Qari tal-Quddies tat-Tlieta tar-IV ġimgħa tal-Għid

Print Friendly, PDF & Email

Stampa t-test tal-qari …

Ir-Raba’ Ġimgħa tal-Għid
It-Tlieta

QARI I
Bdew ikellmu wkoll lill-Griegi u jxandrulhom l-Evanġelju tal-Mulej Ġesù.
Atti 11, 19-26

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

F’dak iż-żmien, dawk li kienu xterdu minħabba l-persekuzzjoni li kienet qamet minħabba Stiefnu waslu sal-Feniċja, sa Ċipru u sa Antjokja, u ma kienu jxandru l-kelma lil ħadd ħlief lil-Lhud biss.

Imma xi wħud minnhom kienu minn Ċipru u minn Ċireni, u dawn, meta ġew Antjokja, bdew ikellmu wkoll lill-Griegi u jxandrulhom l-Evanġelju tal-Mulej Ġesù. U id il-Mulej kienet magħhom, u kbir kien l-għadd ta’ dawk li emmnu u daru lejn il-Mulej. L-aħbar ta’ dan waslet f’widnejn il-Knisja ta’ Ġerusalemm, u għalhekk bagħtu lil Barnaba sa Antjokja. Meta dan wasal u ra l-grazzja ta’ Alla, feraħ u beda jħeġġiġhom biex jibqgħu b’rieda sħiħa magħqudin fil-Mulej. Għax hu kien raġel tajjeb, mimli bl-Ispirtu s-Santu u bil-fidi. U ġemgħa kbira ta’ nies ingħaqdet mal-Mulej. Imbagħad Barnaba telaq lejn Tarsu jfittex lil Sawl, u, meta sabu, ħadu Antjokja. Għaddew sena sħiħa flimkien fil-Knisja, u għallmu kotra kbira ta’ nies. Kien f’Antjokja li d-dixxipli għall-ewwel darba sejħulhom ‘Kristjani’.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 86 (87), 1-3.4-5.6-7

R/. (Salm 116 (117), 1a): Faħħru l-Mulej, intom ġnus kollha
jew: Hallelujah, hallelujah, hallelujah

Il-Mulej bena ’l Sijon fuq l-għoljiet imqaddsa;
hu jħobb il-bibien tagħha
aktar mill-għamajjar kollha ta’ Ġakobb.
O belt ta’ Alla,
ħwejjeġ sbieħ hu jgħid fuqek! R/.

Ngħodd ’il Raħab u ’l Babilonja
ma’ dawk li jagħrfuni.
Araw, in-nies tal-Filistja, Tir u l-Etjopja,
dawn twieldu hemm!
U għal Sijon jingħad:
“Ilkoll, il-wieħed u l-ieħor, twieldu fiha!
U Alla l-Għoli nnifsu jwettaqha f’postha”. R/.

Jikteb il-Mulej fil-ktieb tal-popli:
“Dan twieled hemm”.
U jgħannu, huma u jiżfnu,
dawk kollha li jgħammru fik. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 10, 27

Hallelujah. R/. Hallelujah
In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni, jgħid il-Mulej;
u jiena nagħrafhom, u huma jimxu warajja.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Jien u l-Missier aħna ħaġa waħda.
Ġw 10, 22-30

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’Ġerusalemm ħabtet il-festa tal-Konsagrazzjoni tat-tempju. Kienet ix-xitwa, u Ġesù kien miexi minn naħa għal oħra tat-tempju, fil-loġġa ta’ Salamun. Il-Lhud daru miegħu u qalulu: “Kemm se ddum taqlgħalna ruħna? Jekk inti l-Messija għidilna ċar u tond”. Weġibhom Ġesù: “Għedtilkom u intom ma temmnux. L-għemejjel li nagħmel jien f’isem Missieri jixhdu għalija. Iżda intom ma temmnux għax m’intomx min-nagħaġ tiegħi. In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni, u jiena nagħrafhom, u huma jimxu warajja. U jiena nagħtihom il-ħajja ta’ dejjem; u huma ma jintilfu qatt, u minn idejja ma jaħtafhomli ħadd. Missieri, li tahomli, hu akbar minn kulħadd, u ħadd ma jista’ jaħtafhom minn id il-Missier. Jien u l-Missier aħna ħaġa waħda”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading