X’ħassejt meta rfajt ir-relikwa tas-Salib ta’ Kristu

Print Friendly, PDF & Email

Fix-xahar ta’ Settembru, fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo, kellna l-grazzja li żżurna r-relikwa tas-Salib ta’ Sidna Ġesù Kristu.

Għal min hu xettiku dwar dawn il-ħwejjeġ, u jaf ifaqqa’ dik it-tbissima sarkastika solita tiegħu u tagħha, filwaqt li nirrispetta minn qalbi x’jaħseb u x’taħseb, l-għaliex kulħadd għandu dritt għal ħsibijiet tiegħu u tagħha, nazzarda infakkru u nfakkarha biss f’dan: x’tagħmel ħija, oħti, meta jkollok xabla lesta għal fuqek, li donnha għandha seba’ mitt sena, għax imġenna ma nafx kemm, li taħsadlek ħajtek ħesrem? Għidli x’ma tagħmilx u fejn ma tmurx biex issalva ħajtek? Mhux ma’ kull biċċa laqxa taqbad biex issalva? U, wara kollox, min hu daqshekk arroganti u bla qalb li jista’ qatt ilumek? It-tieni, u għal min jemmen, meta nitħaddtu fuq is-Salib ta’ Kristu żgur li m’aħniex nitħaddtu fuq biċċa laqxa kwalunkwe! Is-Salib ta’ Kristu żgur li mhuwiex biċċa għuda tal-ħabba gozz! Xejn minn dan! Ħa nerġa’ infakkrek, u dejjem con massimo rispetto, kif kien iħobb jgħidli wieħed Naplitan: hawnhekk qiegħdin nitħaddtu fuq is-Salib ta’ Sidna Ġesù Kristu! L-għuda li, int u jien, u jien u int, nemmen jew temmen, ma nemminx jew ma temminx, biha ġejna mifdija!

Kemm kienet kommoventi għalija li ndur is-swali, id-Day Ward u s-swali tal-istennija (il-waiting rooms), bir-relikwa tas-Salib tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu! Kemm rajt persuni jersqu lejha b’fidi kbira! Kemm persuni iggranfaw magħha! Mhux għax missewha tafux! Ma stajniex! Biex ma nissuktawx inxerrdu aktar il-virus! Ir-restrizzjonijiet tal-covid-19 huma ċarissmi min jisimgħek! U sewwa u xieraq tassew! kif nitolbu fil-bidu tal-prefazju tal-quddiesa. Imma ħbieb ħafna hu l-uġiegħ moħbi li l-marda qerrieda, u li ikoll nafu x’jisimha mill-kbir saż-żgħir, qed tħalli warajha! Għalhekk, iva, kien ġustifikat fuq li ġustifikat li din ir-relikwa tant prezzjuża ta’ Kristu li fejjaq u għadu jfejjaq, titwassal minnufih u bla l-ebda dewmien f’ħafna postijiet possibbli taċ-Ċentru Onkoloġiku ħalli titgawda minn ħafna nies possibbli! U, quddiemha, dawn ħutna jistgħu isibu dak is-serħan qaddis u neċessarju li tant għandhom bżonn! L-għaliex dan eżattament għamel Dak li ssallab fuq din l-għuda mqaddsa, li xrara minnha jien kont qed inġorr għall-qima u d-devozzjoni ta’ min tassew jemmen: jiġifieri li dar l-ibliet kollha u l-irħula jgħallem fis-sinagogi, ixandar l-Evanġelju tas-Saltna, u jfejjaq kull xorta ta’ mard u ’l kull min kien nieqes minn saħħtu (Mt 9:35).

Għax Ġesù l-aħwa dejjem kien man-nies u għan-nies! Magħhom għex! U magħhom kiber! Magħhom tqaddes bħala bniedem! Magħhom ra l-glorja ta’ Missieru fih tikber u tibdel lilU u lil dawk ta’ madwaru fiH innifsU! U kien imur apposta fis-sinagogi tagħhom. L-għaliex kien proprju jagħżel dawn il-postijiet? L-għaliex, kif kien qal hu stess lil qassis il-kbir, li fil-proċess tiegħu kien interrogah: Jiena tħadditt fil-beraħ, quddiem kulħadd. Għallimt dejjem fis-sinagoga u fit-tempju fejn jinġabru l-Lhud kollha, u bil-moħbi ma għedt xejn (Ġw 18:20).

Kemm kien jixraq mela li Dak li tkellem quddiem kulħadd, fejn jinġabru n-nies kollha, kienu min kienu, kellu issa imur fejn hemm kulħadd u jinġabar kulħadd! Xi ġmiel li, wara elfejn sena, Dak li ġera mal-Galilija kollha u l-inħawi tagħha, issa, permezz tar-rappreżentant tiegħu, li ma jistħoqqlux li jkun tiegħu għax midneb, kellu jmur fis-swali u l-postijiet kollha taċ-Ċentru tal-Onkoloġija! Biex ixandar ħnientU mis-Salib tiegħU stess. U jibqa’ iva jfejjaq lil kulħadd minn kull xorta ta’ mard u nuqqas ta’ saħħa! Hu li minna … għamel poplu wieħed (Efes 2:14). Aħna li, hi x’inhi l-istorja tagħna, aħna il-poplu tiegħU! U tiegħU nibqgħu! Anki jekk, b’qasma ta’ qalb, naqsmulu qalbU bi dnubietna!

Kbir kien dak li ħassejt meta kelli l-grazzja nerfa’ ir-relikwa tas-Salib tiegħU. Għax li terfa’ SalibU tfisser il-ġieħ li żgur li ma jistħoqqlix li nerfa’ f’dirgħajja s-salvazzjoni tal-umanità kollha! Tiegħi u tiegħek, imweġġgħin bil-ħażen tagħna u bli nagħmlu lil xulxin! Għax, li nerfa’ SalibU jfisser li qed nerfa’ ħlewwietU għal kulħadd! Li ngħożż għemilU għal min l-aktar hu fil-bogħod! Li nibqa’ nixtarr KliemU li ma jmut qatt! L-attitudnijiet qaddisa tiegħU, li tant għadhom meħtieġa biex tissewwa n-natura dgħajfa tagħna, imkissra kif inhi bid-dnub, joħorġu ħelwin f’dawn it-taqbiliet li hu stess tani nikteb. Għalija l-ewwel u anki għalik! Waqt li kont qed nerfa’ bid-dmugħ f’għajnejja r-relikwa tas-Salib u nbierek lill-pazjenti, il-familjari u l-membri tal-istaff fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo!

Mar-relikwa tas-Salib ferħ Ġesù insib! Mar-relikwa tas-Salib ninsa’ it-tlablib! Mar-relikwa tas-Salib nitgħallem li Ġesù jħobbok u mhux jarmik! Mar-relikwa tas-Salib nitgħallem li Qalb Ġesù hi l-vera ġid! Mar-relikwa tas-Salib nitgħallem li Ġesù l-aqwa Ħabib! Mar-relikwa tas-Salib nitgħallem li Ġesù l-iprem Tabib! Mar-relikwa tas-Salib nitgħallem li mħabbet Ġesù hi dik li għandek issib! Mar-relikwa tas-Salib nitgħallem li Ġesù aqta’ kemm jaf idur bik! Mar-relikwa tas-Salib nitgħallem li Ġesù iħobbok imma d-dinja tbikkik! Mar-relikwa tas-Salib nitgħallem kemm imħabbet Ġesù thennik! Mar-relikwa tas-Salib nitgħallem li Ġesù jisimgħek u mhux jgħawwik! Mar-relikwa tas-Salib nitgħallem li kull ġid li mhux Ġesù jherrik! Mar-relikwa tas-Salib nitgħallem li ġid id-dinja ma jpaxxikx!

Mar-relikwa tas-Salib nitgħallem li Kelmet Ġesù BISS taħjik! Mar-relikwa tas-Salib nitgħallem kemm ix-xitan jinkik! Mar-relikwa tas-Salib nitgħallem li Ġesù jaħfirlek mhux bħax-xitan li jixlik! Mar-relikwa tas-Salib nitgħallem li d-dnub aħarbu għax jifnik! Mar-relikwa tas-Salib nitgħallem li l-imħabba vera fatti turik! Mar-relikwa tas-Salib nitgħallem il-prezz tal-imħabba li tifdik! Mar-relikwa tas-Salib nitgħallem li min iħobbok imut għalik! Mar-relikwa tas-Salib nitgħallem li l-imħabba tħaddnek magħha u mhux tixtrik! Mar-relikwa tas-Salib nitgħallem li int għandek Ħabib li dejjem jaħseb fik! Mar-relikwa tas-Salib nitgħallem li int għandek Ħabib li qatt mhu ħa jidħak bik! Mar-relikwa tas-Salib nitgħallem li lilek Ġesù qatt mhu se jittradik!

Allura, jekk l-aħħar taqbila hi minnha, kif tridu jħossni meta rfajt ir-relikwa tas-Salib ta’ Kristu? U nista’ din ir-relikwa nibqa’ ma nerfagħhiex f’qalbi l-ħin kollu ta’ ħajti?

Patri Mario Attard OFM Cap

%d