QARI I
Aħna nxandru ’l Kristu msallab, skandlu u bluha għall-bnedmin; iżda għal dawk li huma msejħin, Kristu huwa l-qawwa ta’ Alla u l-għerf ta’ Alla.
1 Kor 1, 17-25
Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin
Ħuti, Kristu ma bagħatnix biex ngħammed iżda biex inxandar l-Evanġelju, mhux bi kliem l-għerf sabiex ma jiġix fix-xejn is-salib ta’ Kristu. Il-predikazzjoni tas-salib hija bluha għal dawk li jintilfu; imma għal dawk li jsalvaw, għalina, hi l-qawwa ta’ Alla. Bħalma hu miktub: “Neqred l-għerf tal-għorrief; inwarrab id-dehen tad-dehnin”. Fejn hu l-għaref? Fejn hu l-iskriba? Fejn hu l-filosfu ta’ din id-dinja? Forsi Alla ma bellahx l-għerf tad-dinja? U billi, fl-għerf ta’ Alla, id-dinja b’għerfha ma għarfitx lil Alla, Alla għoġbu jsalva lil min jemmen bil-bluha tal-predikazzjoni. Għax il-Lhud jitolbu s-sinjali, u l-Griegi jfittxu l-għerf, imma aħna nxandru ’l Kristu msallab, skandlu għal-Lhud u bluha għall-Griegi; iżda għal dawk li huma msejħin, sew Lhud sew Griegi, Kristu huwa l-qawwa ta’ Alla u l-għerf ta’ Alla. Għax il-bluha ta’ Alla hija għarfa iktar mill-bnedmin, u d-dgħufija ta’ Alla hija aqwa mill-bnedmin.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
SALM RESPONSORJALI
Salm 32 (33), 1-2.4-5.10ab u 11
R/. (5b): Bit-tieba tal-Mulej mimlija l-art
Għannu, ġusti, bil-ferħ lill-Mulej;
jixirqilhom ifaħħruh in-nies sewwa.
Faħħru l-Mulej bid-daqq taċ-ċetra;
għannulu fuq l-arpa b’għaxar kordi. R/.
Għax sewwa hi l-kelma tal-Mulej,
kollox bil-fedeltà huwa għamel.
Hu jħobb id-dritt u s-sewwa;
bit-tieba tal-Mulej mimlija l-art. R/.
Il-Mulej ixejjen il-fehmiet tal-ġnus,
ifixkel il-ħsibijiet tal-popli.
Imma l-fehma tal-Mulej tibqa’ għal dejjem,
minn żmien għal żmien il-ħsibijiet ta’ moħħu. R/.
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Lq 21, 36
Hallelujah. R/. Hallelujah
Ishru, u itolbu l-ħin kollu,
biex tkunu tifilħu tieqfu quddiem Bin il-bniedem.
R/. Hallelujah
EVANĠELJU
Ara l-għarus! Oħorġu ilqgħuh!
Mt 25, 1-13
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu din il-parabbola: “Is-Saltna tas-Smewwiet ixebbhuha ma’ għaxar xebbiet li ħarġu bl-imsiebaħ tagħhom biex jilqgħu l-għarus. Ħamsa minnhom kienu boloh u ħamsa għaqlin, għax il-boloh ħadu l-imsiebaħ imma ma ħadux żejt magħhom, waqt li l-għaqlin ħadu mhux biss l-imsiebaħ iżda wkoll iż-żejt fil-kwies. L-għarus iddawwar ma ġie, u għalhekk ilkoll ħadhom in-ngħas u raqdu.
Imbagħad f’nofs ta’ lejl instama’ min jgħajjat: “Ara l-għarus! Oħorġu ilqgħuh!”. Dawk ix-xebbiet qamu lkoll u ħejjew l-imsiebaħ tagħhom. Iżda l-boloh qalu lill-għaqlin: “Agħtuna ftit żejt minn tagħkom, għax l-imsiebaħ tagħna jintfew”. Qabżu l-għaqlin u qalu: “Għandu mnejn ma jibqax biżżejjed, la għalina u lanqas għalikom! L-aħjar, morru għand tal-ħanut u ixtru għalikom”.
Xħin dawk marru biex jixtru jiġi l-għarus; dawk li kienu lesti daħlu miegħu għall-festa tat-tieġ, u l-bieb ingħalaq. Sa fl-aħħar waslu wkoll ix-xebbiet l-oħra, u bdew jgħidu: “Sinjur, Sinjur, iftħilna!”. Iżda hu weġibhom u qal: “Tassew, ngħidilkom, lilkom ma nafkomx”.
Ishru, mela, għaliex la tafu l-jum u lanqas is-siegħa”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu