Qari tal-Quddies tas-Sibt tal-XXIV ġimgħa matul is-Sena


Stampa t-test tal-qari …

L-Erbgħa u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Is-Sibt

QARI I
Żomm ruħek bla tebgħa sa jum id-dehra ta’ Sidna Ġesù Kristu.
1 Tim 6, 13-16

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Timotju

Għażiż, inwissik quddiem Alla li jagħti l-ħajja lill-ħlejjaq kollha, u quddiem Kristu Ġesù li xehed u għamel l-istqarrija sabiħa quddiem Ponzju Pilatu. Inwissik biex tħares l-istruzzjonijiet li rċevejt u żżomm ruħek bla tebgħa u bla ħtija sa jum id-dehra ta’ Sidna Ġesù Kristu, li għad juriha f’waqtha.

Dak li hu l-hieni u waħdu setgħani,
is-Sultan tas-slaten u s-Sid tas-sidien,
li hu biss ma jmut qatt
u jgħammar f’dawl li ħadd ma jista’ jersaq lejh,
hu li ebda bniedem qatt ma rah u anqas qatt jista’ jarah.
Lilu ġieħ u setgħa għal dejjem! Ammen.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 99 (100), 2.3.4.5

R/. (2ċ): Idħlu quddiem il-Mulej b’għana ferrieħi

Għajtu bil-ferħ lill-Mulej, nies kollha tal-art,
aqdu bil-ferħ lill-Mulej,
idħlu quddiemu b’għana ferrieħi. R/.

Kunu afu li Jaħweh hu Alla,
hu ħalaqna, u aħna tiegħu,
aħna l-poplu tiegħu u n-nagħaġ tal-mergħa tiegħu. R/.

Idħlu b’għana ta’ ħajr mill-bibien tiegħu,
bit-tifħir fil-btieħi tat-tempju tiegħu;
roddulu ħajr u bierku ismu! R/.

Għax twajjeb il-Mulej,
għal dejjem it-tieba tiegħu;
minn żmien għal żmien il-fedeltà tiegħu. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
ara Lq 8, 15

Hallelujah. R/. Hallelujah
Henjin dawk li jisimgħu l-kelma ta’ Alla b’qalb tajba u sinċiera,
jgħożżuha, u jagħmlu l-frott billi jżommu sħiħ.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Iż-żerrigħat li jaqgħu f’art tajba huma dawk li jisimgħu l-Kelma u jgħożżuha, u jagħmlu l-frott billi jżommu sħiħ.
Lq 8, 4-15

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, inġemgħet kotra kbira ta’ nies li kienu ġejjin lejn Ġesù minn kull belt, u hu qalilhom din il-parabbola: “Wieħed bidwi ħareġ jiżra’ ż-żerriegħa li kellu. Huwa u jiżra’, xi żerrigħat waqgħulu mal-mogħdija u ntrifsu, u l-għasafar tal-ajru naqqruhom kollha. Oħrajn waqgħu fuq il-blat, u nibtu u nixfu, għax tira ma kellhomx. Oħrajn waqgħu qalb ix-xewk, u x-xewk kiber magħhom u ħonoqhom. Oħrajn waqgħu f’art tajba, u nibtu u għamlu l-frott kull waħda mija”. Kif qal dan, rafa’ leħnu u qal: “Min għandu widnejn biex jisma’, ħa jisma’!”.

Id-dixxipli tiegħu staqsewh x’kienet dik il-parabbola. U hu qalilhom: “Lilkom ingħata li tagħrfu l-misteri tas-Saltna ta’ Alla, iżda lill-bqija bil-parabboli, biex iħarsu u ma jarawx, u jisimgħu u ma jifhmux.

Il-parabbola, mela, hija din: iż-żerriegħa hi l-kelma ta’ Alla. Dawk ta’ matul il-mogħdija huma dawk li jisimgħu, imbagħad jiġi x-Xitan u jaħtfilhom il-Kelma minn qalbhom, li ma jmorrux jemmnu u jsalvaw. Dawk ta’ fuq il-blat huma dawk li, meta jisimgħu l-Kelma, jilqgħuha bil-ferħ, iżda billi ma jkollhomx għeruq jemmnu għal ftit taż-żmien, u meta jiġi fuqhom it-tiġrib jitilqu. Dawk li jaqgħu qalb ix-xewk huma dawk li jisimgħu, iżda aktar ’il quddiem l-inkwiet żejjed u l-għana u l-pjaċiri tal-ħajja joħonquhom u l-frott tagħhom ma jsirx. Imma dawk li jaqgħu f’art tajba huma dawk li jisimgħu l-Kelma b’qalb tajba u sinċiera, jgħożżuha, u jagħmlu l-frott billi jżommu sħiħ”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu