Ġwanni Pawlu II fil-parroċċa ta’ Kristu Sultan, Ruma


VISITA PASTORALI LILL-PARROĊĊA TAL-QALB IMQADDSA TA’ KRISTU SULTAN

OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II

Il-Ħadd, 18 ta’ Mejju 1980

1. Iż-żjara tallum tal-Isqof ta’ Ruma lill-parroċċa ta’ Kristu Sultan għandha karattru speċjali. Din iż-żjara, hekk bħall-oħrajn kollha magħmula lill-parroċċi u fl-istess ħin, isservi għall-dmirijiet fundamentali u għanijiet pastorali. Ma nistax bdanakollu ngħaddi taħt is-skiet ċirkustanza speċjali: illum jaħbat is-60 anniversarju tat-tqegħid tal-ewwel ġebla ta’ dan it-tempju. F’dak il-jum imbiegħed tat-18 ta’ Mejju 1920 kien ukoll preżenti, għal dik il-ġrajja sinifikanti, il-qaddej ta’ Alla patri Leone Dehon, fundatur  tal-kongregazzjoni tas-saċerdoti tal-Qalb Imqaddsa, li, f’dawn is-sittin sena wettqu b’ħafna mpenn u ħafna frott l-apostolat tagħhom f’din il-parroċċa  li l-knisja tagħha ta’ linji moderni hija ddedikata lill-“Qalb Imqaddsa ta’ Kristu Sultan Paċifiku”.

Ma nistax, f’din il-laqgħa tiegħi, ma nesprimix il-pjaċir tiegħi u t-tislima tiegħi lill-kappillan, patri Mario Barziza, u lis-saċerdoti reliġjużi kollaboraturi tiegħu, magħqudin flimkien fraternament fl-istess vokazzjoni u fl-istess ideal ta’ donazzjoni għall-erwieħ ta’ din il-komunità parrokkjali, tbaqbaq bil-ħajja u bl-inizjattivi, mad-disat elef fidil u t-tlett elef nukleji familjari.

Tislima kordjali lir-reliġjużi nisa, li jiżvolġu l-apostolat prezzjuż tagħhom fil-qasam tal-parroċċa: is-sorijiet karmelitani tal-Karità; is-sorijiet tad-Demm Prezzjożissmu ta’ Monza, is-sorijiet kanossjani ta’ Santu Spirtu f’Sassia; is-sorijiet tal-Passjoni ta’ Sidna.

Tislima mill-qalb lill-missirijiet u lill-ommijiet, li jien tant nammira u ninkuraġġixxi għall-missjoni kontinwa u delikata, li jridu jiżvolġu fil-familji tagħhom. Tislima lil-lajċi kollha impenjati fl-apostolat, jiġifieri membri tal-Azzjoni Kattolika, lill-kollaboratriċi familjari, lill-Pia Unione Portieri, lill-grupp tal-volontarjat vinċenzjan, lir-Rinascita Cristiana, lill-grupp tat-ralb ta’ Patri Piju, lill-grupp “Famiglie Nuove”, lill-“ommijiet ksatekisti”.

Liż-żgħażagħ, lit-tfal u lit-trabi tal-parroċċa tifkira speċjali u tifħira għad-diversi inizjattivi spiritwali, li huma jafu janimaw bl-entużjażmu tagħhom u bil-ġenerożità tagħhom.

Lil kulħadd, speċjalment lil dawk li jbatu fl-ispirtu u fil-ġisem, it-tislima sinċiera tiegħi.

Niġi llum fil-komunità tagħkom biex niżżi ħajr lil Alla – wara sittin sena tal-eżistenza tagħha u tal-attività qawwija tagħha – li huwa l-oriġni ta’ kull ħaġa; biex niżżih ħajr flimkien magħkom, għeżież ħuti, li tikkostitwixxu din il-parroċċa: din il-komunità tal-Knisja Rumana. Magħkom li intom l-ewwel u t-tieni ġenerazzjoni, u diġa t-tielet tal-parroċċani ta’ Kristu Sultan.

It-twelid ta’ parroċċa, bħala komunità organizzata b’mod ġerarkiku tal-Poplu ta’ Alla, fuq il-mudell tal-komunitajiet primittivi li l-Appostli kienu jiffurmaw, u jżuru, taħbi dejjem fiha l-misteru kbir tat-twelid għal Alla ta’ kull wieħed u waħda minna, li – imwielda, mill-ġenituri terreni tagħna, għall-ħajja umana – nitwieldu fl-istess ħin, fil-Knisja permezz tal-grazzja, nitwieldu fis-sagrament tal-magħmudija, għall-ħajja divina bħala wlied addottivi ta’ Alla.

U l-jum tallum ifakkarni wkoll fis-siegħa li fiha jien twelidt, li seħħet sittin sena ilu, fl-art Pollakka, fl-istess jum, it-18 ta’ Mejju li fih tqegħdet l-ewwel ġebla ta’ din il-knisja, f’liema siegħa ninsabu miġburin biex niċċelebraw flimkien is-sollennità tal-Axxensjoni tas-Sinjur Tagħna Ġesù Kristu. F’dan il-jum niftakar bi gratitudni partikolari lill-ġenituri tiegħi: ommi u missieri; imma niftakar ukoll il-parroċċa tiegħi (f’Wadoviċe) bħala l-Knisja-omm li, ftit wara laqgħetni bħala tarbija, imwielda mill-ġenituri terreni, għall-grazzja tal-magħmudija u għall-komunità tal-Poplu ta’ Alla.

Nifraħ, għeżież ħuti, għaliex, waqt li nwettaq illum is-servizz tiegħi ta’ Isqof, nistà ngħix flimkien magħkom, fl-ispirtu tal-fidi, tat-tama u tal-karità, l-elokwenza profonda u l-misteru ta’ dan il-jum, li fih il-Knisja tfakkar, flimkien mal-axxensjoni, il-glorifikazzjoni ta’ Ġesù, bilqiegħda fuq il-lemin tal-Missier.

Ġesù, waqt li miet għal dnubietna, irxoxta b’għaġeb divin u singulari: l-umanità tiegħu ġiet mibdula. Bil-qawmien mill-imwiet huwa ttrijonfa għal kollox fuq il-kurruzzjoni, fuq il-mortalità, fuq dak il-ħażin kollu li jistà jimpedixxi l-feliċità awtentika tal-bniedem. Bl-axxensjoni, in-natura umana ta’ Kristu ittellgħet għall-quċċata tal-glorifikazzjoni: “in-natura umana tagħna – jgħid San Iljun il-Kbir – kienet eżaltata sal-erezzjoni fil-Kristu fuq l-istess tron ta’ Alla Missier, ‘il fuq minn kull eżerċtu ċelesti, fuq l-iskjeramenti anġeliċi, ‘il hemm mil-limiti tal-għoli ta’ kwalunkwè awtorità” (S. Iljun il-Kbir, De Ascensione Domini, Sermo 74, II, 1: PL 54,397).

Dan il-misteru kbir tal-fidi iqanqal fina lkoll tama straordinarja: ukoll aħna nsegwu lil Kristu fil-glorifikazzjoni definittiva, ningħaqdu mill-ġdid miegħu, għal kemm hi twila l-eternità: “Veri kienu l-għadam ta’ Kristu, veri n-nervituri, veri l-marki tal-feriti… Kollox veru. Imma wkoll huwa veru li ġismu fiżiku mar qabilna fis-sema. Mar qabilna l-kap. Aħna nsegwu l-membri ta’ ġismu” (S. Wistin, De Ascensione, Sermo 464, IV, 6: PL 38,1218). Din it-tama nisranija tagħti sinifikat lil ħajjitna terrena kollha.

2. F’dan l-aġir divin niltaqgħu, b’mod meraviljuż, mat-tmiem u l-bidu. Ta’ dan aħna xhud, fost l-oħrajn, fil-qari tal-liturġija mqaddsa, marbut darba waħda mal-Ħadd ta’ wara l-Axxensjoni tal-Mulej.

Fi tmiem l-Apokalissi, l-aħħar ktieb tat-Testment il-Ġdid, il-ktieb li jispjega it-tmiem tat-temporanjetà, nisimgħu tali aħbar bil-quddiem: “Ara jien ġej dalwaqt u miegħi nġib il-ħlas ħalli nrodd lil kull weieħed skont ma ħaqqu għal għemilu. Jiena l-Alfa u l-Omega, l-Ewwel u l-Aħħar, il-Bidu u t-Tmiem” (Ap 22,12-13).

U bħal eku ta’ din l-aħbar bil-quddiem jidwu, fid-dimensjoni apostolika, l-ilħna mimlija b’talba żelanti. L-Ispirtu u l-għarusa jgħidu: “Ejja!” u min ikun jismà jtenni “Ejja!”. Min għandu l-għatx jiġi: min irid jikseb gratwitament l-ilma tal-ħajja” (Ap 22,17).

Jinstemà mill-ġdid il-leħen tal-messaġġier, il-leħen ta’ Kristu: “Min qiegħed jagħti xhieda ta’ dawn il-ħwejjeġ igħid: Iva dalwaqt niġi” (Ap 22,20). U mbagħad l-aħħar invokazzjoni tal-Appostlu u, flimkien, tal-Knisja kollha, tal-ħolqien “Amen, ejja Mulej Ġesù (Maranatha)”.

Hekk, mela, it-tmiem isir il-bidu. Il-bidu l-ġdid. Il-bidu definittiv ta’ kull ħaġa f’Alla.

Alla nnifsu la jaf il-bidu u linqas it-tmiem. Huwa hu ‘l barra mill-bidu u ‘l barra mit-tmiem.

U, fl-istess ħin, huwa l-bidu u t-tmiem tal-ħolqien kollu. Waqt li hu l-bidu l-iktar perfett għall-bniedem, maħluq xbiha u xebħ tiegħu. Hu, għal dan il-bniedem li fih, f’Alla, jsib it-tmiem tiegħu, isir, bl-opra ta’ Ġesù Kristu, il-bidu definittiv il-ġdid.

Din hija l-verità li aħna lkoll – komunità u persuni – għandna nimmeditaw b’mod partikolari, meta naħsbu dwar il-bidu tagħna: fil-jum ta’ twelidna, f’dak il-bidu tat-twelid, f’dak il-bidu li għalih jikkorrispondi t-tmiem, it-tmiem fiż-żmien. Il-bniedem u l-Knisja jsibu dan it-tmiem f’Alla u hu jsir il-bidu definittiv il-ġdid, bl-opra ta’ Ġesù Kristu.

3.Ġesù Kristu huwa konxju li qiegħed joqrob it-tmiem tal-missjoni tiegħu fuq din l-art: li qiegħed joqrob il-waqt li jħalli din id-dinja. Dwar dan dejjem jitkellem ċar ma’ dawk l-eqreb tiegħu, mal-Appostli miġburin fiċ-ċenaklu: “Huwa tajjeb għalikom li jiena nmur…” (Ġw 16,7). U fl-istess waqt jgħid: “Ma nħallikomx iltiema, nerġà lura għandkom” (Ġw 14,18) “u qalbkom tifraħ” (Ġw 16,22).

Mela jgħid: jien se nmur… u jgħid niġi għandkom.

Dan il-mawrien li qiegħed joqrob – dan it-tmiem li jrid jasal: il-mawrien permezz tal-passjoni, is-salib u l-mewt – huwa l-bidu tal-miġja l-ġdida. Din timmanifesta ruħha fit-tielet jum permezz tal-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu, fil-qawwa tal-Ispirtu Santu, u tibqà għal dejjem f’dawk kollha li, waqt li jaċċettaw il-misteru tal-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu, jissottomettu qlubhom għall-qawwa ta’ dan l-Ispirtu, li l-inżul tiegħu jattwa ruħu b’mod kostanti.

Din il-verità hija mportanti u fundamentali kemm għal kull wieħed u waħda minna – bnedmin mgħammdin – kif ukoll għal kull komunità tal-Poplu ta’ Alla fil-Knisja. Hija mportanti wkoll għall-parroċċa tagħkom u għall-Isqof tagħkom, li llum, flimkien mal-parroċċa tagħkom, imur lura bit-tifkira u l-qalb għall-bidu, għall-jum ta’ twelidu. Din hija l-verità mportanti u fundamentali għaliex fiha jieħu forma l-profil sħiħ tal-ħajja, li aħna għandna f’Ġesù Kristu. Aħna ngħixu fil-profil tal-mawrien tiegħu u, flimkien, tal-miġja tiegħu. Ngħixu fil-qawwa tal-Idspirtu Santu, li iva tagħmel li l-ħajja umana tagħna jkollha l-bidu l-ġdid tagħha fil-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu, u t-tmiem tagħha f’Alla nnifsu, li ma jagħraf ebda limiti.

U għalhekk Stiefnu, id-djaknu ta’ Ġerusalem, l-ewwel martri, li, mħaġġar mill-konnazzjonali tiegħu,  waqt li kien qiegħed imut bi kliem ta’ maħfra, fl-aħħar kelma għolla din it-talba penetranti: “Mulej Ġesù, ilqà l-ispirtu tiegħi  ” (At 7,59).

Waqt li laqà din it-talba tal-martri tiegħu – imma wkoll ta’ kull bniedem. Ta’ kull wieħed u waħda minna – Kristu jwettaq kontinwament il-“maranatha” tiegħu. F’din il-prospettiva tgħix dejjem il-Knisja. F’din il-prospettiva kull wieħed u waħda minna ngħixu u nmutu fuq din l-art.

4. U għalhekk l-aħħar talba ta’ Ġesù Kristu fi tmiemu li kien qiegħed joqrob hawn fuq din l-art – passjoni, salib, mewt – hija t-talba għall-inżul kontinwu tal-Ispirtu Santu għall-Pentekoste: Nitlob “sabiex ilkoll ikunu ħaġa waħda. Bħal ma int, Missier, inti fija u jiena fik, ikunu huma wkoll fina ħaġa waħda” ( Ġw 17,21).

It-talba saċerdotali ta’ Kristu, fil-jum ta’ qabel it-tluq tiegħu mid-dinja, hija orjentata għal kollox lejn l-inżul tal-Ispirtu Santu, il-Pentekoste (huwa meħtieġ li l-Knisja kollha taċċetta li ttenni din it-talba speċjalment fil-perijodu attwali): Kristu kontinwament jiġi għasndna fih – u huwa magħna fih. U wkoll aħna magħqudin fih u għalih ma’ Kristu nikkostitwixxu l-unità: l-unità tal-fidi, hawn fuq din l-art, u l-unità tal-glorja, fil-ħajja futura, li tieħu l-bidu tagħha mill-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu.

Il-fidi hija l-bidu tal-glorja.

L-unità – għaqda tad-dixxipli – hija x-xhieda tal-qawwa tal-Ispirtu, ix-xhieda tal-missjoni ta’ Kristu.

Il-Knisja fiduċjuża fil-qawwa tal-Ispirtu Santu, li kontinwament tirċievi mingħand Kristu, ma tieqaf qatt titlob għall-għaqda tal-konfessuri tagħha, ma tieqaf qatt taspira għaliha, ma tiqafx ukoll li jkollha fiduċja fl-għaqda tal-bnedmin kollha bl-opra tas-salib u l-qawmien mill-imwiet tiegħu.

Ma tiqafx ukoll il-Knisja li jkollha fiduċja fis-salvazzjoni ta’ kull bniedem, ma tiqafx milli tmexxina lejn il-glorja futura tal-bniedem fi Kristu, ma tiqafx topera u tbati għal din il-glorja: “Missier, irrid li dawk ukoll li inti tajtni, ikunu miegħi fejn inkun jien, sabiex jikkontemplaw il-glorja tiegħi, dik li tajtni int; għaliex inti ħabbejtni sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja. Missier ġust, id-dinja ma għarfitekx, imma jien għaraftek; dawn jafu li inti bgħattni. U jiena għamilt li huma jagħrfu lil ismek u se ngħarrafulhom ukoll, sabiex l-imħabba li biha int ħabbejtni tkun fihom u jien inkun fihom” (Ġw17,24-26).

Għeżież ħuti!

L-omm ta’ Kristu rxuxtat u l-għarusa tal-Ispirtu Santu tikseb għal kull wieħed u waħda minna – u għall-komunità kollha tagħkom – li fina titwettaq it-talba saċerdotali ta’ Kristu. Jalla titwettaq fina dejjem il-qawwa tal-imħabba tal-Ispirtu Santu, li permezz tagħha aħna ningħaqdu ma’ Alla, u bejnietna b’mod reċiproku nsiru aħwa. Jalla ħajjitna timmatura dejjem f’din l-aspirazzjoni, xewqa u nvokazzjoni: “Ejja, Mulej Ġesù” (Maranatha). Jalla dak kollu fina jservi għal din il-ħaġa biss.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb