Qari tal-Quddies tal-Ġimgħa tas-VII ġimgħa tal-Għid


Stampa t-test tal-qari …

Is-Seba’ Ġimgħa tal-Għid
Il-Ġimgħa

QARI I
Kwistjonijiet dwar ċertu Ġesù, li hu mejjet, imma Pawlu jgħid li hu ħaj.
Atti 25, 13b-21

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

F’dak iż-żmien, is-sultan Agrippa u Bereniċi waslu Ċesarija biex jagħtu l-merħba lil Festu. Billi damu hemm ħafna, Festu tkellem mas-sultan fuq il-każ ta’ Pawlu u qallu: “Hawn raġel li Feliċ kien ħallieh il-ħabs. Meta kont Ġerusalemm, il-qassisin il-kbar u x-xjuħ tal-Lhud ressquli xi akkużi kontra tiegħu u talbuni nikkundannah. Jien weġibthom li r-Rumani mhumiex imdorrija jibagħtu għall-mewt bniedem akkużat b’xi ħtija, qabel ma jġibu lill-akkużat quddiem dawk li jkunu akkużawh biex ikun jista’ jiddefendi ruħu mill-akkuża li tkun saritlu.

Imbagħad ġew hawn miegħi, u l-għada, bla telf ta’ żmien, jien ħadt posti fit-tribunal u bgħatt inġib lil dan il-bniedem. Dawk li akkużawh kienu hemm, iżda ma ġiebu ebda akkuża milli
stennejthom iġibu kontra tiegħu. Kellhom biss xi kwistjonijiet miegħu dwar ir-reliġjon tagħhom u dwar ċertu Ġesù, li hu mejjet, imma Pawlu jgħid li hu ħaj.

Billi ma stajtx insib tarf ta’ din il-kwistjoni, staqsejtu jekk iridx imur Ġerusalemm u hemm isir ħaqq minnu fuq dan. Imma Pawlu appella biex jibqa’ miżmum sakemm il-kawża tiegħu jaqtagħha l-imperatur Awgustu. Jien għalhekk ordnajt li jinżamm sakemm inkun nista’ nibagħtu għand Ċesari”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 102 (103), 1-2.11-12.19-20ab

R/. (19a): Il-Mulej waqqaf it-tron tiegħu fis-sema
jew: Hallelujah, hallelujah, hallelujah

Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej!
B’qalbi kollha nbierek l-isem qaddis tiegħu.
Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej,
u la tinsiex il-ġid kollu li għamel miegħek. R/.

Daqskemm huma s-smewwiet ’il fuq mill-art,
hekk hi kbira tjubitu ma’ min jibża’ minnu;
daqskemm hu mbiegħed il-Lvant mill-Punent,
hekk hu jbiegħed minna ħtijietna. R/.

Waqqaf il-Mulej it-tron tiegħu fis-sema,
u saltnatu fuq kollox taħkem.
Bierku l-Mulej, anġli tiegħu kollha,
setgħana u qawwija li tagħmlu l-ordni tiegħu. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 14, 26

Hallelujah. R/. Hallelujah
L-Ispirtu s-Santu jgħallimkom kollox,
u jfakkarkom dak kollu li għedtilkom.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Irgħa l-ħrief tiegħi. Irgħa n-nagħaġ tiegħi.
Ġw 21, 15-19

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien, Ġesù deher lid-dixxipli tiegħu. Wara li kielu xi ħaġa, Ġesù qal lil Xmun Pietru: “Xmun bin Ġwanni, tħobbni int aktar minn dawn?”. Wieġbu: “Iva, Mulej, int taf li nħobbok”. Qallu: “Irgħa l-ħrief tiegħi”.

Staqsieh għat-tieni darba: “Xmun bin Ġwanni, tħobbni int?”. Wieġbu: “Iva, Mulej, int taf li nħobbok”. Qallu: “Irgħa n-nagħaġ tiegħi”.

Għat-tielet darba staqsieh: “Xmun bin Ġwanni, tħobbni?”. Pietru ħass għafsa ta’ qalb għax staqsieh għat-tielet darba, “Tħobbni?”. U qallu: “Mulej, int taf kollox, inti taf li nħobbok”. Qallu Ġesù: “Irgħa n-nagħaġ tiegħi. Tassew tassew ngħidlek, meta kont żagħżugħ, kont titħażżem waħdek u tmur fejn trid; imma meta tixjieħ, int tiftaħ idejk u ħaddieħor iħażżmek u jieħdok fejn ma tkunx trid!”.

Dan qalu biex ifisser b’liema mewta kien sejjer jagħti glorja lil Alla. Imbagħad Ġesù ssokta jgħidlu: “Ejja warajja”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu