Omelija ta’ Ġwanni Pawlu II f’Yamoussoukro

Print Friendly, PDF & Email

PELLEGRINAĠĠ APOSTOLIKU FL-AFRIKA

Yamoussoukro (Costa d’Avorio), 11 ta’ Mejju 1980

Għeżież studenti u studentessi,

Għeżież saċerdoti żgħażagħ li qegħdin tiċċelebraw miegħi illejla, u li qegħdin tagħtuni gost kbir, il-gost li naf li l-futur tal-Knisja fil-Costa D’Avorio huwa garantit minn uliedha.

1. Kif naqbad niżżikom ħajr li ġejtu hekk numerużi, hekk ferrieħa u hekk fiduċjużi madwar il-missier u l-kap tal-Knisja kattolika? Jiena nawgura u nitlob lil Alla li din il-laqgħa tkun waqt ta’ komunjoni profonda ta’ qlubna u tal-ispirti tagħna, waqt indimentikabbli għalija u determinanti għalikom.

Il-problemi u l-aspirazzjonijiet tagħkom ta’studenti Avorjani waslu għall-għerfien tiegħi. Jiena fl-istess ħin kuntent u kommoss. Huwa mela sewwa li  intom tpoġġu rwieħkom fi stat reċettiv. Dawn it-tliet siltiet jikkostitwixxu kwadru ideali għall-meditazzjoni mpenjattiva li aħna se nagħmlu minn hawn u ftit ieħor. Il-Knisja li minnha tagħmlu sehem permezz tal-magħmudija u tal-griżma tal-Isqof – se jkollha mill-banda l-oħra l-ferħ li tagħti din sal-aħħar lil diversi minnkom – hija Knisja miftuħa, sa mill-fundazzjoni tagħha, għall-bnedmin kollha u għall-kulturi kollha; Knisja ċerta li tagħraf terminu glorjuż permezz tal-umiljazzjonijiet u l-persekuzzjonijiet li kienu mposti fuqha tul il-kors tal-istorja; Knisja misterjożament animata mill-ispirtu tal-Pentekoste u mixtieqa li tirrivela lill-bnedmin id-dinjità inaljenabbli tagħhom u l-vokazzjoni tagħhom ta’ “familjari ta’ Alla”, ta’ krejaturi  inabitati minn Alla, Missier, Iben u Spirtu, Hija  tonifikanti li tirrespira din l-armosfera ta’ Knisja dejjem żagħżugħa u qalbenija!

L-Isqfijiet tagħkom mela riċentement indirizzaw ittra, lilkom, imma wkoll lill-ġenituri tagħkom u lil dawk responsabbli tagħkom, li riedet tfittex biex issib il-perikoli li qegħdin jheddu liż-żgħażagħ u jipprovokaw f’din il-klassi bħal ma fost l-adulti qawmien spiritwali ġeneruż. Ħafna minnkom huma konxji tad-diffikultajiet u tal-miżerji li qegħdin jilħqu l-ambjenti taż-żgħażagħ. Mingħajr ma niġġeneralizzaew, dawn ‘għandhomx biżà li jsejħu l-affarijiet b’isimhom u biex jinterrogaw lil dawk l-iktar anzjani billi jirreferuhom għall-kliem tal-profeta Eżekjiel: “Il-missirijiet kielu għeneb nej u is-snien tal-ulied huma mwaħħlin” ( 18,2).

2. Illum, min-naħa tiegħi, irrid nikkonvinċikom dwar verità ta’ sens tajjeb imma fundamentali li jgħodd għal kull bniedem u għal kull soċjetà li jbatu fiżikamrnt jew moralment: u jiġifieri li l-marid ma jistax ifieq jekk ma jiħux ir-rimedji li huma meħtieġa huwa nnifsu. U meta l-Appostlu San Ġakbu ried li jfihem lill-ewwel insara (cf. Ġk 1,23-26). Għal xiex jiswa li tagħraf il-ħażin fil-mera tal-kuxjenza ndividwali u kollettiva, jekk minnufih dan tinsieh jew tirrifjuta li tikkurah?

Kull wieħed fis-soċjetà jġorr xi responsabiltajiet fil-konfron ta’ din is-sitwazzjoni u kull wieħed huwa mela msejjaħ għal konverżjoni personali li hija bażikament forma ta’ parteċipazzjoni fl-evanġelizzazzjoni tad-dinja (cf. Pawlu VI, Evangelii Nuntiandi, 21.41). Imma lilkom nistaqsikom: Mhuwiex veru li jekk iż-żgħażagħ kollha jippermettu li jbiddlu ħajjithom, tinbidel is-soċjetà kollha? Id-dinamiżmu tagħkom, l-immaġinazzjoni tagħkom, il-fidi tagħkom huma kapaċi li jittrasportaw il-muntanji!

Ejjew inħarsu flimkien, bil-kalma u b’realiżmu, lejn it-toroq li jmexxukom lejn is-soċjetajiet li toħolmu. Soċjetà mibnija fuq il-verità, il-ġistizzja, il-fraternità, il-paċi: soċjetà denja tal-bniedem u konformi mal-proġett ta’ Alla. Dawn it-toroq huma inevitabilment dawk tat-tħejjija tħeġġeġ tagħkom għar-responsabiltajiet tagħkom ta’ għada u dawk ta’ qawmien spiritwali veru mill-ġdid.

Żgħażagħ Ivorjani, erġgħu flimkien sibu l-kuraġġ tal-għixien! Il-bnedmin li javanzaw l-istorja, fil-livelli l-iktar umli jew l-iktar elevate, huma propju dawk li jibqgħu konvinti mill-vokazzjoni tal-bniedem; vokazzjoni ta’ fittiexa, ta’ lottaturi u ta’ kostrutturi. X’inhuwa l-kunċett tagħkom tal-bniedem? Din hija kwistjoni fundamentali, għaliex it-tweġiba se tkun deċiżiva għall-ġejjieni tagħkom u dak ta’ pajjiżkom, għaliex intom għandkom id-dmir li twettqu ħajjitkom.

3. Intom għandkom, infatti, xi obligi quddiem il-komunità nazzjonali. Il-ġenerazzjonijiet l-imgħoddija iġorrukom b’mod inviżibbli. Huma huma li ppermettewlkom li tidħlu għall-istudji u għal kultura ddestinata li tagħmel minnkom il-kwadri diriġenti ta’ nazzjon żagħżugħ. Il-poplu jorbot fuqkom.

Aħfrulhom li jqisukom bħala pprivileġġjati. Intom realment hekk, talinqas fuq il-pjan tad-distribuzzjoni tal-ġid kulturali. Kemm żgħażagħ tal-età tagħkom – f’pajjiżkom u fid-dinja – jinsabu fuq ix-xogħol u diġa qegħdin jikkontribwixxu, bħala ħaddiema jew bdiewa, għall-produzzjoni u għas-suċċess ekonomiku ta’ pajjiżhom! Oħrajn, sfortunatament, jinsabu bla xogħol, bla sengħa, u kultant bla tama. Oħrajn ukoll m’għandhomx u linqas se jkollhom l-fortuna li jiksbu aċċess fi skolarizzazzjoni ta’ kwalità. Intom għandkom lejn kulħadd dmir ta’ solidarjetà. U huma għandhom lejkom dritt li jkunu esiġenti. Għeżież żgħażagħ tridu tkunu l-ħassieba, it-tekniċi, ir-responsabbli li pajjiżkom u l-Afrika għandhom bżonn? Aħarbu bħall-pesta l-laxkezza u s-soluzzjonijiet faċli. Kunu ħanina mal-oħrajn u severi magħkom infuskom! Kunu rġiel!

4. Ħalluni għal darb’oħra nenfasizza aspett tassew important tat-tħejjija umana, intellettwali, teknika tagħkom għad-dmirijiet futuri tagħkom. Dan ukoll jagħmel part mid-dmirijiet tagħkom. Għassu sewwa l-għeruq Afrikani tagħkom. Ipproteġu l-valuri tal-kultura tagħkom. Dawn intom tafuhom u intom imkabbrin bihom: ir-rispett tal-ħajja, is-solidarjetà familjari u s-sosten tal-ġenituri, ir-rispett fil-konfront tal-anzjani, is-sens tal-ospitalità, il-konservazzjoni għaqlija tat-tradizzjonijiet, il-gost tal-festa u tas-simbolu, l-attakkament għad-djalogu u għall-konversazzjoni biex tirregolaw id-differenzi. Dan kollu jikkostitwixxi tassew teżor li minnu tistgħu u għandkom tisiltu mill-ġdid għall-bini ta’ pajjiżkom, fuq mudell oriġinali u tipikament Afrikan, magħmul minn armonija bejn il-valuri tal-imgħoddi kulturali tiegħu u d-dati l-iktar aċċettabbli taċ-ċiviltà moderna. Dwar dan il-pjan preċiż, kunu tassew għassa quddiem il-mudelli tas-soċjetà li huma msejsa fuq ir-riċerka egoistika tal-kumdità individwali u fuq l-alla-flus jew, fuq il-ġlieda tal-klassi u l-vjolenza tal-mezzi. Kull materjaliżmu huwa sors ta’ degradazzjoni għall-bniedem u ta’ serviliżmu tal-ħajja fis-soċjetà.

5. Ejjew inmorru iktar ‘il bogħod fil-viżjoni ċara tat-triq li għandna nsegwu jew li rridu nerġgħu naqbdu. Xinhu Alla tagħkom? Mingħajr ma ninjoraw xejn mid-diffikultajiet li l-bidla soċjo-kulturali tal-epoka tagħna jikkawżaw lil dawk kollha li jemmnu, imma wkoll billi naħsbu għal dawk kollha li jissieltu biex jikkonservaw il-fidi, jien nissogra ngħid fil-qosor u b’insistenza: għollu raskom! Ħarsu b’għajnejn ġodda lejn Ġesù Kristu! Jiena nippermetti lili nnifsi li nistaqsikom amikevolment: kellkom konoxxenza tal-ittra li jien ktibt is-sena l-oħra lill-insara kollha dwar Kristu redentur? Fit-tradizzjoni tal-Papiet li ġew qabli, b’mod speċjali Pawlu VI, jiena kont sfurzat li nevita t-tentazzjoni u l-iżball tal-bniedem kontemporanju u tas-soċjetajiet moderni li niddegrada lil Alla u li intemm l-espressjoni tas-sentiment reliġjuż. Il-mewt ta’ Alla fil-qalb u fil-ħajja tal-bnedmin hija l-mewt tal-bniedem. Jiena kont ktibt f’dik l-ittra: “Il-bniedem li jrid jifhem lilu nnifsu sal-qiegħ – mhux biss skont kriterji mmedjati, parzjali, spiss superfiċjali, u saħansitra apparenti u jkejjel il-propju esseri – għandu, bl-ansjetà u l-inċertezza tiegħu u wkoll bid-dgħufija  u l-pekkaminożità tiegħu, bil-ħajja u l-mewt tiegħu, jersaq qrib Kristu. Huwa għandu, biex ngħidu hekk, jidħol fih bih innifsu kollu kemm hu, għandu “jikkapparra” u jassimila r-realtà kollha tal-inkarnazzjoni u tar-redenzjoni sabiex mill-ġdid isib lilu nnifsu.  Jekk fih huwa jattwa dan il-proċess profond, allura huwa jipproduċi frott mhux biss ta’ adorazzjoni ta’ Alla, imma wkoll ta’ għaġeb profond tiegħu mnifsu. Liema valur għandu jkollu l-bniedem quddiem l-għajnejn tal-Ħallieq jekk “immerita li jkollu Redentur hekk nobbli u kbir”, jekk  “Alla ta lil Ibnu” sabiex hu, il-bniedem, “ma jmutx imma jkollu l-ħajja ta’ dejjem”” (Ġwanni Pawlu II, Redemptor Hominis, 10)! Iva, għeżież żgħażagħ, Ġesù Kristu mhuwiex predatur tal-bniedem, imma salvatur. U huwa jrid jeħliskom, biex jagħmel, minnkom ilkoll u minn kull wieħed u waħda, salvaturi tad-dinja studenteska tallum bħal fil-professjonijiet u r-responsabiltajiet important li intom għad tassumu għada.

6. Allura, ieqfu aħsbu fis-skiet jew li tgħidu b’leħen għoli li l-fidi nisranija hija tajba biss għat-tfal u għan-nies sempliċi. Jekk hija għadha tidher hekk dan huwa għaliex xi adoloxxenti u xi adulti ttraskuraw b’mod gravi li jkabbru l-fidi tagħhom bir-rittmu tal-iżvilupp uman tagħhom. Il-fidi mhijiex libsa grazzjuża għaż-żmien tal-infanzja. Il-fidi hija don ta’ Alla, kurrent ta’ dawl u ta’ qawwa li jiġi minnu u għandu jdawwal u jiddinamizza s-setturi kollha tal-ħajja, naqra naqra hekk kif hija tgħaddas għeruqha fir-responsabiltajiet. Iddeċiedu, agħmlu li ħbiebkom u sħabkom studenti jiddeċiedu li jassumu l-mezzi ta’ formazzjoni reliġjuża personali, denja ta’ dan l-isem. Ipprofittaw ruħkom mill-assistenti spiritwali u mill-animaturi li huma mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħkom.

Tħarrġu magħhom biex tagħmlu s-sintesi bejn l-għarfien uman tagħkom u l -fidi tagħkom, bejn il-kultura Afrikana tagħkom u l-modernità, bejn l-irwol tagħkom ta’ ċittadini u l-vokazzjoni nisranija tagħkom.

Iċċelebraw il-fidi tagħkom u tgħallmu itolbu flimkien. Hekk intom terġgħu ssibu s-sens tal-Knisja li hija komunjoni waħda fl-istess Mulej bejn dawk kollha li jemmnu li jmorru warajh f’nofs ħuthom irġiel u nisa biex iħobbuhom u jaqduhom bil-mod ta’ Kristu. Intom tinħtieġu bżonn vitali ta’ inseriment fil-komunitajiet insara, fraterni u dinamiċi. Iffrekwentawhom b’mod regolari. Animawhom bin-nifs ta’ żgħożitkom. Ibnuhom jekk ma jeżistux. Huwa b’dan il-mod li taqà t-tentazzjoni tagħkom li tmorru tfittxu band’oħra – fi gruppi eżoteriċi – dak li l-kristjaneżmu jipprovdilkom bil-milja kollha.

7. Loġikament, l-approfondiment personali u komunitarju li dwaru kellimniekom għandu jwassalkom għal xi impenji apostoliċi konkreti tar-rappreżentant tiegħu fuq din l-art. Huwa jsejħilkom eżattament kif sejjah lil Pietru u lil Indri, lil Ġakbu u lil Ġwanni u lill-Appostli l-oħra. Qiegħed isejħilkom biex jibni l-Knisja tiegħu, biex jibni soċjetà ġdida. Ejjew bi ħġarkom!

Sibu post fil-komunità nisranija tagħkom! Offru regalment ħinkom u t-talenti tagħkom, qalbkom u l-fidi tagħkom biex tanimaw iċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi, biex tieħdu sehem fix-xogħol kateketiku mmens fost it-tfal, l-adoloxxenti kif ukoll l-adulti, biex tinserixxu ruħkom fis-servizzi numerużi b’risq l-ifqar, l-analfabeti, l-handikappati, l-iżolati, ir-rifuġjati u l-immigranti, biex tanimaw il-movimenti tagħkom ta’ studenti, biex toperaw fil-korpi tad-difiża u tal-promozzjoni tal-persuna umana.  Fis-sewwa l-kostruzzjoni hija mmensa u entużjażmanti għal xi żgħażagħ li jħossuhom imfawra bil-ħajja.

Il-waqt jidhirli għal kollox indikat biex nindirizza ruħi liż-żgħażagħ li lesti biex jirċievu l-Griżma tal-Isqof, preċiżament biex jidħlu fi stadju ġdid ta’ ħajjithom battiżimali: l-istadju tas-servizz attiv fil-qasam immens tal-evanġelizzazzjoni tad-dinja.

L-impożizzjoni tal-idejn u d-dlik biż-żejt sagru jfissru realment u effikaċement il-miġja sħiħa tal-Ispirtu Santu fl-iktar profond tal-persuna tagħkom, fl-intersezzjoni b’xi mod tal-fakultajiet umani tagħkom ta’ intelliġenza fit-tiftix tal-verità u tal-libertà, fit-tiftix tal-ideali. Il-Griżma tagħkom tallum hija l-Pentekoste tagħkom għall-ħajja! Agħrfu s-serjetà u l-kobor ta’ dan is-sagrament. X’se jkun minn issa ‘l hemm l-istil tagħkom tal-ħajja? Dak tal-Appostli kif ħarġu miċ-ċenaklu! Dik tal-insara ta’ kull epoka, enerġikament fidili għat-talb, għall-approfondiment u għax-xhieda tal-fidi, għall-qsim tal-ħobż ewkaristiku, għas-servizz tal-proxxmu u fuq kollox tal-foqra (cf. At 2,42-47). Żgħażagħ ikkreżimati tallum jew tal-bieraħ, avanzaw ilkoll fit-toroq tal-ħajja bħala xħieda żelanti tal-Pentekoste, sorsi ineżawribbli ta’ żgħożija u ta’ dinamiżmu għall-Knisja u għad dinja.

Stennew li kultant tiltaqgħu mal-oppożizzjoni, id-disprezz, il-mogħdija biż-żmien. Id-dixxipli veri mhumiex iktar minn sidhom. Is-slaleb tagħhom huma bħall-passjoni u s-salib ta’ Kristu: sorsi misterjużi ta’ fertilità. Dan il-paradoss tat-tbatija offruta u fertili huwa vverifikat minn għoxrin seklu tul l-istorja tal-Knisja.

Ħallu fl-aħħarnett li nassikurakom li tali mpenji apostoliċi iħejjukom mhux biss biex iġġorru r-responsabiltajiet futuri tqal tagħkom, imma iktar biex twaqqfu numru ta’ fokolari solidi, li mingħajrhom nazzjon ma jistax jibqà wieqaf fuq saqajh fit-tul, u dak li l-iktar jgħodd, numru ta’ fokolari nsara li huma  ugwalment ċelluli tal-bażi tal-komunità ekkleżjali. Dawn huma xi mpenji li se jiggwidaw lil xi wħud minnkom lejn id-don totali lil Kristu, fis-saċerdozju jew fil-ħajja reliġjuża. Id-dijoċesijiet tal-Costa D’Avorio, bħad-dijoċesijet kollha tal-Afrika, għandhom id-dritt li jorbtu fuq it-tweġiba ġeneruża tagħkom għas-sejħa li l-Mulej bla dubju se jagħmel lil diversi fostkom: “Ejjew u imxu warajja”.

Nar tat-tiben din iċ-ċelebrazzjoni? Nar tat-tiben din il-meditazzjoni? Is-siltiet liturġiċi ta’ dan is-sebà Ħadd tal-Għid jiddikjarawlna l-kuntrarju. Il-Vanġelu ta’ Ġwanni jiċċertifikalna li l-Ispirtu Santu jgħammar fil-qlub maħbuba u fidila tad-dixxipli ta’ Kristu. l-irwol tiegħu huwa li jerġà jħeġġeġ il-memorja ta’ dawk li jemmnu, li jilluminahom fil-profondità, li jgħinhom biex iwieġbu għall-problemi ta’ żminijiethom, fil-paċi u fit-tama ta’ din id-dinja ġdida mqanqla fil-qari tal-Apokalissi.

Jalla dan l-istess Spiirtu Santu jgħaqqadna kollha u jikkonsagrana lkoll fis-servizz ta’ Alla Missierna u tal-bnedmin ħutna, bi Kristu, fi Kristu u ma’ Kristu! Amen!

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading