Il-Papa f’Santa Marta: Il-grazzja tad-dmugħ

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta, 2 ta’ April 2013: Hija grazzja speċjali dik li l-Papa Franġisku jistieden biex nitolbu: il-grazzja tad-dmugħ. Għaliex huwa d-dmugħ li jħejjina biex naraw lil Ġesù. Dan spjegah il-Qdusija Tiegħu nhar it-Tlieta filgħodu, 2 ta’ April 2013, waqt il-quddiesa ċċelebrata fil-kappella tad-Domus Sanctæ Marthæ, li għaliha, kif issa saret drawwa, ħa sehem grupp ta’ dipendenti Vatikani. Din id-darba kien imiss lill-aġenti tal-korp tal-Ġendarmerija u tal-Vigili del Fuoco tal-Belt tal-Vatikan, immexxija mill-Kmandant Domenico Giani.

Waqt li kkummenta l-episodju tal-Evanġelju ta’ Ġwanni fejn hemm referenza għas-sentenza ‘Rajt lill-Mulej!’ li qalet Marija ta’ Magdala li kienet ħaslitlu riġlejh bi dmugħha u mbagħad ixxuttathomlu b’xagħarha (Ġwanni20, 11-18), il-Papa Franġisku fakkar li Ġesù ħafer tant dnubiet lil din il-mara għaliex ‘tant kienet ħabbet’. Għalhekk reġa’ ppropona x-xhieda offruta mill-mara mistmerra minn dawk li kienu jqisu lilhom infushom ġusti, filwaqt li hi trid tiffaċċja l-falliment tat-tamiet kollha tagħha. L-imħabba tagħha, qal il-Papa, m’għadhiex hemm, u bkiet. Huwa waqt id-dlam. Madankollu hi ma tgħidx, ‘Fallejt’. Stramba, le? Sempliċement tibki. Araw, kultant f’ħajjitna d-dmugħ huwa n-nuċċali biex naraw lil Ġesù. Hemm waqt f’ħajjitna li d-dmugħ biss iħejjina biex naraw lil Ġesù.

X’inhu l-messaġġ ta’ din il-mara? ‘Rajt lill-Mulej.’ Dan huwa eżempju għall-mixja ta’ ħajjitna, qal il-Papa, filwaqt li żied li f’ħajjitna, ilkoll kemm aħna qsamna mumenti ta’ ferħ, ta’ niket, ta’ dwejjaq.  Ilkoll għaddejna minn dawn l-affarijiet, iżda l-mistoqsija li taqa’ quddiemna hija: imma bkejna? Fil-mumenti l-iktar skuri, bkejna? Kellna dak ir-rigal tad-dmugħ li ħejjielna lil għajnejna biex naraw lill-Mulej?

Il-Papa Franġisku kompla jgħid li, waqt li naraw lil din il-mara li tibki, aħna nistgħu wkoll nitolbu lill-Mulej il-grazzja tad-dmugħ. Hija grazzja sabiħa. Grazzja sabiħa. Il-biki huwa frott ta’ kollox: tat-tajjeb, ta’ dnubietna, tal-grazzi, saħansitra tal-ferħ. Tibki bil-ferħ, dak il-ferħ li aħna tlabna li jkollna fis-sema u li issa qegħdin induqu. Tibki. Il-biki jħejjina biex naraw lil Ġesù. U l-Mulej jagħtina l-grazzja, lilna lkoll, li b’ħajjitna ngħidu, ‘Rajt lill-Mulej.’ ‘Għaliex, deherlek?’ ‘Le, ma nafx; imma rajtu, rajtu ġewwa qalbi. U għaliex rajtu ħaj b’dan il-mod.’ Din hija x-xhieda: ‘Rajt lill-Mulej.’  Sabiħ! U aħna lkoll nistgħu nagħtu din ix-xhieda: ‘Ngħix hekk għaliex rajt lill-Mulej.’

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb


%d bloggers like this: