Ġwanni Pawlu II jiddikjara 3 Patruni tal-Ewropa

Print Friendly, PDF & Email

ITTRA APPOSTOLIKA SPES AEDIFICANDI

TAL-PAPA ĠWANNI PAWLU II LI JIDDIKJARA PATRUNI OĦRA TAL-EWROPA

SANTA BRIĠIDA TAL-ISVEZJASANTA KATERINA TA’ SIENASANTA TEREŻA BENEDETTA TAS-SALIB (EDITH STEIN)

1.         It-tama ta’ bini ta’ dinja aħjar, aktar ġusta u aktar tixraq lill-bniedem, imqawwija bil-mistennija tat-tielet millennju lli issa huwa hekk fil-qrib, ma tistax tinfired mill-ħsieb li t-tħabrik tal-bniedem ikun kollu għalxejn jekk mhux imsieħeb mal-grazzja ta’ Alla.  “Jekk il-Mulej ma jibnix id-dar, għalxejn jitħabtu l-bennejja” (Salm 127[126], 1).  Dan iridu jaħsbuh ukoll dawk li f’dawn is-snin għandhom quddiemhom il-problema li jagħtu lill-Ewropa organizzazzjoni ġdida, li tgħin lil dan il-kontinent antik, jgħix sewwa l-għana kollu ta’ ġrajjietu, billi jwarrbu in-niket tal-imgħoddi u jġibu ’l quddiem qagħda ġdida bl-għeruq tagħha fl-aqwa tradizzjonijiet, skont ix-xewqat kollha tad-dinja li qed titbiddel.

Hi ħaġa żgura li l-Kristjaneżmu fil-ġrajja mħawwda tal-Ewropa hu element ewlieni u definittiv, imwettaq mill-pedament sod tal-wirt klassiku u mill-ħafna kontributi tal-kulturi li waħda wara l-oħra sawwru l-Ewropa.  Il-fidi nisranija fasslet il-kultura tal-kontinent u intisġet ma’ ġrajjietu b’mod li ma tista’ qatt titqaċċat minnha u lanqas tista’ qatt tiftiehem jekk wieħed ma jqisx il-fatti li taw karattru speċjali liż-żmien li fih l-Evanġelju ġie mħabbar fl-Ewropa, u mbagħad tul il-ħafna mijiet ta’ snin li fihom il-Kristjaneżmu, minkejja l-firdiet ta’ niket li seħħu bejn il-Lvant u l-Punent, sar ir-reliġjon proprja tal-Ewropej.  Fi żmienna wkoll, meta l-għaqda reliġjuża dejjem aktar qed titfarrak kemm minħabba firdiet ġodda fost l-insara u kemm ukoll mit-tbegħid tal-kulturi mill-orizzont tal-fidi, għalkemm din madankollu ma tilfitx l-importanza tagħha.

Il-mixi lejn il-ġejjieni ma jistax ma jagħtix kas li l-fidi fasslet l-kultura tal-Ewropa, u l-insara huma mistednin biex dan jerġgħu jagħrfuh ħalli juru l-qawwa kollha tiegħu.  Huma fid-dmir li joffru lill-Ewropa l-kontribut speċjali tagħhom, li ikun qawwi u ta’ siwi aktar ma jkunu kapaċi jiġġeddu fid-dawl tal-Evanġelju.  B’dan il-mod huma jkomplu l-ġrajja tal-qdusija li seħħet fin-naħiet kollha tal-Ewropa, tul dawn l-elfejn sena, li fihom il-Qaddisin magħrufin uffiċjalment bħala eżempju għal kulħadd, huma biss il-quċċata.  Bla għadd huma l-insara li bil-ħajja tajba u onesta tagħhom, imqawwija mill-imħabba tagħhom għal Alla u għal għajrhom, permezz tal-ħafna vokazzjonijiet konsagrati u lajkali laħqu qdusija vera, imxerrda sewwa, għalkemm mhux magħrufa.

2.         Il-Knisja hija żgura li proprju dan it-teżor ta’ qdusija hu s-sigriet tal-imgħoddi u t-tama tal-ġejjieni tagħha.  Hu f’dan it-teżor li l-aktar jidher id-don tal-Fidwa, li biha l-bniedem ħeles mid-dnub u sata’ jgħix ħajja ġdida fi Kristu.

Hu f’dan it-teżor li l-Poplu ta’ Alla, fil-mixi tiegħu fl-istorja, isib l-għajnuna, m’hemmx oħra bħalha, għax iħoss ruħu marbut sewwa mal-Knisja fil-glorja, li fis-sema tlissen innu ta’ tifħir lill-Ħaruf (ara Apok 7, 9-10), waqt li titlob għall-komunità li għadha mixja fid-dinja.  Minħabba f’hekk, sa mill-ewwel żminijiet, il-Poplu ta’ Alla dejjem qies lill-Qaddisin bħala protetturi tiegħu; u bi drawwa speċjali, li minnha mhux nieqes l-indħil tal-Ispirtu s-Santu, xi drabi b’inizjattivi tal-fidili milqugħa mir-Ragħajja tagħhom, u drabi oħra b’inizjattiva tal-istess ragħajja, kull Knisja, kull reġjun u sa l-istess kontinenti ngħatawlhom bħala patruni tagħhom xi Qaddisin.

Fid-dawl ta’ dan fl-okkażjoni taċ-ċelebrazzjoni tat-tieni assemblea speċjali għall-Ewropa tas-Sinodu tal-Isqfijiet, ftit qabel fil-bidu tal-Ġublew il-Kbir tas-sena 2000, deherli li l-insara tal-Ewropa, huma u jgħixu flimkien ma’ ħuthom l-Ewropej l-oħra, l-mixi tagħhom ’il quddiem, mimli tamiet, iżda mhux nieqes minn tħassib, ikunu jistgħu jiksbu ġid spiritwali mill-kontemplazzjoni u l-invokazzjoni ta’ xi Qaddisin li b’xi mod qed jippreżentaw il-ġrajja proprja tagħhom.  Għalhekk, wara konsultazzjoni f’waqtha, ridt intemm dak li bdejt fit-31 ta’ Diċembru, 1980 meta ddikjarajt bħala patruni tal-Ewropa flimkien ma’ San Benedittu, żewġ Qaddisin tal-ewwel millennju San Ċirillu u San Metodju, li taw bidu għax-xandir tal-Evanġelju fl-Ewropa tal-Lvant.  Ħsibt li stajt insaħħaħ l-għadd tal-patruni tal-Ewropa bi tliet Qaddisin oħra, it-tlieta verament rappreżentattivi tal-mumenti l-aktar kritiċi tat-tieni millennju li wasal għat-tmiem tiegħu:  Santa Briġida tal-Isvezja, Santa Katerina ta’ Siena, u Santa Tereża Benedetta tas-Salib.  Tliet Qaddisin kbar, tliet nisa, fi żminijiet diversi – tnejn fiż-żminijiet tan-nofs, u l-oħra fi żmienna – it-tlieta magħrufin għall-imħabba ħabrieka tagħhom għall-Knisja ta’ Kristu u xhieda tas-Salib tiegħu.

3.         Il-qasam tal-qdusija hu hekk varjat u hekk għani, li għażla tal-patruni setat twassal ukoll għal persuni oħra ta’ ġieħ kbir magħrufin sewwa, li jistgħu jkunu ta’ tifħir għal kull żmien, u għal kull pajjiż ukoll.  Iżda deherli li tfisser ħafna l-għażla ta’ dawn il-Qaddisin nisa, illum li, b’mod providenzjali, fil-Knisja u fis-soċjetà tagħna, qed jagħrfu b’mod dejjem aktar ċar id-dinjità u d-doni tal-mara.

Sa mill-bidu tagħha, l-Knisja qatt ma naqset li tagħraf il-ħidma u l-missjoni tal-mara, minkejja li xi drabi kienet influwenzata minn kultura li mhux dejjem tat għarfien xieraq lill-mara.  Iżda l-komunità nisranija kibret sewwa dwar din il-ħaġa u l-qdusija kellha effett deċisiv fuqha.  Qawwa kbira f’dan kellha dejjem l-ikona ta’ Marija, ‘il-mara ideali’, Omm Kristu u Omm il-Knisja.  Iżda l-qlubija ukoll tal-martri, li b’qawwa tal-għaġeb għelbu turmenti tassew kiefra, ix-xhieda ta’ nisa mpenjati biex jgħixu ħajja axxetika radikali, l-inpenn ta’ tant nisa tad-dar u ta’ tant ommijiet fil-‘Knisja tad-dar’ li hi l-familja, il-kariżmi ta’ tant mistiċi li għenu f’għarfien aktar fil-fond tat-teoloġija, taw lill-Knisja tagħrif ta’ siwi kbir biex tara sewwa il-pjan ta’ Alla dwar il-mara.  Madankollu dan il-pjan ta’ Alla dwar il-mara jsib għarfien sħiħ f’xi paġni tal-Kotba Mqaddsa u b’mod partikulari fl-imġiba ta’ Kristu.  Hu għalhekk li wasalt għall-għażla tiegħi li niddikjara lil Santa Briġida tal-Isvezja, lil Santa Katerina ta’ Siena u lil Santa Tereża Benedetta tas-Salib, kompatruni tal-Ewropa.

Ir-raġuni li b’mod speċifiku waslitni biex nagħżilhom kienet l-istess ħajja tagħhom.  Il-qdusija tagħhom seħħet fi żminjiet storiċi u f’ambjenti ġeografiċi li jagħmluhom ifissru ħafna għall-kontinent tal-Ewropa.  Santa Briġida twassalna fit-tarf tat-tramuntana tal-Ewropa, fejn dan il-kontinent qisu jiltaqa’ maż-żewġ kontinenti l-oħra, u minn fejn hi telqet biex tmur tgħix f’Ruma, Santa Katerina ta’ Siena hi magħrufa sewwa għall-ħidma tagħha fiż-żmien li fih is-suċċessur ta’ San Pietru kien jgħix f’Avignon, u temmet dik il-ħidma spiritwali li kienet ġa bdiet Santa Briġida biex il-Papa jerġa’ lura għas-Sede tiegħu qrib il-qabar tal-Prinċep tal-Appostli.  U fl-aħħarnett Santa Tereża Benedetta tas-Salib, dikjarata Qaddisa dan l-aħħar, mhux biss għexet f’ħafna pajjiżi tal-Ewropa imma wkoll bħala studjuża, mistika u martri, kient qisha pont bejn l-għerq Lhudi tagħha u r-rabta tagħha ma’ Kristu, mxiet b’pass żgur fi djalogu mal-ħsieb filosofiku ta’ żmienna, u fl-aħħarnett, xandret bil-martirju tagħha t-triqat ta’ Alla u tal-bniedem quddiem il-kefrija tal-biża’ tas-Shoah.  Hekk saret simbolu tal-mixja kulturali u reliġjuża tal-bniedem, li fiha hemm inkarnati it-traġedji u t-tamiet kollha tal-kontinent tal-Ewropa.

4.         L-ewwel waħda fost dawn in-nisa kbar twieldet fi ħdan familja aristokratika fl-1303 f’Finsta fil-provinċja ta’ Uppland.  Hi magħrufa l-aktar bħala mistika u fundatriċi tal-Ordni tas-Salvatur.  Iżda ma rridux ninsew li l-ewwel parti ta’ ħajjitha kienet dik ta’ mara miżżewġa ma’ wieħed nisrani tajjeb u kellhom tmint itfal.  Meta għażiltha bħala patruna tal-Ewropa ridt li jqisuha qrib tagħhom mhux biss dawk li rċevew il-vokazzjoni għall-ħajja ta’ konsagrazzjoni speċjali, imma hija qrib ukoll dawk kollha li huma msejħin biex jgħixu l-ħajja ta’ kuljum fid-dinja, u l-aktar dawk li huma msejħin biex jiffurmaw familja tassew nisranija.  Mingħajr ma ħallew il-qagħda soċjali tagħhom ta’ hena u ġid tfixkilhom, hi u żewgħa Ulf għexu l-ħajja tagħhom fiż-żwieġ billi għarfu jgħaqdu l-imħabba għal xulxin ma ħajja ta’ talb kollu ħeġġa, mal-istudju tal-Kotba Mqaddsa, mat-tgħakkis u ma ħafna karitajiet.  Flimkien fetħu sptar żgħir, fejn spiss kienu jduru bil-morda.  Briġida mbagħad kellha d-drawwa li hi stess isservi lill-foqra.  Fl-istess waqt, kulħadd kien jagħraf is-siwi tal-kwalitajiet tagħha ta’ għalliema, li dehru sewwa meta ġiet imsejħa biex tagħti servizz fil-palazz ta’ Stokolma.  Mill-esperjenza li kisbet minn dan is-servizz, setat ’il quddiem kemm-il darba tagħti pariri lil prinċipjiet u slaten dwar kif jaqdu dmirijiethom.  Iżda l-aktar li pprofittaw kienu uliedha stess, waħda minnhom, Katerina, hi meqjuma bħala Qaddisa.

Iżda dan iż-żmien tal-ħajja familjari tagħha kien fil-bidu ta’ għomorha.  Il-pellegrinaġġ li għamlet ma’ żewġha Ulf lejn San Ġakbu ta’ Kompostela fl-1341 għalaq simbolikament dan iż-żmien ta’ ħajjitha u ħejjieha ghal dik il-ħajja ġdida li bdiet tgħix xi sena wara, meta mal-mewt ta’ żewġha, intebħet b’leħen Kristu, li ried jafdalha missjoni ġdida u mexxiha pass pass permezz ta’ grazzji mistiċi tassew tal-għaġeb.

5.         Fl-1349 Briġida ħalliet l-Isverzja u marret tgħix f’Ruma, fejn hemm is-Sede tas-Suċċessur ta’ San Pietru.  It-tluq lejn l-Italja kien pass deċisiv għall-ftuħ mhux biss ġeografiku u kulturali ta’ Briġida, imma wkoll fuq kollox għal-ftuħ spiritwali tal-fehma u tal-qalb tagħha.  Ħafna postijiet fl-Italja rawha pellegrina b’xewqa kbira li tivvenera r-relikwi tal-Qaddisin.  Marret Milan, Pavia, Assisi, Tortona, Bari, Benevento, Pozzuoli, Napli, Salerno, Amalfi, u fis-Santwarju ta’ San Mikiel fuq il-Gargano.  L-aħħar pellegrinaġġ tagħha, bejn is-snin 1371 u 1372 wassalha biex taqsam il-Mediterran lejn l-Art Imqaddsa u hekk wasslet biex tħaddan spiritwalment mhux biss il-postijiet imqaddsa tal-Ewropa Kattolika, imma wkoll l-għejun stess tal-Kristjaneżmu, fil-postijiet imqaddsa bil-ħajja u l-mewt tal-Redentur.

6.         Fil-fatt, Briġida kellha sehem fil-bini tal-komunità ekklesjali, f’mument tassew kritiku ta’ ġrajjietha, kien permezz tas-sens għoli li kellha tal-misteru ta’ Kristu u tal-Knisja tiegħu aktar milli permezz tal-pellegrinaġġi tagħha.  L-għaqda intima tagħha ma’ Kristu kienet imsieħba ma’ kariżmi speċjali ta’ rivelazzjoni li wasslu biex ħafna persuni tal-Knisja ta’ żmienha jħarsu lejha biex jaraw kif iġibu ruħhom.  Fi Briġida naraw il-qawwa tal-profezija.  Xi drabi kliemha kien qisu l-eku tal-profeti kbar tal-imgħoddi, żgura fi kliemha, tkellem slaten u papiet, u turihom il-pjan ta’ Alla fil-ġrajjiet tal-istorja.  Ma żżommx ruħha lura milli titkellem bis-severità kollha wkoll dwar tiġdid morali tal-poplu nisrani u tal-kleru (ara Revelationes IV, 49; ara wkoll IV, 5).  Xi aspetti tal-kitba mistika tagħha qanqlu mistoqsijiet fiż-żmien, li wieħed jifhimhom, u l-għarfien ekklesjali dwarhom wassal biex issir riferenza għalihom fid-dawl tar-rivelazzjoni pubblika waħdanija, li fi Kristu għandha l-milja kollha tagħha u fl-Iskirttura l-espressjoni normativa tagħha.  L-istess esperjenzi ta’ Qaddisin kbar mhumiex neqsin minn dawn il-limitazzjonijiet li huma mseħbin mal-mod kif il-bniedem jilqa’ l-kelma ta’ Alla.

Hi ħaġa żgura li l-Knisja hija u tagħraf il-qdusija ta’ Briġida, mingħajr ma tgħid xejn dwar kull waħda mir-rivelazzjonijiet tagħha, aċċettat bħala awteniku l-kumpless kollu tal-esperjenza spiritwali tagħha.  Briġida tidher bħala xhud ifisser ħafna tal-wesa’ li jista’ jkollu fil-Knisja l-kariżma li wieħed jgħixu f’rabta sħiħa mal-Ispirtu ta’ Alla u fi qbil sħiħ ma’ dak li titlob ix-xirka tal-Knisja.  B’mod partikulari mbagħad, għaliex il-pajjiżi tal-Iskandinavja, art Santa Briġida, li nfirdu mix-xirka sħiħa mas-Sede ta’ Ruma tul il-ġrajjiet ta’ niket li seħħu fis-seklu XVI, il-figura ta’ din il-Qaddisa Svediza hi dejjem “rabta” ekumenika għażiża imwettqa wkoll mill-impenn ekumeniku tal-Ordni tagħha.

7.         Ftit snin wara nerġgħu niltaqgħu ma mara oħra kbira.  Santa Katerina ta’ Siena:  is-sehem li tat fl-iżvilupp tal-ġrajja tal-Knisja u fl-għarfien aktar fil-fond tar-rivelazzjoni kulħadd jafu sewwa u wassal biex jingħatalha t-titolu ta’ Duttur il-Knisja.

Twieldet fi Siena, u sa mill-ewwel tfulija tagħha kellha grazzji straordinarji li wassluha biex, fit-triq spiritwali mfasslha minn San Duminku, timxi b’ħeffa kbira ’il quddiem fit-triq tal-perfezzjoni bit-talb, bit-tgħakkis u b’għemejjel ta’ mħabba.  Meta kellha għoxrin sena, Kristu wrieha li kienet il-prediletta tiegħu permezz tas-simbolu mistiku taċ-ċurkett tal-għerusija miegħu.  Kien il-qofol ta’ intimità li laħqet il-milja tagħha f’ħajja moħbija u fil-kontemplazzjoni, għax għarfet tgħix, għalkemm barra l-ħitan ta’ monasteru, f’dik id-dar spiritwali li hi kienet tħobb issejjaħ “Iċ-ċella ta’ ġewwa nett”.  Is-silenzju ta’ din iċ-ċella, li wassalha biex tkun dejjem lesta ha tilqa’ l-ispirazzjonijiet ta’ Alla, malajr wassalha għall-ħidma appostolika tassew tal-għaġeb.  Ħafna – kleriċi wkoll – bdew jinġabru madwarha bħala dixxipli tagħha, għax għarfu li kellha d-don ta’ maternità spiritwali.  L-ittri tagħha xterdu mal-Italja kollha, u fl-Ewropa wkoll.  Din iż-żagħżugħa minn Siena, b‘fehma soda u kliem kollu ħeġġa, daħlet fil-qalba tal-problemi ekklesjali u soċjali ta’ żmienha.

Bla mistrieħ kien l-impenn ta’ Santa Katerina biex issib tarf tal-ħafna konflitti li kienu qed iġarrbu s-soċjetà ta’ żmienha.  Il-ħidma tagħha għall-paċi laħqet slaten tal-Ewropa bħal Karlu V ta’ Franza, Karlu ta’ Durazzo, Elizabetta tal-Ungerija, Ludoviku l-Kbir tal-Ungerija u tal-Polonja, Ġovanna ta’ Napli.  Kienet tfisser ħafna l-ħidma tagħha biex tħabbeb mill-ġdid Firenze mal-Papa.  Hija u turi ’l Kristu msallab u l-ħelwa Marija lil dawk miġġieldin bejniethom, kienet tgħidilhom li f’soċjetà ispirata minn valuri nsara, ma jistax ikun hemm raġuni hekk serja li twassal għall użu tal-armi minnflok għall-laqgħat biex jintlaħaq ftehim.

8.         Iżda Katerina kienet taf sewwa li wieħed ma jistax jasal għal dan jekk il-qlub ma jkunux ssawwru bil-qawwa stess tal-Evanġelju.  Minn hawn il-ħtieġa tat-tiġdid fl-imġiba li Katerina kienet tisiteden għalih lil kulħadd bla ebda eċċezzjoni.  Lis-slaten kienet tfakkarhom li ma jistgħux jiggvernaw bħallikieku s-saltan kienet “proprjetà” tagħhom, għax għandhom jafu li jridu jagħtu kont lil Alla kif ħaddmu s-setgħa tagħhom.  Huma fid-dmir li jidħlu għall-ħidma li jħarsu “l-ġustizzja qaddisa u vera” billi jkunu “missirijiet il-foqra” (ara Ittra 235 lir-Re ta’ Franza).  It-tħaddim tas-setgħa ma jistax jinfired mill-imħabba, li hi fl-istess waqt ir-ruħ tal-ħajja personali u tar-responsabbiltà politika (ara Ittra 357 lir-Re tal-Ungerija).

Bl-istess qawwa Katerina kienet tkellem lill-ekklesjastiċi ta’ kull grad, beix titlob minn għandhom qbil aktar serju bejn ħajjithom u l-ministeru pastorali tagħhom.  Jimpressjona xi ftit it-ton ħieles, qawwi, jaqta’ li bih kienet twissi saċerdoti, isqfijiet, kardinali.  Jeħtieġ li jitqaċċtu — kienet tgħid — mill-ġnien tal-Knisja l-pjanti midbiela, u flokhom jitħawwlu “pjanti ġodda” friski u jfuħu.  Bil-qawwa tal-intimità tagħhom ma’ Kristu, il-Qaddisa ta’ Siena ma kinitx tibża’ turi, bis-sinċerità kollha, ir-rieda ta’ Alla, lill-Papa, li kienet tħobbu bħala “l-ħelu Kristu fuq l-art”, u riditu jtemm l-eżitazzjonijiet tiegħu ġejjin mill-għaqal tad-dinja u minn interessi materjali, biex jitlaq minn Avignon u jmur Ruma, ħdejn il-qabar ta’ San Pietru.

Bl-istess ħeġġa Katerina ħabirket biex tegħleb l-firdiet li nħolqu mal-elezzjoni tal-Papa wara l-mewt tal-Papa Girgor XI; f’din il-ħaġa ukoll, Katerina reġgħet appellat b’ħeġġa liema bħalha biex qatt ma tonqos ix-xirka li għandu jkun hemm fil-Knisja.  Dan kien l-ogħla ideal li mexxiha tul ħajjitha kollha, hija u tiddedika ruħha kollha kemm hi għall-Knisja.  H istess tat xhieda ta’ dan lill-ulied spiritwali tagħha fuq is-sodda tal-mewt: “Għażież, żommu sewwa f’moħħkom li jien tajt ħajti kollha kemm hi għall-Knisja mqaddsa” (Beatu Rajmond minn Kapwa, Ħajja ta’ Santa Katerina minn Siena, lib. III, kap IV).

9.         Ma’ Edith Stein – Santa Tereża Beneditta tas-Salib – ninsabu f’ambjent storiku-kulturali għal kollox differenti.  Hi twassalna fil-qalba tas-seklu hekk imġarrab tagħna, hija u turina t-tamiet li qanqal, flimkien mal-kontradizzjonijiet u t-telf kollu li dehru ma’ tulu.  Edith ma ġietx minn familja nisranija bħal Briġida u Katerina.  Ħajjitha kollha tixhed it-tiġrib tat-tfittxija u t-tbatija ta’ pellegrinaġġ” eżistenzjali.  Ukoll wara li waslet għall-verità fil-paċi tal-ħajja kontemplattiva, kellha tgħix sal-qiegħ nett il-misteru tas-Salib.

Twieldet fl-1891 fi ħdan familja Lhudija minn Breslau li dak iż-żmien kien jagħmel parti mill-Ġermanja.  L-interess li bdiet turi fil-filosofija, li wassalha biex tħalli l-ħajja reliġjuża li fiha darrietha ommha, aktar kellu jqabbadha t-triq tar-‘razzjonaliżmu’ pur, milli dik tal-qdusija.  Iżda l-grazzja kienet tistennieha proprju fil-ħafna mogħdijiet tal-ħsieb filosofiku: qabdet il-mogħdija tal-ħsieb fenemenoloġiku, u għarfet l-importanza tar-realtà oġġettiva, li flok tintilef fis-suġġett li jkun, tiġi qablu skont kemm għandu ħila jagħrafha; għalhekk din ir-realtà trid tkun osservata b’mod oġġettiv mill-aktar rigoruż.  Wieħed irid joqgħod attent jismagħha, u jagħrafha l-aktar fil-bniedem, bil-qawwa tal-ħila tal-‘empatija’ — kelma li kienet tħobb tuża ħafna — li b’xi mod tgħinek biex tagħmel tiegħek dak li hu ta’ ħaddieħor (ara E. Stein, Il-problema tal-empatija).

F’din il-qagħda tagħha ta’ smigħ, min-naħa ltaqgħet mal-esperjenza spiritwali nisranija ta’ Santa Tereża ta’ Ġesù u ta’ mistiċi oħra kbar, li tagħhom saret dixxiplu u fittxet li timitahom, u min-naħa l-oħra mat-tradizzjoni antika tal-ħsieb nisrani li ssaħħaħ fit-Tomiżmu.  Minn dan it-triq waslet l-ewwel għall-Magħmudija u mbagħad għall-għażla tal-ħajja kontemplattiva fl-Ordni Karmelitan.  Kollox seħħ fil-mixja eżistenzjali mqanqla tagħha mmarkata mhux biss mit-tħarriġ fir-ruħ, imma wkoll mill-impenn fl-istudju u t-tagħlim, li għalih daħlet b’dedizzjoni liema bħalha.  Kienet apprezzata ħafna, f’dawk iż-żminijiet, il-ħidma tagħha favur il-promozzjoni soċjali tal-mara u tassew jolqtu l-kliem li bihom stħarrġet l-għana tal-femminilità u tal-missjoni tal-mara, mill-aspett uman u reliġjuż (ara E. Stein, La donna.  Il suo compito secondo la natura e la grazia).

10.       Il-laqgħa mal-Kristjaneżmu ma wassalhiex biex tiċħad l-għeruq Lhudin tagħha, anzi wassalha biex tagħraf il-milja kollha tagħhom.  Iżda dan ma ħelishiex mill-fatt li qrabatha fehmuha ħażin.  Kien ta’ niket kbir għaliha li ommha ma fehmithiex.  Fil-fatt, il-mixja kollha tagħha fit-triq tal-perfezzjoni nisranija kienet mhux biss immarkata b’solidarjetà mal-poplu ta’ ġensha imma wkoll fi qsim spiritwali mal-vokazzjoni ta’ wlied Abraham, immarkata bil-misteru tas-sejħa ta’ Alla u tad-doni ta’ Alla, magħmulin b’wegħda li minnha Alla qatt ma jerġa’ lura minnha (ara Rum 11,29).

B’mod partikulari, għamlet proprju tagħha t-tbatija tal-poplu Lhudi, tbatija li bil-mod il-mod bdiet dejjem aktar tiħrax u spiċċat fil-persekuzzjoni feroċi tan-nażisti, li flimkien ma’ wirjiet gravi oħra tat-totalitariżmu, huma tbajja mudlama u ta’ mistħija fl-Ewropa tas-seklu tagħna.  Ħasset imbagħad li, fil-qerda sistematika tal-Lhud, il-poplu tagħha ġie mgħobbi bis-Salib ta’ Kristu u għexet bħala s-sehem personali tagħha d-deportazzjoni u l-qtil tagħha fil-kamp ta’ konċentrament ta’ Auschwitz-Birkenau.  L-għajta tagħha tingħaqad ma’ dik tal-vittmi kollha ta’ din it-traġedja li qatt ma kien hemm oħra bħalha, iżda marbuta ma’ dik ta’ Kristu, li jiżgura għat-tbatija tal-bniedem frott misterjuż li jibqa’ dejjem.  Id-dehra tal-qdusija tagħha tibqa’ dejjem marbuta mat-traġedja ta’ mewt vjolenta tagħha, flimkien ma’ tant oħra li bħalha għaddew minnha.  U tibqa’ bħala tħabbira tal-Evanġelju tas-Salib, li riedet tagħmlu tagħha fl-istess isem li għażlet bħala reliġjuża.

Illum, aħna u nħarsu lejn Tereża Benedetta tas-Salib u nqisu x-xhieda ta’ din il-vittma innoċenti, naraw fiha min-naħa xebh mal-Ħaruf sagrifikat, u protesta kontra kull qsur tad-dirittijiet fondamentali tal-persuna, u min-naħa l-oħra r-rahan ta’ laqgħat mill-ġdid lejn Lhud u Nsara kif xtaq il-Konċilju Vatikan II, laqgħat li qed juru żmien li jfisser ħafna ta’ ftuħ lejn xulxin.  Il-proklamazzjoni llum ta’ Edith Stein bħala patruna tal-Ewropa tfisser li fuq ix-xefaq ta’ dan il-kontinent antik qed jiġi mtella’ standard ta’ rispett, ta’ tolleranza, ta’ akkoljenza, jistieden irġiel u nisa jifhmu ’l xulxin u jilqgħu lil xulxin ’l hemm mid-diversitajiet kollha bejniethom, ta’ razza, ta’ kultura, u ta’ reliġjon biex timbena soċjetà fraterna.

10.       Ħa tikber, mela, l-Ewropa!  Ħa tikber bħala Ewropa tal-Ispirtu fid-dija tal-aħjar ġrajjiet tagħha, u li proprju fil-qdusija għandha l-ogħla espressjoni tagħha.  L-għaqda tal-kontinent, li dejjem  aktar qed tikber fil-kuxjenza tan-nies, u dejjem aktar ċara fl-aspett politiku tagħha, żgur turi tamiet kbar.  L-Ewropej kollha huma msejħin biex jħallu wara daharhom darba għal dejjem il-piki storiċi tagħhom li spiss għamlu il-kontinent tijatru ta’ gwerer b’ħerbiet kbar.  Fl-istess waqt jridu jimpenjaw ruħhom biex joħolqu kondizzjonijiet ta’ rabtiet aqwa u ta’ ħidma flimkien tal-popli kollha.  Quddiemhom għandhom l-isfida kbira li jibnu kultura u etika ta’ għaqda, għax jekk din tonqos kull politika ta’ għaqda llum jew għada tiġġarraf żgur.

Biex l-Ewropa l-ġdida timbena fuq pedamenti sodi, mhux biżżejjed tfittex biss interessi ekonomiċi, li xi drabi jgħaqdu u drabi oħra jifirdu.  Iżda jeħtieġ aktar li wieħed jagħfas fuq valuri awtentiċi li għandhom il-pedament tagħhom fil-liġi morali universali, minkuxa fil-qalb ta’ kull bniedem.  L-Ewropa li tibdel il-valur tat-tolleranza u tar-rispett lejn kulħadd mal-indifferentiżmu etiku u max-xettiċiżmu dwar il-valuri li l-bniedem qatt ma jista’ jiċċaħħad minnhom, tiftah it-triq għal ħafna avventuri mimlijin riskju, u llum jew għadu tara jitfaċċew mill-ġdid, taħt suriet ġodda, l-iħirsa l-aktar tal-biża ta’ ġrajjietha.

Biex titbiegħed din it-tħeddida, jidher li hu meħtieġ mill-ġdid il-Kristjaneżmu, li ma jieqaf qatt juri orizzont ideali, fid-dawl ukoll tal-ħafna punti ta’ qbil mar-reliġjonijiet l-oħra, li l-Konċilju Vatikan II imtebaħ bihom (ara Digriet Nostra Aetate) nistgħu bil-qawwa kollha li l-ftuħ lejn it-Traxxendenti hu dimensjoni vitali tal-eżistenza.  Hu għalhekk meħtieġ kif mill-insara li jinsab fin-nazzjonijiet kollha ta’ dan il-kontinent, impenn imġedded ta’ xhieda.  Huma jridu jqawwu t-tama ta’ salvazzjoni sħiħa bit-tħabbira li hi proprju t-tħabbira tagħhom, dik tal-Evanġelju, jiġifieri l-“Bxara t-tajba” li Alla niżel qrib tagħna u li Ibnu Ġesù Kristu offrilna l-fidwa u l-milja tal-ħajja divina.  Bil-qawwa tal-Ispirtu li ngħatalna, nistgħu nerfgħu ħarsitna lejn Alla u nsejħulu bl-isem ħelu ta’ “Abba”, Missier! (ara Rum 8, 15; Gal 4, 6).

11.       Hu proprju biex nuri l-valur ta’ din it-tħabbira ta’ tama li ridt inqanqal devozzjoni ġdida, fi prospettiva ewropea, lejn dawn it-tliet nisa, li fi żminijiet diversi taw kontribut li jfisser ħafna mhux biss għall-kobor tal-Knisja imma wkoll għal dak tal-istess soċjetà.

Permezz tax-Xirka tal-Qaddisin li b’mod misterjuż tgħaqqad flimkien il-Knisja fid-dinja mal-Knisja fis-sema, dawn it-tliet Qaddisin jieħdu ħsiebna bl-interċessjoni tagħhom dejjem sejra quddiem it-tron ta’ Alla.  Fl-istess waqt talb aktar imħeġġeġ tagħna u riferenzi tagħna aktar ta’ spiss u aktar attenti għal kliemhom u għall-eżempji tagħhom ma jistax ikun li ma jqanqlux fina għarfien aktar qawwi tal-vokazzjoni tagħna lkoll għall-qdusija li timbuttana biex nagħmlu proponimenti ta’ mpenn aktar ġeneruż.

Għalhekk, wara tħassib fit-tul, bil-qawwa tas-setgħa appostolika tiegħi, nagħmel u niddikjara bħala kompatruni tal-Ewropa kollha quddiem Alla, lil Santa Briġida tal-Isvezja, lil Santa Katerina ta’ Siena, u lil Santa Tereża Benedetta tas-Salib, bl-unuri u l-privileġġi kollha liturġiċi li huma proprji tal-patruni prinċipali ta’ kull post.

Glorja lit-Trinità Qaddisa li tiddi b’mod singulari f’ħajjithom u fil-ħajja tal-Qaddisin kollha.  Sliem lill-bnedmin kollha ta’ rieda tajba fl-Ewropa u fid-dinja kollha.

Ruma, minn San Pietru, fl-1 ta’ Ottubru, 1999, fil-wieħed u għoxrin sena tal-Pontifikat.

                                                                                                            JOANNES PAULUS PP II

Hajr lil Ms Myriam Buttigieg

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading