Riflessjoni fuq is-Salib u t-Tbatija

Fil-festa tal-Eżaltazzjoni tas-salib ma nistgħux ninsew it-tbatija ta’ Ġesù għalina l-bnedmin u x’tifsira għandha fil-ħajja.

Ħarsa lejn il-Kruċifiss

Jekk inħarsu lejn is-salib naraw lil Ġesù msammar miegħu filwaqt li ġismu huwa kollu tbenġil. Il-Kruċifiss jurina kemm Ġesù bata verament għalina. lżda aħna tant sirna familjari ma’ din ix-xbieha li ma tantx nagħtu kas tagħha u hekk ma naslux biex nifhmu s-sinjifikat proprju tiegħu.

Għalhekk xieraq li nitfgħu ħarsitna lejn is-salib u naraw xi jfisser għalina fil-ħajja ta’ kuljum. Il-Kurċifiss huwa għalina skola mimlija kotba ta’ tagħlim fuq il-ħajja nisranija. San Ġorġ Preca stampa ktieb fuq Ġesù Msallab u semmieh il-‘Ktieb il-Kbir’. Dan  għamlu biex jurina li mi jimmedita fuqu jsib minjiera ta’ tagħlim. Il-ħarsa tagħna lejh għandha tkun mument għalina ta’ konverżjoni fejn nibdew naraw it-tbatija minn perspettiva oħra.

Bosta filosofi tħawwdu quddiem il-problema tat-tbatija u xi uħud waslu biex iddispraw; oħrajn waslu biex neħħew ħajjithom. Jekk nosservaw ftit naraw li fid-dinja hawn kull xorta ta’ tbatijiet: mill-elementi tan-natura, disgrazzji, mard, inkwiet, nuqqas ta’ ftehim u ġlied, inġustizzji, malafami u kalunnji, disfatti, nuqqas ta’ finanzi u elf ħaġa oħra. Min isemmi dawn il-ħwejjeġ huwa osservatur fin iżda jkun jiżbalja bl-ikreh jekk ma jarahomx fid-dawl tal-fidi.

Min ikun għaddej minn xi tbatija forsi jistaqsi. Għax jien? u bosta mistoqsijiet oħra. F’dan il-mument għandu jħares lejn il-Kurċifiss u jara li anki l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem kellu jgħaddi mit-tbatija. Il-Missier li tant iħobb lil Ibnu ma tahx is-suċċess f’din id-dinja  iżda tah il-kalċi tal-morr. L-istess għamel mal-Verġni Marija u San Ġużepp li tant ħabbhom.

Il-ġid li joħroġ mit-tbatija

In-natura tagħna titbeżża’ minn kull tbatija. lżda permezz tal-grazzja ta’ Alla tara l-valur tagħha u tibda tara l-id ta’ Alla li qiegħda tmexxi kollox. Jekk noqogħdu nirriflettu naraw li kull tbatija jekk tiġi milqugħha bi spirtu ta’ fidi tħalli bosta frott spiritwali. Ser insemmi  xi  ftit mill-ġid li joħroġ minn xi salib.

  1. Niftgħu ħarsitna lejn il-Ġenna … Għalkemm id-dinja hija miżgħuda bit-tbatijiet madankollu ħadd ma jixtieq jmut. Aħseb u ara kieku d-dinja hija tgawdija u tpaxxija kontinwa! Għalhekk is-slaleb jgħallmuna li aħna qegħdin mexjin f’pellegrinaġġ lejn Ġerusalemm tas-Sema. Verament li qegħdin ngħixu fid-dinja u rridu nagħmlu ħilitna biex intejbuha madankollu għandna nifhmu li fl-aħħar ħajjitna għad tispiċċa u ngħaddu għall-eternità. U s-slaleb fil-ħajja jfakkruna f’din ir-realtà li għal min għix tajjeb għad tkun laqgħa mal-Mulej.
  2. Tisfija … Il-bniedem għalkemm ikun jgħix tajjeb madankollu jibqagħlu ħafna difetti. Jista’ jkun li jaħseb li huwa xi ħaġa  u għalhekk  jimtela bis-suppervja. lżda s-slaleb fil-ħajja jservu biex nissaffew minn dawn id-difetti. Kif id-deheb ikollu jgħaddi minn nar biex isir metall prezzjuż, hekk ukoll il-bniedem jissaffa permezz tas-slaleb.
  3. Jibda jifhem lil ħaddieħor … Min għadda mit-tbatija jsir sensittiv għat-tbatija tal–oħrajn. Dan narawh ċar mill-ħajja tal-Beata Madre Tereża ta’ Calcutta. Għaddiet minn tbatijiet interjuri kbar u b’dan il-mod bdiet tħoss aktar għall-foqra kemm mill-lat spiritwali kif ukoll materjali.

Ġesù msallab huwa eżempju ta’ paċenzja

Nerġgħu nitfgħu ħarsitna fuq Ġesù Msallab. U naraw b’liema paċenzja u rassenjazzjoni ġab ruħu fit-tbatijiet ħorox li ġarrab. Qabel ma mar għall-passjoni qal : “Missier, jekk jista’ jkun, ħa jitwarrab minni dan il-kalċi, imma mhux kif irrid jien, iżda kif trid int” (Mt 26, 39). Ma qagħadx iwaħħal fix-xitan jew fl-intriċċi malizzjużi li kienu qegħdin isiru minn taħt. Mar għall-passjoni bil-kuraġġ tant li meta ltaqa’ man-nisa ta’ Ġerusalem qalilhom: “La tibkux lili iżda ibku lilkom infushom u lil uliedkom” (Lq 23, 28). U minn fuq is-salib ħafer lill-għedewwa tiegħu li kienu kontinwament jinsulentawh.

Il-paċenzja fit-tbatijiet tgħin lill-bniedem jikber spiritwalment kif ukoll umanament. Jekk jirrassenja ruħu u joffri tbatijietu għall-ġid tal-midinbin u ta’ dawk li ma jafux bi Kristu ser jagħmel ħafna ġid. Mill-banda l-oħra jekk tort tiegħu jitlef il-paċenzja u ma jibqax jara l-id ta’ Alla, ser iżid it-tbatija li jkollu.

Forsi wieħed jistaqsi. Kif dan huwa possibbli? It-tweġiba hija: Meta Alla jgħaddina minn xi triq ma huwiex ser jitlaqna weħidna iżda jagħtina l-għajnuna meħtieġa. Ħadd qatt ma ttama f’Alla u sab il-konfużjoni. Għalhekk min ibati bil-paċenzja ser isib il-paċi tal-qalb. Veru li jkun batut iżda f’qalbu jkun hemm paċi u kuntentizza li bosta persuni oħra li qegħdin jgħixu komdi ma għandhomx.

Fl-aħħar mill-aħħar għadna niftakru li Kristu rebaħ il-mewt u t-tbatija billi fit-tielet jum qam rebbieħ biex ma jmutx aktar. Il-qawmien ta’ Kristu mill-mewt huwa ta’ tama għalina sabiex inżommuha ċara f’moħħna li min jimxi warajh għad joħroġ rebbieħ.

Minn Angelo Xuereb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading