Qari tal-Quddies tal-Ħamsa u Għoxrin Ħadd matul is-Sena “B”


Stampa t-test tal-qari …

Il-Ħamsa u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

QARI I
Nikkundannawh għal mewt l-aktar kiefra.
Għerf 2, 12.17-20

Qari mill-Ktieb tal-Għerf

In-nies il-ħżiena qalu:
“Nonsbulu lill-ġust
għaliex hu ta’ xkiel għalina fi triqitna,
hu kontra l-għemejjel tagħna,
iċanfarna għax niksru l-Liġi,
jixlina għax immorru kontra t-tagħlim li ħadna.
Ħa naraw hux veru kliemu,
naraw fl-aħħar x’se jsir minnu.
Jekk il-ġust hu iben Alla,
jaqbeż għalih Alla, u jeħilsu minn id l-għedewwa tiegħu.
Inġarrbuh bit-tagħjir u l-moħqrija,
biex naraw xi tjubija għandu
u nkejlu sa fejn jasal sabru.
Naqtgħuhielu għall-mewt b’mistħija,
għax, kif jgħid hu, għandu min iħarsu”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 53 (54), 3-4.5.6.8

R/. (6b): Il-Mulej hu dak li jżommni

B’ismek, o Alla, salvani;
agħmilli ħaqq bil-qawwa tiegħek.
Isma’, o Alla, it-talba tiegħi;
agħti widen għal kliem fommi. R/.

Għax nies kburin qamu kontrija,
nies kefrin jonsbuli ħajti;
ma jżommux ’l Alla quddiem għajnejhom. R/.

Ara, Alla l-għajnuna tiegħi;
il-Mulej hu dak li jżommni.
Minn qalbi noffrilek is-sagrifiċċju;
irrodd ħajr lil ismek, għax hu tajjeb. R/.

QARI II
Għal dawk li jfittxu jnisslu s-sliem, il-frott tal-ġustizzja hu miżrugħ fis-sliem.
Ġak 3, 16 – 4, 3

Qari mill-Ittra ta’ San Ġakbu Appostlu

Għeżież, fejn hemm l-għira u l-ġlied, hemm issib it-taqlib u kull xorta ta’ ħażen. L-għerf li ġej mis-sema, qabel kollox hu għerf safi, imbagħad hu għerf li jfittex is-sliem, it-tjubija u l-ħlewwa; huwa kollu ħniena u frott tajjeb, bla ma jħares lejn l-uċuħ u bla qerq. Dawk li jfittxu s-sliem jiżirgħu fis-sliem u jkollhom il-frott tal-ġustizzja. Mnejn hu ġej il-ġlied u t-tilwim bejnietkom? Jaqaw mhux minn dan, mill-passjonijiet li hemm jitqabdu f’ġisimkom? Tixtiequ, u ma ssibu xejn; imbagħad toqtlu, u tgħiru, bla ma tistgħu tieħdu xejn; imbagħad tiġġieldu u titqabdu. Ma għandkom xejn għax ma titolbux. Titolbu, u ma tiksbux, għax titolbu ħażin: titolbu ħa jkollkom xi tberbqu fix-xalar.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
2 Tess 2, 14

Hallelujah. R/. Hallelujah
Alla sejħilkom permezz tal-Evanġelju tagħna,
biex ikollkom sehem fil-glorja ta’ Ġesù Kristu.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Min irid ikun l-ewwel wieħed, għandu jkun il-qaddej ta’ kulħadd.
Mk 9, 30-37

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, Ġesù u d-dixxipli tiegħu għaddew minn nofs il-Galilija, u ma ried li ħadd ikun jaf, għax beda jgħallem lid-dixxipli tiegħu u jgħidilhom: “Bin il-bniedem se jingħata f’idejn il-bnedmin u joqtluh; u meta jkun maqtul, wara tlitt ijiem iqum mill-mewt”. Iżda huma ma fehmuhx dan il-kliem, u beżgħu jistaqsuh.

Waslu Kafarnahum; u meta kienu d-dar staqsiehom: “X’kontu qegħdin titħaddtu bejnietkom fit-triq?” Iżda huma baqgħu siekta, għax fit-triq kienu qagħdu jitħaddtu bejniethom fuq min kien l-akbar.

Imbagħad qagħad bilqiegħda, sejjaħ it-Tnax, u qalilhom: “Jekk xi ħadd irid ikun l-ewwel wieħed, għandu joqgħod wara kulħadd u jkun qaddej ta’ kulħadd”.

U ressaq lejh tfajjel ċkejken, qiegħdu f’nofshom, ħaddnu bejn dirgħajh u qalilhom: “Kull min jilqa’ wieħed minn dawn iċ-ċkejknin minħabba f’ismi, ikun jilqa’ lili; u min jilqa’ lili, ikun jilqa’ mhux lili, imma lil dak li bagħatni”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu