Domandi dwar l-Amoris lætitia, fuq l-Imħabba fil-Familja

Print Friendly, PDF & Email

Disa’ mistoqsijiet u tweġibiet dwar l-Eżortazzjoni Appostolika post-sinodali tal-Papa Franġisku

Il-mistoqsijiet u tweġibiet li ġejjin jistgħu jgħinuk tifhem xi punti importanti mill-“Amoris lætitia, fuq l-imħabba fil-familja”, l-Eżortazzjoni tal-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku miktuba wara ż-żewġ Sinodi tal-Isqfijiet li tlaqqgħu fuq dan l-argument f’Ottubru 2014 u f’Ottubru 2015. Huma ftit mistoqsjiet li jistgħu jsiru mill-ġurnalisti.

  1. X’inhuma l-elementi ġodda li nsibu fl-EżortazzjoniAmoris lætitia?

L-Eżortazzjoni Amoris lætitia tkompli tibni fuq l-istorja twila tat-tagħlim tal-Knisja u fuq l-esperjenza tassew intensa tas-Sinodu. Mit-tnejn li huma tislet “ħwejjeġ qodma u ħwejjeġ ġodda”. L-element ġdid hu fuq kollox l-atteġġjament ta’ Knisja li ssieħeb lill-bniedem fil-mixja tiegħu. Il-Papa Franġisku, bħall-predeċessuri tiegħu, jaf kemm hi kumplessa l-ħajja tal-familja llum, imma jisħaq fuq il-bżonn li l-Knisja u l-ministri tagħha jkunu qrib tal-persuni, hi x’inhi s-sitwazzjoni tagħhom, iħossuhom kemm iħossuhom imbiegħda mill-Knisja: biex jifhmu, isieħbu, jintegraw, u jiftħu dirgħajhom b’mod partikulari lil dawk kollha li “qed jgħixu fl-iktar periferiji eżistenzjali differenti” (AL 312). L-Eżortazzjoni Amoris lætitia mhix xi dokument teoretiku bla ebda rabta mal-problemi veri tal-persuni.

It-titlu nnifsu jissuġġerixxi l-ispirtu pożittiv tad-dokument, li kontinwament u konkretement jeħodna lejn il-ġmiel tal-ħajja fil-familja, minkejja l-isfidi kollha li din iġġib magħha. Il-Papa Franġisku għandu kliem elokwenti fuq kif li tifforma familja jfisser tagħmel parti mill-ħolma ta’ Alla, tissieħeb miegħu fil-bini ta’ dinja “fejn ħadd ma jħossu waħdu” (AL 321).

  1. Għaliex hu dokument daqshekk twil? Tista’ l-parti l-kbira tal-Kattoliċi taqrah u ssib fih xi frott għaliha, jew hu indirizzat biss għall-esperti?

Il-Papa Franġisku fid-daħla tiegħu josserva li l-Eżortazzjoni m’għandhiex tinqara bl-għaġla, imma hemm bżonn attenzjoni għal dawk il-partijiet li l-iżjed iwieġbu għall-esiġenzi speċifiċi ta’ dak li jkun.

L-isqfijiet, is-saċerdoti u l-operaturi kollha fl-appostolat tal-familja għandhom jaqraw l-Amoris lætitia, imma hu importanti li l-Kattoliċi kollha jifhmu dan l-impenn tal-Knisja li tkun qrib tagħhom. Ngħidu aħna, lill-koppji miżżewġa se jinteressawhom b’mod partikulari r-Raba’ Kapitlu: “Imħabba fiż-żwieġ”, il-Ħames Kapitlu: “L-imħabba li ssir għammiela”, u s-Seba’ Kapitlu: “Insaħħu l-edukazzjoni ta’ wliedna”.

Il-Papa Franġisku jixtieq jgħin lill-miżżewġin Insara biex jipperseveraw fil-fedeltà u fis-sabar, u jagħmel il-qalb lil kulħadd biex ikun sinjal ta’ ħniena kull darba li l-ħajja fil-familja ma tiżvolġix fis-sliem u l-hena (AL 5).

Il-qarrejja sa jieħdu gost jissorprendu ruħhom meta jiskopru kemm hi konkreta l-Eżortazzjoni Amoris lætitia. Il-Papa Franġisku, b’qalb ta’ ragħaj, jidħol fir-realtajiet ta’ kuljum tal-ħajja tal-familja, b’mod sempliċi imma profond.

  1. Argument kontroversjali fis-Sinodu kien dwar it-tqarbin tal-Kattoliċi divorzjati li reġgħu żżewġu ċivilment. Imma l-Eżortazzjoni ma tgħid xejn b’mod defenittiv fuq din il-kwistjoni. Għaliex?

Is-Sinodu fehem li d-diskussjonijiet fejn hemm “rebbieħa u telliefa” ma jħallux frott. Dak li fil-verità jħalli l-frott hu li nħarsu b’mod profond lejn il-ħajja tal-familja, iż-żwieġ u l-poplu ta’ Alla, fl-impenn li jgħixu l-vokazzjoni tagħhom f’dawn iż-żminijiet diffiċli u kumplessi.

It-Tmien Kapitlu: “Insieħbu, niddixxernu u nintegraw id-dgħufija” joffri ħarsa profonda ħafna fuq kif regoli ġenerali ma jiġux applikati awtomatikament għal kull sitwazzjoni partikulari. Għalhekk hemm bżonn nagħtu kas tal-kumplessità ta’ kull sitwazzjoni partikulari.

Il-Papa jifhem li lkoll għandna nħossuna interpellati minn dak li hemm espost fit-Tmien Kapitlu. Żgur li qed jitlob mir-ragħajja u minn dawk kollha li jaħdmu fl-appostolat tal-familja li jisimgħu b’empatija lil dawk li jħossuhom miġruħa u jgħinuhom iduqu l-imħabba bla tarf ta’ Alla.

  1. Kelma importanti f’dan id-dokument hi “dixxerniment”. Għall-Papa Franġisku xi jfisser dixxerniment? Ifisser sempliċement li persuna tfittex saċerdot twajjeb li jgħidilha li ‘kollox sew’?

Id-dixxerniment hu l-isforz kontinwu li nkunu miftuħin għall-Kelma ta’ Alla biex inħalluha ddawwal ir-realtà konkreta tal-ħajja ta’ kuljum. Id-dixxerniment iwassalna biex inkunu doċli f’idejn l-Ispirtu; jagħmlilna l-qalb biex fis-sitwazzjonijiet konkreti naġixxu b’kemm jista’ jkun imħabba.

Il-Papa Franġisku jitlob lir-ragħajja jgħinu lill-fidili jiddixxernu d-diversi sitwazzjonijiet konkreti li jgħaddu minnhom. Is-saċerdot jew l-operatur pastorali involut b’mod attiv fl-għajnuna lill-persuni biex jikbru spiritwalment jaf li ma jeżistux riċetti faċli, soluzzjonijiet sempliċi u eċċezzjonijiet ħfief.

Fl-istess ħin, id-dixxerniment qatt ma jista’ jinfired mill-esiġenzi tal-verità u l-imħabba li jitlob il-Vanġelu u mit-tagħlim u t-tradizzjoni tal-Knisja. Id-dixxerniment jitlob umiltà u tiftixa sinċiera tar-rieda ta’ Alla.

  1. Hawn ħafna Kattoliċi divorzjati u li reġgħu żżewġu ċivilment li qed jagħmlu sforz biex jagħmlu t-tajjeb u jedukaw lil uliedhom fil-Knisja. X’għandha x’toffrilhom l-EżortazzjoniAmoris lætitia?

L-Amoris lætitia toffrilhom il-garanzija li l-Knisja u l-ministri tagħha għandhom għal qalbhom lilhom u s-sitwazzjoni konkreta tagħhom. L-Eżortazzjoni trid li huma jħossu u jkunu jafu li huma parti mill-Knisja. Mhumiex skumnikati (AL 243). Anki jekk ma jistgħux jieħdu sehem b’mod sħiħ fil-ħajja sagramentali tal-Knisja, huma mħeġġa jieħdu sehem attiv fil-ħajja tal-komunità.

Kunċett li jgħinna naqraw aħjar l-Eżortazzjoni hu dak tal-integrazzjoni. Ir-ragħajja għandhom jagħmlu kulma hu possibbli biex jgħinu lill-persuni li jsibu ruħhom f’dawn is-sitwazzjonijiet biex iħossuhom “inklużi” fil-ħajja tal-komunità.

Il-persuni f’sitwazzjonijiet hekk imsejħa “irregolari” għandhom jingħataw attenzjoni partikulari. “Li ngħinu biex infejqu l-ġrieħi tal-ġenituri u nilqgħuhom spiritwalment, dan hu ġid anki għall-ulied, li f’din l-esperjenza trawmatika għandhom bżonn tal-wiċċ tal-Knisja bħala familja li tilqagħhom” (AL 246).

  1. Għal Sinodu li f’mument minnhom deher li qed jaċċetta b’mod ġdid lill-omosesswali fil-Knisja, l-Eżortazzjoni ma tantx tidher li qed toffri ħafna f’dan ir-rigward. X’ġara?

It-tagħlim tal-Knisja jibqa’ ċar: iż-żwieġ hu bejn raġel u mara, u l-unjonijiet omosesswali ma jistgħux jitqiegħdu fuq l-istess livell taż-żwieġ Nisrani (AL 251). Madankollu, hu importanti li lkoll nitgħallmu nixbhu l-imħabba bla limiti ta’ Alla għal kulħadd. “Il-Knisja twaħħad imġibitha mal-Mulej Ġesù li fi mħabba bla tarf offra lilu nnifsu għal kull persuna bla eċċezzjonijiet” (AL 250).

Waqt li l-Eżortazzjoni tikkonċentra fuq iż-żwieġ u l-familja, hi ddur ukoll fuq għadd bla qies ta’ persuni li mhumiex miżżewġa: il-ġenituri single, ir-romol, iċ-ċelibi, dawk li ma żżewġux, li huma kollha persuni li għandhom rabtiet fil-familji. Kollha huma wlied; kollha għandhom storja ta’ familja; kollha għandhom rabtiet ta’ mħabba u rispett ma’ membri oħra tal-familja; u kull wieħed u waħda għandu ħbieb li għaddejjin minn sitwazzjonijiet iebsin jew ta’ tbatija fil-familja.

  1. L-Amoris lætitiatesprimi ruħha b’mod kritiku dwar ċerti prattiċi tal-passat (nri36, 37, 38), fosthom l-enfasi fuq kwistjonijiet morali u duttrinali, jew il-kundanna ta’ dinja li sejra lura bla ma toffri xejn pożittiv. Din kritika kontra l-papiet ta’ qabel?

Ħarsa ħafifa lejn in-noti fin-naħa ta’ isfel tal-paġni turi kemm spiss hu kkwotat Ġwanni Pawlu II, speċjalment bl-Eżortazzjoni appostolika tiegħu Familiaris consortio. Il-Papa Franġisku jikkwota wkoll bosta drabi d-Deus Caritas est tal-Papa Benedittu.

L-Amoris lætitia toffri tama, u tama kotrana. Mhijiex lista ta’ regoli jew ta’ kundanni, imma sejħa biex nilqgħu u nsieħbu, ninvolvu u nintegraw. Imqar meta l-persuni – għal kull xorta ta’ raġunijiet – ma kinux kapaċi jgħixu skont il-preċetti tat-tagħlim Nisrani, il-Knisja u l-ministri tagħha jixtiequ jkunu qrib tagħhom biex jgħinuhom fil-mixja tagħhom.

“It-triq tal-Knisja hi dik li ma tikkundanna lil ħadd esternament; li xxerred il-ħniena ta’ Alla lil dawk kollha li jitolbuhielha b’qalb sinċiera” (AL 296).

  1. Waħda mill-akbar preokkupazzjonijiet ta’ ħafna koppji miżżewġa hi kif jirregolaw it-twelid tal-ulied, madankollu dan mhuwiex wieħed mill-argumenti prinċipali tal-Eżortazzjoni. Għaliex?

L-Amoris lætitia tmiss dan l-argument kemm-il darba, fin-numri 42, 68, 82 u 222. Waqt li tinsisti bil-qawwa fuq il-fatt li l-ulied huma don ta’ Alla u kawża ta’ ferħ għall-ġenituri, l-Eżortazzjoni tirriferi wkoll għall-Humanæ vitæ, hi u tisħaq li l-miżżewġin għandhom jagħrfu x’inhuma d-dmirijiet tagħhom ta’ ġenituri responsabbli (AL 68).

Fl-aħħar mll-aħħar, deċiżjoni fuq kif jirregolaw it-twelid għandha tkun frott ta’ “djalogu bil-kunsens taż-żewġ miżżewġin” (AL 222).

Dwar dan, l-Eżortazzjoni tikkwota lill-Konċilju Vatikan II, u tisħaq fuq l-importanza tal-formazzjoni tal-kuxjenza, fejn kull persuna hi waħidha quddiem Alla.

L-Eżortazzjoni tħeġġeġ anki t-tħaddim tal-metodi naturali ta’ regolamentazzjoni tat-twelid, għax dawn jirrispettaw il-ġisem tal-miżżewġin, anki l-persuna tagħhom “fil-globalità tagħha”.

 

  1. X’inhi l-ikbar sfida li qed toffrilna l-Amoris lætitia?

L-ikbar sfida għal kull wieħed u waħda minna hi dik li ma naqrawx l-Eżortazzjoni bl-għaġla u fuqu fuq, u nimpenjaw ruħna biex inqegħduha fil-prattika. L-Amoris lætitia tesprimi proposti għall-Knisja u għar-ragħajja tagħha biex jibdlu l-orjentament ċentrali tagħhom lejn il-famlja: isieħbu, jintegraw, jibqgħu qrib ta’ dawk kollha li qed ibatu l-effetti ta’ mħabba midruba.

Fuq kollox, l-Amoris lætitia tixprunana biex, quddiem is-sitwazzjonijiet kumplessi u ta’ wġigħ il-qalb, inkunu persuni li kapaċi jifhmu. Il-Papa Franġisku jixtieq li nimxu mad-dgħajjef b’mogħdrija, billi nifhmuh u mhux niġġudikawh, biex “naċċettaw tassew li nidħlu f’kuntatt mal-eżistenza konkreta tal-oħrajn u nagħrfu l-qawwa tal-ħniena” (AL 308).

Preżentati mis-Santa Sede stess mal-Eżortazzjoni Appostolika, Amoris Laetitia u miġjuba għall-Malti minn Francesco Pio Attard.

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading