It-Tlieta, 26 ta’ Marzu 2013: Il-Papa Franġisku ċċelebra wkoll il-quddiesa fil-kappella tad-Domus Sanctæ Marthæ nhar it-Tlieta 26 ta’ Marzu 2013, filgħodu. F’din il-ġurnata huwa ried li jkunu miegħu fuq l-altar is-saċerdoti li normalment ikunu ospitati fir-residenza Vatikana. Dawn regġħu lura fl-abitazzjonijiet tagħhom il-ġurnata ta’ qabel wara li kienu ħarġu minnhom u ħallewhom għal xi ġimgħat biex ikunu ospitati fihom il-Kardinali li kienu Ruma minħabba l-konklavi. Kienu b’kollox madwar erbgħin saċerdot, bejn uffiċjali tas-segreterija tal-Istat u ta’ oqsma u dikasteri oħra. Magħhom kien hemm ukoll l-Arċisqfijiet Angelo Acerbi, Peter Paul Prabhu u Luigi Travaglino, Nunzji Appostoliċi. Din hija familja saċerdotali li minnha l-Papa qal li jagħmel sehem u li lilha, qabel ma ta l-barka tal-aħħar, esprima r-ringrazzjament tiegħu.
Waqt li fil-qosor ikkummenta l-pass tal-Evanġelju ta’ Ġwanni (13, 21-33; 36-8) li fih Ġesù jitkellem dwar it-tradiment ta’ Ġuda u jfakkar lil Pietru li kellu jiċħdu tliet darbiet, il-Papa qasam ma’ dawk preżenti r-riflessjoni tiegħu dwar żewġ kelmiet: il-lejl u l-ħlewwa tal-maħfra ta’ Kristu.
Kien bil-lejl meta Ġuda ħareġ miċ-cenaklu, u l-Qdusija Tiegħu enfasizza li kien il-lejl barra u ġewwa fih. Imma, fakkar, li hemm lejl ieħor, lejl proviżorju li lkoll nafuh u li fih, minbarra d-dlam, hemm dejjem it-tama. Huwa l-lejl tal-midneb li mill-ġdid jiltaqa’ ma’ Ġesù, mal-maħfra tiegħu, maż-żegħila tal-Mulej. Il-Papa Franġisku stieden biex niftħu qalbna u biex niggustaw il-ħlewwa ta’ din il-maħfra – l-istess ħlewwa li kienet imfissra fil-ħarsa ta’ Kristu lil Pietru li kien ċaħdu.
Kemm hu sabiħ li nkunu qaddisin, temm jgħid il-Qdusija Tiegħu, imma kemm huwa wkoll sabiħ li niġu maħfura!
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb