Qari tal-Quddies tal-Ġimgħa tal-XXV ġimgħa matul is-Sena


Stampa t-test tal-qari …

Il-Ħamsa u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Il-Ġimgħa

QARI I
Dalwaqt, ftit ieħor biss u nimla dan it-tempju bil-glorja.
Ħag 1, 15b – 2,9

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ħaggaj

Fit-tieni sena tas-sultan Darju, fis-seba’ xahar, fil-wieħed u għoxrin tax-xahar, ġiet il-kelma tal-Mulej permezz ta’ Ħaggaj, il-profeta, u qallu: “Isa, mur kellem lil Żerubbabel bin Sijaltijel, gvernatur ta’ Ġuda, u lil Ġożwè bin Ġeħosadak, il-qassis il-kbir, u lill-bqija tal-poplu, u għidilhom: Min għad baqa’ fostkom li ra dan it-tempju fil-glorja li kellu qabel? U issa kif qegħdin tarawh? F’għajnejkom mhux forsi qisu xejn? Imma issa qawwi qalbek, Żerubbabel, oraklu tal-Mulej, qawwi qalbek, Ġożwè bin Ġeħosadak, il-qassis il-kbir; qawwi qalbek, poplu tal-pajjiż, oraklu tal-Mulej. Aqbdu aħdmu, għax jiena magħkom, oraklu tal-Mulej tal-eżerċti. Il-kelma li biha ntrabbat magħkom fi ħruġkom mill-Eġittu, u l-ispirtu tiegħi, jibqgħu f’nofskom: la tibżgħux.

Għax hekk jgħid il-Mulej tal-eżerċti: Dalwaqt, ftit ieħor biss, u jiena nheżżeż is-smewwiet u l-baħar u l-blat, u nqanqal il-ġnus kollha, u l-ġid kollu tal-popli jiġi kollu hawn, u nimla dan it-tempju bil-glorja, jgħid il-Mulej tal-eżerċti. Tiegħi l-fidda u tiegħi d-deheb, oraklu tal-Mulej tal-eżerċti. Il-glorja tal-aħħar ta’ dan it-tempju tkun akbar minn ta’ qabel, jgħid il-Mulej tal-eżerċti; u f’dan il-post jiena nagħti s-sliem”. Oraklu tal-Mulej tal-eżerċti.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 42 (43), 1.2.3.4

R/. (ara 5bċ): Ittama f’Alla, hu l-għajnuna u Alla tiegħi

Agħmel ħaqq miegħi int, Mulej,
u min-nies bla tieba ddefendi l-kawża tiegħi;
min-nies qarrieqa u ħżiena eħlisni. R/.

Inti l-kenn tiegħi, o Alla;
għaliex warrabtni?
Għax għandi ngħix imdejjaq
taħt it-tagħkis tal-għadu? R/.

Ibgħat id-dawl tiegħek u s-sewwa tiegħek;
huma jmexxuni;
iwassluni sal-għolja mqaddsa tiegħek
u sal-għerejjex tiegħek. R/.

U nidħol ħdejn l-artal ta’ Alla,
ħdejn Alla, ferħ u hena tiegħi.
U rroddlok ħajr biċ-ċetra,
o Alla, Alla tiegħi. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Mk 10, 45

Hallelujah. R/. Hallelujah
Bin il-bniedem ġie biex jaqdi
u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Inti l-Messija ta’ Alla. Jeħtieġ li Bin il-bniedem ibati ħafna.
Lq 9, 18-22

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

Darba, waqt li Ġesù kien qiegħed jitlob waħdu, kien hemm miegħu d-dixxipli tiegħu, u hu staqsiehom: “Min jgħidu n-nies li jien?”. Huma weġbuh u qalulu: “Ġwanni l-Battista; oħrajn, Elija; u oħrajn, li qam wieħed mill-profeti tal-imgħoddi”.

Qalilhom: “Imma intom min tgħidu li jien?”. Qabeż Pietru u qallu: “Inti l-Messija ta’ Alla”. Imbagħad ikkmandahom u qalilhom ħafna biex ma jgħidu lil ħadd b’dan. U qalilhom: “Jeħtieġ li Bin il-bniedem ibati ħafna, jiċħduh ix-xjuħ u l-qassisin il-kbar u l-kittieba, joqtluh, u fit-tielet jum iqum”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu