Il-Misteru tal-Għid il-Kbir

Print Friendly, PDF & Email

NIĊĊELEBRAW IS-SALVAZZJONI TAGĦNA

Minn Fr Philip Cutajar ofm cap

San Pawl fl-Ittra tiegħu lir-Rumani jikteb: “Għalhekk, bħalma kien permezz ta’ bniedem wieħed (Adam) li fid-dinja daħal id-dnub, u permezz tad-dnub il-mewt, u hekk il-mewt laħqet il-bnedmin kollha, għax kollha dinbu 5,12 … aktar u aktar issa l-grazzja ta’ Alla u d-don mogħti bil-grazzja ta’ bniedem wieħed li hu Ġesù Kristu xterdu bil-bosta fuq il-kotra 5, 15 … għax kif bid-diżubbidjenza ta’ bniedem wieħed (Adam) il-ħafna saru midinbin, hekk ukoll bl-ubbidjenza ta’ wieħed (Ġesù Kristu)  il-ħafna saru ġusti 5,19.” 

Ninsabu fi żmien ir-Randan Imqaddes, żmien ta’ preparazzjoni bil-għan li niċċelebraw u ngħixu l-misteru tal-Għid Il-Kbir. Il-Misteru tal-fidwa tagħna li seħħet permezz tat-tbatija, tal-mewt u l-qawmien mill-imwiet tal-Iben ta’ Alla u Mulej tagħna Ġesù Kristu.

DAN SEĦĦ FIL-MAGĦMUDIJA

Dan seħħ għall-ewwel darba fik u fija dak innhar tal-magħmudija tagħna. Fil-magħmudija Alla tbaxxa fuqna u għalina. Huwa għamilna wlied adottivi tiegħu, tana l-Ispirtu Qaddis tiegħu, li permezz tiegħu aħna nistgħu nwieġbu għall-imħabba tiegħu, billi noħolqu djalogu miegħu l-ewwel permezz tal-fidi mbagħad filli dan isib il-milja tiegħu fil-viżjoni beatifika – wara din il-ħajja fuq l-art,  fl-eternità.

Imma biex isawwab fina l-Ispirtu tiegħu, Alla jrid l-ewwel jagħmillu post, jisbarazza r-ruħ tagħna minn dak kollu li jfixkel li Huwa jiġi u jgħammar fina, li nisimgħa l-Leħen tiegħu u nweġbuh. Huwa neċessarju li nagħmlu spazju għall-Ispirtu S-Santu, li nkunu ħielsa minn dak li jeskludi l-presenza tiegħu fina.

Huwa propju minn din il-liberazzjoni li matul din iż-żmien tar-Randan Imqaddes, b’ħarsitna lejn iċ-ċelebrazzjoni tat-tlett ijiem tal-Għid Il-Kbir, rridu nitkellmu. Huwa l-problema tas-salvazzjoni totali tal-bniedem sħiħ.

L-ESPERJENZA TAL-ĦAŻEN:

1. ID-DNUB

Ilkoll kemm aħna, bħala bnedmin, nagħmlu ta’ kuljum l-esperjenza tal-Ħażen. Il-ħażen li jidher fid-dnub u l-konsegwenzi tiegħu bħalma huma l-mewt, t-tbatija, l-uġigh, l-iżolament, il-mard. Quddiem din ir-realtà il-bniedem, kull bniedem ta’ kull żmien isaqsi u jsaqsi lil Alla dwar il-kawża, l-oriġni tal-ħażen. Il-Kotba Mqaddsa jgħidulna li kull ħażen ġej mhux mingħand Alla imma frott id-dnub tal-bniedem. Sa mill-bidu naqraw fil-Ġenesi dwar l-istorja tal-waqa’ fid-dnub ta’ Adam u Eva bil-konsegwenzi kollha tagħha. Dan huwa kollu ġej bħala konsegwenza tar-ribelljoni tal-bniedem kontra Alla (ara Rumani 5,12-19).

2. IL-QALB IMĦASSRA TAL-BNIEDEM

B’effett ta’ din id-disubbidjenza tal-bniedem seħħet ‘rivoluzzjoni’ fil-qalb tal-bniedem. Issa l-qalb tal-bniedem saret għajn ta’ tendenza u ġibdiet ħżiena: “Ra l-Mulej li kbir kien ik-ħażen tal-bniedem fl-art, u kull sura ta’ ħsibijiet qalbu kienet dejjem ħażen biss” Ġen. 6,5. Hawnhekk nilmħu kawża oħra tal-Ħażen: li huwa ġej mill-qalb tal-bniedem u mhux minn Alla. Din insejjħulha wkoll il-konkupixxenza.

3. SATANA

L-Iskrittura Mqaddsa tgħidilna aktar minn hekk dwar il-kawża tal-Ħażen: Jekk, frott id-dnub, il-Ħażen qiegħed ġewwa fina, qiegħed ukoll ‘l barra minna. Adam u Eva kienu ttentati għall-Ħażen/Dnub minn Satan li deher taħt xbieha ta’ serpent, u dan għadu qiegħed ikompli l-ħidma qerrieda tiegħu anke magħna llum. Il-ħidma tax-xitan kontra tagħna hija mxebbħa minn San Pietru ma’ “ljun aħrax” (1 Pt 5,8). Għal dan San Pawl iħeġġeġ lill-insara ta’ Efesu biex jilbsu ‘l-armatura ta’ Alla biex ikunu jistgħu jieqfu kontra l-ħidma tax-xitan’ (Ef 6,11). L-Evanġelista San Ġwann isejjaħ lix-xitan ‘giddieb u missier il-gidba” (Ġw 8,44).

4. ID-DINJA

Kawża oħra li hija wkoll ‘l barra minna hija d-dinja. Id-dinja mhux f’sens ta’ ħolqien għax dak kollu li ġie maħluq huwa tajjeb għax ħiereġ minn idejn Alla. Imma d-dinja fis-sens tal-materjaliżmu, setgħa, għana, rabta mall-flus flimkien ma’ dak kollu li hu tad-dinja li kontinwament iħajjarna sabiex inwarrbu lil Alla u ninżlu naduraw “lill-għoġol tad-deheb”.

IL-ĦELLIES

Imma jekk il-Bibbja tirrevelalna l-oriġni u l-kawża tal-Ħażen, hi tindiklana wkoll it-triq li twassalna għall-Ħelsien. Huwa dan tal-akbar importanza.

“Alla jwiegħed Salvatur” Ġen 3,15

“Duru lejja, u tkunu salvati, truf kollha tal-art:

Għax jiena Alla, u m’hemmx ieħor għajri” Isaija 45,22

IL-ĦELLIES HUWA KRISTU

“Iżda meta waslet il-milja taż-żminijiet, Alla bagħat ‘il Ibnu, imwieled minn mara, imwieled taħt il-liġi, biex jifdi lil dawk li kienu taħt il-liġi, biex ikollna l-adozzjoni ta’ wlied” Gal 4, 4-5

  • Kristu, Salvatur tagħna, jeħlisna mid-dnub, jeħlisna mill-qalb imħassra li aħna faċilment ninħakmu minnha: “Ma tafux li l-iġsma tagħkom huma membri ta’ Kristu? Jaqaw għandi nagħmel mill-membri ta’ Kristumembri tal-mara żienja? Ma jkun qatt.” 1 Kor. 6,15-18.
  • Jeħlisna minn Satan “billi issa jitkeċċa l-prinċep ta’ din id-dinja” Ġw 12,31.
  • Jeħlisna mill-frugħat tad-dinja: “Agħmlu l-qalb, jiena rbaħt id-dinja” Ġw 16,33.
  • Jeħlisna mill-mewt eterna: “Għax Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull minn jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem” Ġw 6,58.

Dan hu qegħdin niċċelebraw matul iż-żmien tar-Randan Imqaddes f’mixja ta’ konverżjoni li ssib il-milja tagħHa fil-Misteru tal-Għid Il-Kbir. Kristu huwa l-uniku Salvatur tagħna.Huwa dak li ħelisna minn kull tip ta’ Ħażen li kien qed jgħassarna u li ma kienx qed iħallina ngħixu għal kollox il-vokazzjoni tagħna kemm bħala bnedmin u fuq kollox bħala wlied Alla.

NADURAWK O ĠESÙ W INBERKUK

GĦAX B’SALIBEK INTI FDEJTNA

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading