Qari tal-Quddies tas-Sibt tal-XXV ġimgħa matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

Stampa t-test tal-qari …

Il-Ħamsa u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Is-Sibt

QARI I
Ġej biex ngħammar f’nofsok.
Żak 2, 5-9.14-15a

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Żakkarija

Erfajt għajnejja u ħarist, u ara kien hemm raġel li f’idu kellu ħabel biex iqis. U jien għedtlu: “Fejn inti sejjer?”. U hu weġibni: “Sejjer inqis ’il Ġerusalemm, biex nara kemm hu l-wisa’ tagħha u kemm hu t-tul tagħha”.

U ara, l-anġlu li kien kellimni waqaf u anġlu ieħor resaq jiltaqa’ miegħu. U dak qallu: “Iġri, kellem lil dak iż-żagħżugħ u għidlu: “Ġerusalemm tkun mgħammra bħal bliet mingħajr swar, daqs kemm ikun hemm nies u bhejjem ġo fiha. U jien inkun għaliha, oraklu tal-Mulej, ħajt tan-nar madwarha, u nkun is-sebħ tagħha f’nofsha”. Għajjat bil-ferħ u infexx fl-hena, bint Sijon, għaliex arani ġej biex ngħammar f’nofsok. Oraklu tal-Mulej.

U kotra kbira ta’ ġnus jingħaqdu dakinhar mal-Mulej; u huma jkunu l-poplu tiegħi. U jiena ngħammar f’nofsok”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Ġer 31, 10.11-12ab.13

R/. (10d): Il-Mulej iħarisna kif ragħaj iħares il-merħla tiegħu

Isimgħu, ġnus, kelmet il-Mulej,
xandruha ’l bogħod fil-gżejjer u għidu:
“Dak li xerred lil Iżrael jiġbru,
u jħarsu kif ragħaj iħares il-merħla tiegħu”. R/.

Għax il-Mulej feda lil Ġakobb,
ħelsu minn id wieħed aqwa minnu.
Għad jiġu u jgħannu fuq l-għolja ta’ Sijon,
u wiċċhom jiddi minħabba t-tieba tal-Mulej. R/.

Imbagħad jifirħu x-xbejbiet biż-żfin,
jifirħu ż-żgħażagħ u x-xjuħ.
“Jiena nbiddel il-vistu tagħhom f’hena,
infarraġhom u nferraħhom wara l-hemm tagħhom”. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
ara 2 Tim 1, 10

Hallelujah. R/. Hallelujah
Is-Salvatur tagħna Kristu Ġesù qered il-mewt,
u dawwal il-ħajja permezz tal-EVANĠELJU.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Bin il-bniedem għandu jkun mogħti f’idejn il-bnedmin. Huma beżgħu jistaqsuh dwar dak li kien qal.
Lq 9, 43b-45

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, waqt li kulħadd kien imnixxef bil-għaġeb quddiem dan il-kobor liema bħalu ta’ Alla, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Iftħu widnejkom sewwa għal dawn il-kelmiet: Bin il-bniedem għandu jkun mogħti f’idejn il-bnedmin”.

Iżda huma ma fehmuhx dan il-kliem, u baqa’ mistur għalihom hekk li ma qabdu xejn minnu, u beżgħu jistaqsuh dwar dak li kien qal.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading