Il-Papa f’Santa Marta: Qatt tgħid kontra l-oħrajn

Print Friendly, PDF & Email

L-Erbgħa, 27 ta’ Marzu 2013: Li tgħid kontra xi ħadd huwa ekwivalenti għal tbigħu bħal ma għamel Ġuda, li biegħ lil Ġesù għal tletin biċca flus. U proprju waqt li ħa spunt mill-Evanġelju ta’ Mattew li jħabbar bil-quddiem it-tradiment tal-appostlu, fl-omelija qasira tal-quddiesa ċċelebrata dalgħodu l-Erbgħa 27 ta’ Marzu 2013, fil-kappella tad-Domus Sanctæ Marthæ, il-Papa Franġisku wissa dwar  it-tqasqis bi stedina espliċita u ċara: ‘Qatt tqasqsu kontra persuni oħra.’

Għaċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa kienu preżenti, kif issa saret ħaġa komuni, diversi dipendenti Vatikani, fosthom grupp tal-Elimosinerija Appostolika u ieħor mis-Servizz tat-Telefon tal-Vatikan, akkumpanjati rispettivament mill-Elimosenjeru tal-Qdusija Tiegħu, l-Arċisqof Guido Pozzo, u d-Direttur tat-Telekomunikazzjonijiet, Patri Fernando Vèrgez Alzaga. Dawn tal-aħħar ikkonċelebraw flimkien mal-Papa.

Lil dawn preżenti l-Papa ried iħallilhom riflessjoni dwar il-ġest imwettaq minn Ġuda, wieħed mill-ħbieb ta’ Ġesù, li ma jaħsibhiex darbtejn biex ibigħu lill-mexxejja tal-qassisin. Huwa rrifletta li Ġesù huwa bħal merkanzija: jiġi mibjugħ. Jiġi mibjugħ f’dak il-waqt, enfasizza l-Papa, u tant drabi oħra fis-suq tal-istorja, fis-suq tal-ħajja, fis-suq ta’ ħajjitna. Meta aħna nagħmlu għażla għat-tletin biċca flus, inwarrbu lil Ġesù fil-ġenb.

Skont il-Papa, meta mmorru għand xi ħadd li nafuh u d-diskors isir tqasqis, seksik, dan huwa bejgħ, u l-persuna fin-nofs tat-tqasqis tagħna ssir merkanzija. Filwaqt li ammetta li ma jafx għaliex, il-Papa kompla jinsisti li hemm ferħ skur fit-tqasqis. Jinbeda bi kliem sabiħ, imma mbagħad jasal it-tqasqis. U jibda dak it-tnittif tal-ieħor. U huwa għal dak il-waqt li rridu naħsbu li, kull darba li nġibu ruħna hekk, inkunu qegħdin nagħmlu l-istess fatt ta’ Ġuda li, meta mar għand il-mexxejja tal-qassisin biex ibigħ lil Ġesù, ma kellux fehma, ma kellux imħabba, ma kellux ħbiberija.

U hekk il-Papa Franġisku reġa’ lura lejn tema li hija tant għal qalbu, dik tal-maħfra.  Huwa wissa li għandna naħsbu u nitolbu maħfra għaliex dak li nagħmlu lill-ieħor, lil ħabib, inkunu nagħmluh lil Ġesù. Għaliex Ġesù jinsab f’dak il-ħabib. U jekk nindunaw li kliemna jista’ jagħmel ħsara lil xi ħadd, nitolbu lill-Mulej, nitkellmu mal-Mulej dwar dan, għall-ġid tal-ieħor: ‘Mulej, għinu.’ M’għandix inkun jien – spiċca jgħid il-Papa – li nagħmel ġustizzja bi lsieni. Nitolbu din il-grazzja lill-Mulej.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb


Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading