Qari tal-Quddies tas-Sibt tas-VII ġimgħa tal-Għid

Print Friendly, PDF & Email

Stampa t-test tal-qari …

Is-Seba’ Ġimgħa tal-Għid
Is-Sibt

QARI I
Pawlu baqa’ Ruma jxandrilhom is-Saltna ta’ Alla.
Atti 28, 16-20. 30-31

Għeluq tal-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

Meta dħalna Ruma, Pawlu tawh il-permess joqgħod għalih b’suldat għassa miegħu. Tlitt ijiem wara, huwa laqqa’ flimkien miegħu l-kapijiet tal-Lhud, u kif kienu miġbura miegħu qalilhom: “L-aħwa, għalkemm jien ma għamilt xejn kontra l-poplu jew kontra d-drawwiet ta’ missirijietna, f’Ġerusalemm tawni priġunier f’idejn ir-Rumani. Dawn stħarrġu l-każ tiegħi u riedu jitilquni, għax ma sabuli xejn li għalih kienet tistħoqqli l-mewt. Imma billi l-Lhud żammew iebes jiena kelli nappella għal quddiem Ċesari, mhux għax kelli xi ngħid mal-poplu tiegħi. Għalhekk tlabtkom tiġu biex narakom u nkellimkom; għax jien minħabba t-tama ta’ Iżrael ninsab marbut b’din il-katina”.

Pawlu dam joqgħod hemm għal sentejn sħaħ fid-dar li kien kera; hemm kien jilqa’ lil dawk kollha li kienu jiġu għandu, ixandrilhom is-Saltna ta’ Alla u jgħallimhom fuq il-Mulej Ġesù Kristu bil-kuraġġ u bla tfixkil.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 10 (11), 4.5 u 7

R/. (ara 7b): Il-Mulej idawwar wiċċu lejn min hu sewwa
jew: Hallelujah, hallelujah, hallelujah

Il-Mulej hu fit-tempju mqaddes tiegħu,
il-Mulej fis-sema għandu t-tron tiegħu;
għajnejh fuq il-bnedmin jitfa’,
bi xfar għajnejh jiflihom. R/.

Jgħarbel il-Mulej il-ġust u l-ħażin;
hu jobgħod ’il min iħobb id-dnewwa.
Għax ġust hu l-Mulej, u jħobb il-ġustizzja;
wiċċu jdawwar lejn min hu sewwa. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
ara Ġw 16, 7.13

Hallelujah. R/. Hallelujah
Nibagħtilkom l-Ispirtu tal-verità, jgħid il-Mulej,
u jwassalkom għall-verità kollha.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Dan huwa d-dixxiplu li qiegħed jagħti xhieda għal dan kollu u li kiteb dawn il-ħwejjeġ, u aħna nafu li x-xhieda tiegħu hi minnha.
Ġw 21, 20-25

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien, Pietru dar, u ra lid-dixxiplu li kien iħobb Ġesù miexi warajhom, dak id-dixxiplu li waqt l-ikla kien imtedd fuq sider Ġesù u qallu: “Mulej, min hu li se jittradik?”. Pietru, mela, kif ra lil dan, qal lil Ġesù: “U dan, Mulej, x’se jsir minnu?”. Ġesù qallu: “Inti x’inhi affarik jekk jiena rridu jibqa’ sa ma niġi? Int imxi warajja!”. B’hekk ġriet ix-xniegħa fost l-aħwa li dak id-dixxiplu ma kienx se jmut. Madankollu Ġesù ma qalx li ma kienx se jmut, imma biss: “Jekk irridu jibqa’ sa ma niġi, inti x’inhi affarik?”

Dan huwa d-dixxiplu li qiegħed jagħti xhieda għal dan kollu u li kiteb dawn il-ħwejjeġ, u aħna nafu li x-xhieda tiegħu hi minnha. Iżda hemm ukoll bosta ħwejjeġ oħra li għamel Ġesù. Li kieku wieħed kellu jikteb kollox ħaġa b’ħaġa, naħseb li anqas id-dinja stess ma kienet tesagħhom il-kotba li kienu jinkitbu.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading