It-Talba ta’ Mosè (2)

Print Friendly, PDF & Email

Riflessjoni fuq xi paragrafi mill-katekeżi tal-Papa Franġisku fl-Udjenza Ġenerali tal-Erbgħa 17 ta’ Ġunju 2020 mill-biblijoteka tal-Palazz Appostoliku.

Riflessjoni 2

“U huwa proprju fil-ħemda tad-deżert ta’ Midjan li Alla jsejjaħ lil Mosè għar-rivelazzjoni tal-għollieq jaqbad: “‘Jien hu Alla ta’ missierek: Alla ta’ Abraham, Alla ta’ Iżakk u Alla ta’ Ġakobb’. Mosè għatta wiċċu, għax beża’ jħares lejn Alla” (Eż 3:6). – Il-Papa Franġisku.

Lil Alla, aħna nsibuh fejn l-inqas li nkunu nistennewh. Mosè li kien ħsiebu fin-ngħaġ li qed jirgħa, ma kellu l-ebda ħajra li jkun protagonist. Bħal Abram li darba fost l-oħrajn kellu esperjenza li kienet il-bidu tal-poplu li għażel Alla, għawnhekk Mosè kellu l-esperjenza fejn, fil-lingwaġġ, bibliku “Alla daħal fil-ħajja tiegħu”.

F’ħaġa tassew komuni, siġra taqbad. Imma din id-darba s-siġra kienet f’ħuġġieġa mingħajr ma tinħaraq. Proprju hemm, fix-xagħri, il-bogħod min-nies, fil-ħemda tad-deżert ta’ Midjan, jgħid il-Papa Franġisku, li Alla jsejjaħ lil Mose’ fir-rivelazzjoni tax-xewk jaqbad. Mosè hawnhekk kellu d-dehra t’Alla.

F’daqqa waħda Mose’ ntebaħ li kien f’post qaddis. Irid ineħħi l-qorq, jiġifieri jiddisponi ruħu biex Alla jgħidlu xi jrid minnu. U Alla jintroduċi ruħu: “Jien hu Alla ta’ missierek: Alla ta’ Abraham, Alla ta’ Iżakk u Alla ta’ Ġakobb”. Mosè għatta wiċċu, għax beża’ jħares lejn Alla. ‘Il quddiem sar midħla tiegħu u kien ikellmu b’mod familjari. Mosè beża’.

Il-biżgħa t’Alla hu wieħed mid-doni tal-Ispirtu s-Santu. Mhix biżgħa għax Alla se jagħmlilna xi ħaġa, imma reverenza lejn l-imħabba tiegħu u lejn l-isem tiegħu. Baqgħet fil-poplu Lhudi li rari jsemmu l-kelma “Alla”. Kien isemmiha darba fis-sena l-Qassis fit-tempju. U dan iġagħlna naħsbu: b’dispjaċir ngħidu li anke fostna nisimgħu lil min isemmi l-isem t’Alla fix-xejn, jew bi tmaqdir. Vizzju ikrah li ma jagħmilx ġieħ lil min isemmi li Alla b’ton vulgari u jweġġa’ s-sentimenti ta’ min jisimgħu.

Mosè jadura lil Alla, jiddefendi l-isem tiegħu u ħadem biex il-poplu jkollu din il-biżgħa reverenzjali lejn Alla. J’Alla aħna wkoll ikollna dan il-biżgħa qaddis.

Minn Joe Galea

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading