Ġwanni Pawlu II fit-Te Deum ta’ tmiem is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

TE DEUM TA’ RINGRAZZJAMENT FI TMIEMIS-SENA 1982

OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II

Knisja tal-Isem Imqaddes ta’ Gesù
31 ta’ Diċembru 1982

1. “Uliedi, waslet l-aħħar siegħa” (1 Ġw 2, 18).

B’dan il-kliem jibda l-ewwel qari tal-liturġija tal-lum. Hekk hu. L-aħħar siegħa ta’ din is-sena, li waslet biex tintemm, qiegħda toqrob ferm bil-qawwi. U intom, għeżież Rumani, ġejtu numerużi f’dan it-tempju biex tantiċipawha; anzi biex issa tieħdu sehem fiha.

Is-sena tal-Mulej 1982 tħalli spazju fiż-żmien lil dik li se ssegwiha. Nixtiequ nifhmu s-serjetà ta’ dan il-waqt. Nixtiequ ngħadduh fit-tempju, fil-preżenza ta’ Alla.

Fis-sewwa, dejjem jibqà l-proċess tat-tmiem. Kemm huma l-jiem tas-sena, daqstant drabi dan jimmarka t-tmiem ta’ aspett – u l-bidu ta’ ieħor. Infatti, fihom jaħbtu id-diversi dati tat-twelid tagħna – u għal dan kull wieħed u waħda minna, f’jiem differenti, tintemm sena ta’ ħajjitna u tibda oħra ġdida.

Dan tallum l-“aħħar jum” tas-“sena l-qadima” u l-“aħħar siegħa” tagħha għad għandhom dimensjoni oħra. Jintemm perijodu ta’ żmien fid-dinja umana komuni tagħna.

U għal dan il-għan ħsibijietna llum jixtiequ – iktar minn kull perijodu ieħor – iħaddnu din id-“dinja” u jieqfu ftit maġembha. Dan nagħmluh permezz tat-talb waqt din l-“aħħar siegħa”.

2. Nixtiequ llum niżżu ħajr għad-“dinja”, niżżu ħajr għall-eżistenza, li hija l-ġid fundamentali tal-krejaturi u rigal tal-Ħallieq  .

Kemm hi ħaġa sabiħa li din l-“aħħar siegħa” tas-sena 1982 tiġi fil-perijodu tat-twelid tal-Mulej: “U l-Verb sar bniedem / u ġie jgħammar f’nofsna . . . / U lil dawk li laqgħuh tahom is-setgħa li jsiru wlied Alla” (cf. Ġw 1, 14.21).

Il Misteru tal-Milied tal-Mulej jgħinna kull sena biex negħlbu d-“dwejjaq tal-eżistenza” umana tagħna, il-“piż tal-eżistenza” umana li kull-wieħed u waħda minna nġarrbu.

Fl-istalla ta’ Betlem u fid-dawl li minn hemm jiddi, huwa iktar faċli nħossu li l-eżistenza hija ħaġa tajba.

Hija ġid ewlieni u fundamentali li għalih irridu niżżu ħajr lill-Ħallieq. Waqt li niżżu ħajr għall-eżistenza, ejjew niżżu ħajr għad-dinja.

Niżżu ħajr għad-dinja li hi opra ta’ Alla.

Niżżu ħajr għad-dinja, li għandha l-bidu assolut tagħha fil-Verb Etern:
“Fil-bidu kien il-Verb, / u l-Verb u l-Verb kien ma’ Alla / u l-Verb kien Alla. / Hu kien fil-bidu ma’ Alla. / Kollox bih sar, u xejn ma sar mingħajru” (Ġw 1, 1-3).

Illum fl-aħħar jum tas-“Sena l-Qadima” tul l-“aħħar siegħa” tagħha, nirrendu ħajr għal dak kollu li jeżisti, għal dak kollu li għandu l-bidu tiegħu fil-Verb etern.

U niżżu ħajr għall-Verb li “kien ma’ Alla”, li kien qabel il-bidu ta’ kollox, u li lil dan kollu li jeżisti tah il-bidu primordjali.

3. Tali hu r-ringrazzjament tagħna qrib il-maxtura ta’ Betlem, fejn insiru nafu il-verità ewlenija dwar l-eżistenza tad-dinja.

Imma dan għadu mhux kollox.

Maġemb il-maxtura ta’ Betlem insiru nafu mhux biss l-aħbar dwar il-bidu tal-ħwejjeġ kollha f’Alla. Insiru nafu wkoll, fl-istess ħin, l-elevazzjoni tal-bniedem min-naħa ta’ Alla fil-Verb inkarnat.

“Imma lil dawk li laqgħuh, / tahom is-setgħa li jsiru wlied Alla” (Ġw 1, 12).

U għalhekk, illum, nistiequ niżżu ħajr għall-eżistenza tal-kondizzjoni tal-filjolanza adottiva tagħna fil-konfront ta’ Alla, għal dak id-don imsejjaħ Grazzja, Nixtiequ niżżu ħajr għall-opri kollha tal-Grazzja Divina, kullimkien u f’kulmin  fih hija wettqet lilha nfisha din is-sena fid-dinja kontemporanja.

Kull wieħed u waħda minna niżżu ħajr ukoll għall-opra tal-Grazzja fina nfusna, fi qlubna u fil-kuxjenza tagħna. Niżżu ħajr għaliex nistgħu ngħixu bħala wlied adottivi ta’ Alla fi Kristu, għaliex il-Grazzja tifforma ħajjitna u l-opri tagħna.

Kemm hu sabiħ li “l-aħħar siegħa” tas-sena, li waslet biex tgħaddi, taħbat fil-perijodu tat-Twelid tal-Mulej, li fih, kif ixandar San Pawl (fit-tieni qari ta’ din is-sollennità) “dehret il-grazzja ta’ Alla, għas-salvazzjoni lill-bnedmin kollha;hi trawwimna, . . . biex ngħixu bir-rażna u l-ġustizzja u t-tjieba f’dan iż-zmien, u nistennew it-tama hienja u d-dehra tas-sebħ tal-kbir Alla u Salvatur tagħna, Ġesù Kristu” (Tt 2, 11-13).

Iva. Niżżu ħajr illum, b’mod speċjali, għall-vokazzjoni għall-Grazzja u għall-glorja f’Ġesù Kristu.

4. U flimkien ma’ dan ir-ringrazzjament illum nixtiequ nitolbu maħfra, u nagħmlu penitenza għall-ħtijiet tagħna.

Fil-prologu għall-Vanġelu ta’ San Ġwann hemm sentenza li tissentatizza b’mod iktar profond ir-raġuni għall-att tal-fidwa tagħna:
“Ġie f’daru, / u niesu ma laqgħuhx”(Ġw 1, 11).

Fl-“aħħar siegħa” tas-Sena l-Qadima nixtiequ nitolbu lil Alla l-maħfra propju minħabba dan: għal dak kollu li b’mod dirett jew indirett huwa “nuqqas ta’ lqugħ” ta’ Kristu. Li huwa ċaħda tal-imħabba u tal-verità tiegħu.

Il-ħażen kollu tad-dinja, kull dnub tal-bniedem, personali jew soċjali, huwa “nuqqas ta’ lqugħ” ta’ Kristu.

Dak kollu li jdur kontra l-bniedem, kontra d-dinjità tiegħu, ħajtu, id-drittijiet ġusti tiegħu.

Dak kollu li jhedded il-familji, l-ambjenti, is-soċjetà kollha u fl-aħħarnett l-umanità – huwa “nuqqas ta’ lqugħ” ta’ Kristu.

“Ġie f’daru, / u niesu ma laqgħuhx”.

U fl-aħħarnett, “nuqqas ta’ lqugħ” ta’ Kristu huwa l-bini konxju u konsistenti ta’ dinja “bla Alla” jew “kontra Alla”.

Illum nixtiequ npattu għal kull waħda minn dawn il-forom ta’ ċaħda ta’ Kristu.

5. F’din il-laqgħa ta’ talb magħkom ir-Rumani, nixtieq nirreferi għas-sitwazzjoni ta’ din id-dijoċesi għażiza, li tagħha l-ewwel kont ġejt maħtur Ragħaj.

Ma naqsux f’dawn it-tnax-il xahar f’Ruma episodi ta’ vjolenza u inċidenti ta’ niket fuq ix-xogħol. U kemm żgħażagħ għadhom ikunu vittmi tad-droga u ta’ miraġġi  żgwidanti! Għall-familji kollha Rumani milquta min-niket irridu nitolbu, sabiex is-Sena l-Ġdida bil-grazzja tal-Mulej ġġibilhom is-sabar u tiftħilhom quddiemhom iktar orizzonti sereni.

Imma kemm ġrajjiet pożittivi twettqu! Kien hemm il-missjoni Franġiskana f’numru sabiħ ta’ parroċċi Rumani. Il-programm pastorali stimola impenn maġġuri fil-promozzjoni, is-sosten u l-formazzjoni tal-familji taħt l-aspett kemm nisrani kif ukoll soċjali. U f’din il-prospettiva għandha tidher ukoll l-inawgurazzjoni tal-Istitut għall-Familja u  ż-Żwieġ, fl-Università Tal-Lateran..

Barra minn dan, kienet iddedikata attenzjoni speċjali għad-dinja kulturali u universitarja, li ntweriet fil-laqgħa mal-kleru fl-okkażjoni tar-Randan u bir-rappreżentanti tal-professuri u tal-istudenti, kif ukoll fin-nomina ta’ Isqof apposta għall-pastorali tal-kultura.

Kienu numerużi wkoll l-inizjattivi karitattivi: dawn immultiplikaw ruħhom favur il-foqra, ir-rifuġjati u l-persuni bla stat ; biżżejjed niftakru li l-“Caritas” dijoċeżana waslet biex tforni elf platt kuljum lil dawk l-iktar fil-bżonn.

Għal dan kollu niżżu ħajr lill-Mulej, waqt li nitolbuh bil-ħeġġa li s-Sena l-Ġdida, li ma tulha se tibda s-Sena Mqaddsa tar-Redenzjoni, issaħħaħ u tmexxi għal miri oħra l-impenn ġeneruż ta’ kulħadd għal xhieda nisranija dejjem iktar effikaċi.

6. Irridu nagħlqu din is-sena ta’ ħajjitna b’mod adegwat, bħal ktieb li niktbu flimkien bl-istorja tan-nazzjonijiet u tal-umanità, waqt li nesprimu f’din l-aħħar siegħa tagħha r-ringrazzjament u t-tifħir tagħna quddiem Dak, li, bħad-“dawl veru . . . jdawwal lil kull bniedem li jiġi fid-dinja”. Amen.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading