Omelija ta’ Ġwanni Pawlu II f’Abidjan

Print Friendly, PDF & Email

PELLEGRINAĠĠ APOSTOLIKU FL-AFRIKA.

Abidjan (Costa d’Avorio), 10 ta’ Mejju 1980

Għeżież ħuti,

Niżżu ħajr lil Alla li sejħilna biex niffurmaw Knisja waħda, f’Ibnu Ġesù Kristu!

1. Il-profeta Ezekjel kien ħabbar diġa dan il-kbir misteru, waqt li ħaseb għall-Iżraeliti ta’ żmienu, imferrxa man-nazzjonijiet. Imma “permezz tal-Knisja”, is-sejħa nfirxet lil ulied in-nazzjonijiet kollha, li kienu jissejħu pagani. U aħna ssugrajna bħal ma jgħid San Pawl, l-Appostlu tal-ġnus, “nersqu lejn Alla bil-kunfidenza kollha”, “għall-mixja tal-fidi fi Kristu”, il-fidi nfisha.

Iva, “l-Uniku Alla u Missier ta’ kulħadd” jgħaqqadna, minn kull fejn niġu, bil-għana kollha tal-istorja tagħna, fil-familja tal-Knisja. Huwa jferrex fuqna ilma pur – “magħmudija waħda” – u aħna allura “ippurifikati mit-tbajja kollha tagħna”. Huwa jagħtina “qalb ġdida”, qalb sensibbli għal imħabbtu, “qalb tal-laħam”. Huwa jqiegħed fina l-Ispirtu tiegħu, “Spirtu wieħed”. Huwa jippermettilna li “nimxu skont il-liġi tiegħu, u li nipprattikaw il-preċetti tiegħu” Huwa hu hekk li fl-univers kollu jibni l-istess ġisem ta’ Kristu, b’membri differenti, li rċivew kull wieħed il-kwalitajiet tagħhom, il-parti tal-grazzja tagħhom, il-funzjoni fil-Knisja tagħhom.

Din l-unità profonda, permezz tal-varjetà multiforma tal-popli u tar-razez, tagħmel il-ferħ u l-qawwa tagħna. Din hija don ta’ Alla, imma aħna għandna  wkoll nagħmlu l-kontribut tagħna kuxjenti u ġeneruż, bl-iskop li nwettqu, b’maturità, il-milja ta’ Kristu.

Hekk jiena nistedinkom, għeżież ħuti rġiel u nisa, biex tkopru miegħi d-diversi ċrieki konċentriċi ta’ din l-unità: l-ewwel fil-livell ta’ Kristu, fil-livell tal-Knisja universali u tar-ragħaj tagħha, fil-livell tal-Knisja li tinsab fil-Kosta D’Avorio u tad-dijoċesi tagħkom, fil-livell ta’ kull waħda mill-komunitajiet parrokkjali tagħkom, bl-irradjazzjoni li ddawwarna.

2. Iva, l-għaqda tagħna mhijiex biss, linqas primarjament, għaqda esterna, bħal dik ta’ korp soċjali bl-istrutturi tal-organizzazzjoni tiegħu, Din hija misteru, bħal ma nfasizzaha l-Konċilju Vatikan II fil-bidu tal-kostituzzjoni “Lumen Gentium” (cf. Lumen Gentium, 4).

Aħna niffurmaw “Poplu li jikseb l-unità tiegħu mill-unità tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu Santu”.

L-Ispirtu Santu “jgħammar fil-Knisja u fil-qalb tal-fidili”, “huwa jintroduċi l-Knisja fil-verità totali” u “jassikuralha l-għaqda tal-komunjoni u tas-servizz”. “Huwa jipprovdilha u jiddiriġiha, grazzi għad-diversità tad-doni ġerarġiċi u karismatiċi”, permezz tal-virtù tal-Vanġelu. Huwa jirrinġjovanixxi l-Knisja u jġeddidha b’mod inċessanti, waqt li jwiegħdha fit-triq tal-għaqda perfetta mal-Għarus tagħha, Kristu (cf. Ivi). Hekk l-Ispirtu Santu jferrex fil-Knisja “l-għana bla qies ta’ Kristu”, u jindirizza l-aspirazzjoni tagħha lejn Kristu u lejn Missieru (cf. Ap 22,17).

Kristu rxoxt jgħix, b’mod effettiv, għal dejjem ta’ dejjem, maġemb Missieru li għamlu Mulej tal-univers u kap tal-Knisja li hija l-ġisem mistiku tiegħu (cf. Fil 2,11; Kol 1,18). Għall-Ispirtu Santu, huwa jikkomunika ħajtu għal dawk li jemmnu fih waqt li jerġgħu jitwieldu fl-ilma u fl-Ispirtu (cf. Ġw 3,5), li jingħaqdu miegħu bit-talb, bis-sagramenti, b’ħajja konformi ma’ mħabbtu. Huwa hu l-kap inviżibbli tal-Knisja, huwa hu li jsostniha (cf. Lumen Gentium, 8), huwa hu r-ragħaj it-tajjeb li jerġà jiġbor l-ulied imferrxin ta’ Alla u jagħmel minnhom saltna ta’ saċerdoti għal Missieru (Ap 1,6).

Dan intom tafuh sewwa, għeżież ħbieb, imma jien infakkru biex inħeġġiġkom ħalli dduru bla taqtgħu lejn Kristu, biex titolbuh ferm aħjar fil-komunità, fil-familja, u wkoll b’mod personali, biex terġgħu taqraw kelmtu. Knisja mhix ħajja, mhix magħquda, mhix qawwija jekk mhux meta l-membri tagħha jkollhom ħajja nterna, ħajja spiritwali, irrid ngħid ħajja magħquda mal-Ispirtu ta’ Alla, ħajja ta’ talb. Hija hawn il-qalb tal-Knisja. Hija hawn fejn tintrabat il-komunjoni l-iktar intima, li hija s-sors tal-oħrajn kollha. Ħajjitkom, l-għaqda tagħkom hija l-ewwelnett “moħbija ma’ Kristu f’Alla” (cf. Kol 3,3).

3. Imma din il-grazzja ta’ Kristu lilkom ġietkom u qiegħda tingħatalkom bla ma taqtà permezz tal-Knisja viżibbli, li hija l-“ġisem” ta’ Kristu, is-“sagrament” ta’ Kristu, is-sinjal li jirrendi viżibbli u jwettaq l-komunjoni. L-unità turi ruħha madwar dak li f’kull dijoċesi ġie maħtur ragħaj, l-Iaqof. U għat-totalità tal-Knisja, din turi ruħha madwar l-Isqof ta’ Ruma, il-Papa, li huwa “il-bidu perpetwu u viżibbli, is-sies tal-unità li torbot bejniethom kemm lill-Isqfijiet, kif ukoll il-multitudni tal-fidili” (Lumen Gentium, 23). U hekk hu li dan se jitwettaq illejla, taħt għajnejkom. Xi grazzja dik għalina lkoll!

Kull Isqof tal-Knisja kattolika huwa suċċessur tal-Appostli. Huwa hu marbut mal-Appostli permezz ta’ linja dritta ta’ ordinazzjonijiet. Jiena s-suċċessur tal-Appostlu Pietru fis-sedja ta’ Ruma. Issa intom smajtu fil-Vanġelu, il-meraviljuża stqarrija ta’ fidi ta’ Pietru: “Inti l-Kristu, l-Iben ta’ Alla l-ħaj”. U t-tweġiba ta’ Ġesù: “Fuq din il-blata, jiena nibni l-Knisja tiegħi… jiena se nagħtik l-imfietaħ tas-saltna tas-smewwiet” (Ġw 16,16-19). U iktar tard, Kristu żied: “Wettaq lil ħutek” (Lq 22,33); “Irgħa l-ħrief tiegħi… Irgħa n-nagħaġ tiegħi” (Ġw 21,15-17). Tali hija wkoll il-fidi tal-Papa, li jiena pprofessajt sollennement waqt li inawgurajt il-ministeru tiegħi f’Ruma; u tali hija wkoll il-missjoni li tagħha l-Mulej tani l-inkarigu, minkejja l-indinjità tiegħi: inwettaqkom fil-fidi u fl-għaqda.

Kull Knisja lokali, bħal dik li intom hawn tiffurmaw, għandha dejjem tibqà solidali mal-Knisja universali, u dan permezz tas-sinjal viżibbli tal-komunjoni mas-suċċessur ta’ Pietru. Għaliex mhemmx għajr Knisja waħda ta’ Ġesù Kristu, li hija bħal siġra kbira, li fuqha intom ġejtu trapjantati, bħall-insara ta’ Ruma, bħall-insara tal-Polonja. Il-fergħa ma tistax tibqà barra mis-siġra, linqas iż-żraġen barra mid-dielja. Intom tgħixu billi tipparteċipaw fil-kurrent vitali il-kbir li jgħajjex is-siġra kollha. Imma t-trapjant tagħkom jippermetti lill-Knisja li tagħraf fjoritura ġdida, tal-frott ġdid. U l-Papa jieħu pjaċir, Huwa jieħu pjaċir bir-Rebbiegħa tal-Knisja li hemm fil-Costa d’Avorio.

4. Jiena niġi issa għall-komunitajiet dijoċeżani tagħkom ta’ Abidjan jew tad-dijoċesijiet l-oħra. Hawn ukoll l-Isqfijiet tagħkom jagħrfu l-bżonn li jintensifikaw l-għaqda li tgħaqqadhom bejniethom, fil-livell per eżempju tal-kollaborazzjoni pastorali għall-pajjiż kollu. U f’kull dijoċesi, li dak li jkun jistà jsejħilha l-“Knisja partikolari”, għaqda kbira għandha tifforma ruħha madwar l-Isqof, li skont il-Vanġelu, huwa l-kap, jiġifieri ir-ragħaj u l-missier. Għaqda tal-fidi, bla dubju; għaqda tat-talb; għaqda ta’ sentimenti fraterni; għaqda tal-isforzi pastorali. U dan f’diversità kbira ta’ funzjonijiet indispensabbli u addizzjonali.

Intom fhimtu lil San Pawl jitkellem dwar “appostli”, dwar “profeti”, dwar “missjunarji tal-Vanġelu, dwar “rgħajja”, dwar “dutturi”, dwar “qaddisin” (Ef 4,11-12): illum nistgħu ntawlu l-lista tal-ministeri, tas-servizzi, tal-kariżmi.   Jalla kull nisrani jkun jaf mela, f’din il-Knisja, li huwa responsabbli fil-livell tiegħu u li l-Knisja timmissja dak li huwa ma jkunx jaf jagħti.

5. L-ewwel ħsieb tiegħi jmur għas-saċerdoti ħabbara tal-Vanġelu, dispensaturi tal-misteri ta’ Alla, gwidi spiritwali li jippresiedu għall-għaqda, fid-diversi nkarigi tagħhom: kappillani u vigarji tal-parroċċi, professuri,  prokuratutri… Kemm jiena kuntent li qiegħed niċċelebra mas-saċerdoti żgħażagħ, li rċivew ftit ilu il-poteri sagri permezz tat-tqegħid tal-idejn!  Kemm nawgura lil bosta Ivorjani, l-istess sejħa! Il-maergħa hija kbira! Oh, intom ilkoll, ħuti, sostnu l-vokazzjonijiet saċerdotali, sabiex il-Knisja tagħkom ma tkun qatt nieqsa mis-saċerdoti, mis-saċerdoti qaddisin. Huwa fuqhom li trid tistrieħ il-Knisja ta’ għada. Imma l-missjunarji li ġew mill-bogħod għad għandhom, ukoll huma, irwol kbir f’dan il-pajjiż, irwol attwalment indispensabbli. Għas-servizz ferm apprezzat li huma jirrendu u bħala xhieda tal-Knisja universali; huma huma parti ntegrali tal-Knisja tagħkom, Is-saċerdoti kollha huma msejħa biex jiffurmaw l-istess uniku presbiterju madwar l-Isqof, fl-umiltà u fis-sosten fratern. Hemm ukoll post għall-ministeru tad-djakni maġemb is-saċerdoti.

Mill-banda l-oħra, x’fortuna hija wkoll dik li tibbenefika mill-eżempju u mill-għajnuna ta’ erwieħ ikkonsagrati oħra, reliġjużi rġiel u nisa, indiġeni jew missjunarji li jqanqlu tant fiduċja fost il-poplu. Għaliex il-kastità, il-faqar u l-ubbidjenza jagħmluhom xhieda straordinarji tal-imħabba ta’ Kristu u tal-Vanġelu tiegħu, pjenament disponibbli għal kulħadd.

Jalla l-katekisti, imħejjija sewwa, ikomplu l-irwol tagħhom edukattiv tal-fidi, u li l-animaturi tal-komunitajiet iż-żgħar tal-kwartieri jkunu jafu li mingħajrhom ikun jonqos riferiment important. Jien naħseb mill-ġdid dwar ir-responsabiltà tal-missirijiet u l-ommijiet tal-familja: kull musbieħ nisrani mhuwiex jewwilla bħal “santwarju tal-Knisja domestika” (Apostolicam Actuositatem, 11)? U jien nippermetti lili nnifsi li nenfasizza hawn l-irwol partikolari tal-ommijiet: il-mara hija dik li għandha l-missjoni meraviljuża li tagħti l-ħajja, li twassal il-ħajja naxxenti u, fl-Afrika, hija se tkompli ddum twassal lit-tarbija tagħha b’tant ġentilezza u titmagħha b’tant dedikazzjoni! Jalla hija qatt ma tinsa tiftaħ il-qalb ta’ wliedha għat-tenerezza ta’ Alla, għall-ħajja ta’ Kristu: din hija edukazzjoni inizjali li ma tistax tkun għajr diffiċli ħafna biex tkun sostitwita. Hemm imbagħad ukoll xi servizzi oħra fil-komunità nisranija: sevizzi ta’ edukazzjoni, servizzi ta’ assistenza sanitarja u soċjali.U ż-żgħażagħ għandhom ukoll il-parti tagħhom.

6. Imma kif tippreserva l-unità tat-talb, l-unità tal-karità, l-unità pastorali fost kollox? Dan huwa rwol privileġġjat tal-parroċċa, bil-knisja tagħha u l-grupp tagħha tar-rgħajja f’għaqda mar-responsabbli reliġjużi u lajċi. Il-parroċċa għandha tkun akkoljenti lejn kulħadd: mhemmx veri “barranin” f’familja nisranija! Qiegħed naħseb b’mod partikolari għall-ħaddiema immigranti jew għat-tekniċi ta’ pajjiżi oħra li jridu jirċievu u jagħtu l-parti tagħhom ta’ ħajja nisranija. Ġisem wieħed, spirtu wieħed, bħal ma kien jgħid San Pawl.

7. Għeżież ħbieb, l-għaqda ma tiqafx hawnhekk. Aħna nixtiequ nkomplu nippromovuha ma’ dawk kollha li mingħajr ma jipprofessaw integralment il-fidi kattolika tagħna jew mingħajr ma jikkonservaw il-komunjoni taħt is-suċċessur ta’ Pietru, kienu mgħammda u jġibu l-isem sabiħ ta’ kristjani: L-Ispirtu Santu jqanqal fid-dixxipli kollha ta’ Kristu x-xewqa u l-azzjoni li jxaqilbu lejn l-unità kif riedha Kristu, fil-verità u fil-karità (cf. Lumen Gentium, 15).  U l-pjan tas-salvazzjoni jħaddan magħna wkoll lil dawk li mingħajr ma jafuh sewwa fid-dellijiet jew taħt x-xbihat ifittxu lil Alla b’qalb sinċiera (cf. Ivi, 16). Hekk waqt li pjenament nixhdu l-fidi tagħna, inkunu animati lejn is-sentimenti kollha ta’ stima u ta’ djalogu fratern.

8. Fl-aħharnett, id-dixxipli ta’ Kristu, il-komunitajiet insara għandhom ikunu enżimi ta’ unità, artiġjani ta’ riavviċinament fratern għall-abitanti kollha ta’ dan il-pajjiż, Afrikani u mhux Afrikani. Il-Costa d’Avorio u l-kapitali tagħha jafu evoluzzjoni soċjali rapida, li fiha l-konċentrazzjoni urbana, l-eradikazzjoni familjari, ir-riċerka tad-dar u tax-xogħol, imma wkoll, għal ċerti nies, il-possibiltà mhix mistennija ta’ success tekniku, ta’ arrikkiment rapidu, bit-tentazzjonijiet  ta’ profit personali u kultant investit band’oħra, ta’ sfruttament tal-bniedem, taż-żgħir, tal-ħaddiem Avorjan jew immigrant, iva, dan kollu jirriskja, kif sfortunatamet f’pajjiżi oħra msejħa “avanzati”, li jittestja s-solidarjetà, il-ġustizzja, it-tama tal-umli, il-paċi u  wkoll is-sentiment reliġjuż. Hemm bżonn nevitaw a kwalunkwè kost, dan qiegħed ngħidulkom b’imħabba, b’imħabba lejn dan il-pajjiż u lejn ir-responsabbli tiegħu, li s-suċċess offrut illum lill-Kosta D’Avorio u lill-ħaddiema tagħha tal-iżvilupp ma jkunx inadekwat, li ma jwessax b’mod perikoluż il-foss bejn l-għonja u l-foqra bħal ma qiegħed jikber il-foss bejn pajjiżi għonja u pajjiżi foqra, li ċ-ċiviltà ma timmaterjalizzax ruħha. F’dawn il-kondizzjonijiet, il-preokkupazzjoni għall-foqra, l-abbandunati, is-sens tal-ġid komuni ta’ kulħadd u tal-ekwità għandhom jgħammru b’mod speċjali fil-qalb tal-insara. Insara feliċi, komunitajiet insara feliċi, jalla il-bnedmin l-oħra ta’ rieda tajba jsibu qribhom eżempju ta’ għaqda u sors ta’ fraternità. Il-Konċilju riċeneti ma ħasibhiex darbtejn biex jgħid: “L-għaqda kattolika tal-Poplu ta’ Alla  turi minn qabel u tippromwovi l-paċi universali” (Lumen Gentium, 13).

Hawn hu, għeżież ħuti, irġiel u nisa, fil-livelli kollha, minn Ruma sar-raħal tagħkom jew sal-kwartier tagħkom, id-dinamiżmu tal-għaqda tal-Knisja tagħna. Bhala Vigarju ta’ Kristu, jiena kuntent li ninsab f’nofskom biex niddikjara din it-tama. Il-proġett huwa splendidu. Il-mixja se tkun twila u diffiċli: din tassumi xi sagrifiċċji: Ġesù ppreċediena fil-Vanġelu. Imma l-grazzja tiegħu qiegħda taħdem fostkom, l-Ispirtu tiegħu jinsab fikom. U ladarba l-Verġni Marija addattat ruħha b’mod meraviljuż, hi li kkonċepiet lil Kristu bl-opra tal-Ispiortu Santu u li hija wkoll omm il-Knisja, aħna nitolbuha b’mod speċjali biex tiddisponi lil qlubna. Issa din l-Ewkaristija se tirrendi preżenti s-sagrifiċċju ta’ Kristu, li qaleb l-barrieri tal-firda (cf. Ef 2,14) biex jgħaqqad l-ulied kollha ta’ Alla u jagħtihom aċċess, flimkien, għal Alla tal-imħabba.

Mulej, saħħaħ l-għaqda tal-Knisja tiegħek.

Amen. Alleluia!

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading