’ Ġimgħa tal-Għid
It-Tnejn

QARI I
Alla lill-pagani wkoll tahom l-indiema li twassal għall-ħajja!
Atti 11, 1-18

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

F’dak iż-żmien, l-appostli u l-aħwa li kienu fil-Lhudija semgħu li l-pagani wkoll kienu laqgħu l-kelma ta’ Alla.

Għalhekk, meta Pietru tala’ Ġerusalemm, dawk li riedu jżommu ċ-ċirkonċiżjoni bdew jeħduha miegħu u jgħidulu: “Inti dħalt għand nies li ma għandhomx iċ-ċirkonċiżjoni u kilt magħhom”.

Imbagħad Pietru qabad ifissrilhom kollox ħaġa b’ħaġa u qalilhom: “Jiena kont qiegħed nitlob fil-belt ta’ Ġaffa, xħin kelli dehra f’estasi; rajt xi ħaġa nieżla mis-sema, qisha liżar kbir miżmum mill-erbat itruf, u wasal sa ħdejja. Bqajt inħares lejh sewwa, u rajt bhejjem tal-art b’erba’ saqajn, bhejjem selvaġġi, bhejjem li jitkaxkru, u għasafar tal-ajru. U smajt leħen jgħidli: “Qum, Pietru, oqtol u kul”.

Imma jiena għedt: “Ma jkun qatt, Mulej! Għax qatt ma daħal ġo ħalqi ikel profan jew imniġġes!” Għal darba oħra l-leħen mis-sema qalli: “Dak li Alla saffa, int ma għndekx issejjaħu mniġġes”. Dan ġara għal tliet darbiet. Imbagħad kollox ittieħed mill-ġdid lejn is-sema.

Sewwasew dak il-ħin, fid-dar fejn konna, waslu tlitt irġiel, mibgħuta għandi minn Ċesarija. L-Ispirtu qalli biex immur magħhom bla ma noqgħod nitħasseb. Miegħi ġew ukoll dawn is-sitt aħwa, u dħalna fid-dar ta’ dak ir-raġel. Hu għarrafna kif kien ra l-anġlu f’daru, wieqaf quddiemu, u qallu: “Ibgħat lil xi ħadd iġib minn Ġaffa lil Xmun, li jgħidulu Pietru; u hu jgħidlek kliem li bih issalva, int u l-familja tiegħek kollha”. Kif bdejt nitkellem, l-Ispirtu s-Santu niżel fuqhom, bħalma kien niżel fuqna fil-bidu. Ftakart imbagħad il-Kelma tal-Mulej, meta qal: “Ġwanni għammed bl-ilma, iżda intom titgħammdu bl-Ispirtu s-Santu”. Mela jekk Alla tahom l-istess don kif tah lilna meta emminna fil-Mulej Ġesù Kristu, jien x’jien biex stajt inżomm lil Alla?”.

Meta semgħu dan il-kliem siktu, u bdew jagħtu glorja lil Alla u jgħidu: “Mela Alla lill-pagani wkoll tahom l-indiema li twassal għall-ħajja!”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 41 (42), 2-3; 42 (43), 3.4

R/. (ara Salm 41 (42), 3a): Ruħi għatxana għal Alla, għal Alla l-ħaj
jew: Hallelujah, hallelujah, hallelujah

Bħalma għażżiela tixxennaq għan-nixxigħat tal-ilma,
hekk tixxennaq ruħi għalik, o Alla.
Ruħi għatxana għal Alla, għal Alla l-ħaj;
meta niġi u nara wiċċ Alla? R/.

Ibgħat id-dawl tiegħek u s-sewwa tiegħek;
huma jmexxuni;
iwassluni sal-għolja mqaddsa tiegħek
u sal-għerejjex tiegħek. R/.

Nidħol ħdejn l-artal ta’ Alla,
ħdejn Alla, ferħ u hena tiegħi.
U rroddlok ħajr biċ-ċetra,
o Alla, Alla tiegħi. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 10, 14

Hallelujah. R/. Hallelujah
Jiena r-ragħaj it-tajjeb, jgħid il-Mulej;
jien nagħraf in-nagħaġ tiegħi, u n-nagħaġ tiegħi jagħrfu lili.
R/. Hallelujah

Sena A:
EVANĠELJU
Ir-ragħaj it-tajjeb jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu.
Ġw 10, 11-18

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien, Ġesù qal: “Jiena r-ragħaj it-tajjeb. Ir-ragħaj it-tajjeb jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu. Il-mikri, li mhuwiex ir-ragħaj, u li n-nagħaġ mhumiex tiegħu, jara l-lupu ġej, u jħalli n-nagħaġ u jaħrab; u l-lupu jaħtafhom u jxerridhom. Mikri hu, u ma jħabbilx rasu min-nagħaġ.

Jiena r-ragħaj it-tajjeb; jiena nagħraf in-nagħaġ tiegħi, u n-nagħaġ tiegħi jagħrfu lili, bħalma l-Missier jagħraf lili u jiena nagħraf lill-Missier; u għan-nagħaġ tiegħi nagħti ħajti. Għandi wkoll nagħaġ oħra, li mhumiex minn dan il-maqjel; lilhom ukoll jeħtieġ li niġbor, u huma jisimgħu leħni, u jkun hemm merħla waħda, ragħaj wieħed. Għalhekk iħobbni l-Missier, għax jien nagħti ħajti, biex nerġa’ neħodha. Ħadd ma jeħodhieli, iżda jien nagħtiha minn rajja. Għandi setgħa li nagħtiha, u għandi s-setgħa li nerġa’ neħodha; din hi l-ordni li ħadt mingħand Missieri”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

Sena B u Ċ:
EVANĠELJU
Il-bieb tan-nagħaġ huwa jien.
Ġw 10, 1-10

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
F’dak iż-żmien, Ġesù qal: “Tassew tassew ngħidilkom, min ma jidħolx fil-maqjel tan-nagħaġ mill-bieb imma jaqbeż ġewwa minn naħa oħra, dak hu ħalliel u brigant. Imma min jidħol mill-bieb hu r-ragħaj tan-nagħaġ. Min ikun mal-bieb lilu jiftaħ, in-nagħaġ minn leħnu jisimgħu, u hu jsejjaħ in-nagħaġ tiegħu waħda waħda b’isimhom u joħroġhom barra. U meta joħroġ in-nagħaġ tiegħu, huwa jmur quddiemhom u n-nagħaġ jimxu warajh, għax jisimgħu leħnu. Imma wara wieħed barrani ma jimxux, anzi jaħarbu minnu, għax leħen barrani ma jafuhx”.

Din il-parabbola qalhielhom Ġesù, iżda huma ma fehmux x’ried jgħidilhom biha. Għalhekk Ġesù raġa’ qalilhom: “Tassew tassew ngħidilkom li l-bieb tan-nagħaġ huwa jien. Dawk kollha li ġew sa issa qabli huma ħallelin u briganti. Iżda n-nagħaġ lilhom ma semgħuhomx. Jiena hu l-bieb; jekk xi ħadd jidħol ġewwa permezz tiegħi jsalva, u jidħol u joħroġ u jsib fejn jirgħa. Il-ħalliel ma jidħolx jekk mhux biex jisraq u joqtol u jeqred. Jiena ġejt biex ikollkom il-ħajja, u ħajja bil-kotra”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading