Riflessjonijiet tar-Randan: Il-Muntanji

Print Friendly, PDF & Email

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet; imnejn se tiġini l-għajnuna?

Fit-tieni Ħadd tar-Randan nisimgħu dwar it-trasfigurazzjoni ta’ Ġesù fuq il-muntanja Tabor.

Il-muntanji u l-għoljiet fil-Bibbja huma msemmija iktar minn ħames mitt darba. U dan mhux b’kumbinazzjoni, iżda għax fil-fidi Lhudija, il-muntanji jikkunsidrawhom bħala l-eqreb li tista’ tkun m’Alla minħabba li kienu jilħqu lejn is-smewwiet, l-eqreb lejn id-dawl. Infatti ħafna ġrajjiet sinifikanti ġraw fuq il-muntanji. Il-profeta Elija kien fuq il-muntanja Ħoreb meta Alla żaru f’żiffa u Mosè rċieva l-kmandamenti minn Alla fuq il-muntanja Sinaj.

Fl-Antik Testment ukoll insibu kif David ġera lejn il-muntanji biex jaħrab minn Sawl li ried joqtlu u lill-profeta Elija jaħrab mis-sultana Ġeżabel li riedet toqtlu wkoll. Il-muntanji kienu post ta’ refuġju għan-nies, post fejn jistkennu, u post fejn setgħu jkunu viċin t’Alla u fil-protezzjoni tiegħu.

Id-dixxipli wkoll jiltaqgħu m’Alla fuq il-muntanja Tabor permezz ta’ Ġesù, meta jitbiddel quddiemhom. Waqt it-trasfigurazzjoni, Ġesù jirrappreżenta t-twettiq tal-patt t’Alla li jilħaq il-qofol tiegħu fih. Ikun propju f’dan il-mument li jibqgħu jiftakru fi żminijiet diffiċli. Il-memorja tal-ferħ, l-imħabba u l-paċi li ħassew dakinhar, ittihom tama biex jafdaw li Ġesù qiegħed magħhom, kif il-Lhud kienu jiftakru fil-preżenza t’Alla f’ħajjithom meta kienu jaraw il-muntanji.

Matul ir-Randan ngħaddu minn proċess ta’ preparazzjoni, mid-dlam għad-dawl, minn deżert għal muntanja, vjaġġ ta’ tama mill-mewt għall-ħajja. Waqt żminijiet ta’ dlam, niftakru li fil-quċċata tal-muntanja hemm id-dawl, hemm Alla li joffrilna ħajja ġdida kull darba li niġu għandu. Aħna wkoll f’ħajjitna jkollna mumenti ta’ trasfigurazzjoni, ta’ ħajja ġdida li jbiddlulna l-perspettiva ta’ qalbna lejn id-dinja.

F’liema mumenti ta’ ferħ u mħabba nista’ niftakar li jtuni tama ġdida fi żminijiet diffiċli? U jekk għadni ma esperjenzajtx verament lil Alla f’ħajti, x’nista’ nagħmel biex ikolli qalbi iktar miftuħa għalih u nersaq iktar viċin tiegħu?

Sors: www.knisja.mt

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading