Il-Papa f’Santa Marta: Żewġ ħruġ għan-Nisrani

Print Friendly, PDF & Email

Is-Sibt, 11 ta’ Mejju 2013: Il-pjagi ta’ Ġesù għadhom preżenti fuq l-art. Biex nagħrfuhom hemm bżonn li noħorġu minna nfusna u mmorru niltaqgħu ma’ ħutna fil-bżonn, mal-morda, mal-injoranti, mal-foqra, mal-isfruttati. Dan huwa l-‘eżodu’ li l-Papa Franġisku indika lill-Insara fl-omelija tal-quddiesa ċcelebrata s-Sibt filgħodu, 11 ta’ Mejju 2013, fil-kappella tad-Domus Sanctæ Marthæ.

Il-Papa spjega li dan ifisser ħruġ minna nfusna li jsir possibbli permezz tat-talb lejn il-Missier f’isem Ġesù. It-talb li jdejjaqna, għall-kuntrarju, huwa dejjem ġewwa fina, bħal ħsieb li jiġi u jmur. Imma l-veru talb huwa ħruġ minna nfusna lejn il-Missier f’isem Ġesù, huwa eżodu minna nfusna li jitwettaq proprju bl-interċessjoni ta’ Ġesù, li quddiem il-Missier iġiegħlu jara l-pjagi tiegħu.

Imma kif nagħrfu dawn il-pjagi ta’ Ġesù? Kif huwa possibbli jkollok fiduċja f’dawn il-pjagi jekk ma tkunx tagħrafhom? U liema hija l-iskola fejn titgħallem tagħraf il-pjagi ta’ Ġesù, dawn il-pjagi saċerdotali, ta’ interċessjoni? It-tweġiba tal-Papa kienet waħda bla ħabi.  Huwa stqarr li jekk aħna ma jirnexxilniex inwettqu dan il-ħruġ minna nfusna lejn dawk il-pjagi, ma nitgħallmu qatt il-libertà li twassalna għall-ħruġ l-ieħor minna nfusna, lejn il-pjagi ta’ Ġesù.

Minn hawn toħroġ l-immaġni taż-żewġ ħruġ minna nfusna indikati mill-Qdusija Tiegħu: tal-ewwel huwa lejn il-pjagi ta’ Ġesù, l-ieħor lejn il-pjagi ta’ ħutna rġiel u nisa. U din hija t-triq li Ġesù jrid fit-talb tagħna. Kliem li jsib il-konferma tiegħu fl-Evanġelju ta’ Ġwanni (16, 23-28) fil-liturġija tal-jum, silta li fiha Ġesù huwa ta’ ċarezza diżarmanti: ‘Fis-sewwa, fis-sewwa  ngħidilkom: jekk titolbu xi ħaġa lill-Missier f’ismi, Huwa jagħtihielkom.’ Il-Papa nnota li f’dawn il-kelmiet hemm novità fit-talb: ‘f’ismi’. Il-Missier, mela, jagħtina kollox, imma dejjem f’isem Ġesù.

Xi jfisser dan it-talb f’isem Ġesù? Din hija novità li Ġesù jirrivela proprju fil-waqt li fih iħalli din l-art u jerġa’ lura għand il-Missier. Il-Papa fakkar li fis-solennità tal-Axxensjoni ċċelebrata l-Ħamis li għadda, inqrat silta mill-Ittra lil-Lhud fejn, fost l-oħrajn, jingħad: ‘minħabba li għandna l-libertà li mmorru għand il-Missier.’ Din hija libertà ġdida. Il-bibien huma miftuħa: Ġesù, waqt li mar għand il-Missier, ħalla l-bibien miftuħin. Mhux għaliex nesa jagħlaqhom, imma għaliex huwa nnifsu huwa l-bieb. Huwa hu l-medjatur tagħna, u minħabba f’hekk jgħid: ‘f’ismi’. Fit-talb tagħna, ikkaratterizzat minn dak il-kuraġġ li jtina Ġesù stess, nitolbu allura lill-Missier f’isem Ġesù: ‘Ħares lejn Ibnek u agħmilli dan!’

Il-Qdusija Tiegħu mbagħad irrijevoka l-immaġni ta’ Ġesù li jidħol fis-santwarju tas-Sema bħala saċerdot. U Ġesù, sa tmiem id-dinja, huwa, bħala saċerdot, jinterċedi għalina: hu jinterċedi għalina. U meta aħna nitolbu lill-Missier, waqt li ngħidu ‘Ġesù’, nissenjalaw, ngħidu, nagħmlu riferiment għall-medjatur. Huwa jitlob għalina quddiem il-Missier.

Mela, waqt li rrefera għall-pjagi ta’ Ġesù, il-Papa nnota li, fil-qawmien mill-imwiet tiegħu, Kristu kellu ġisem tassew sabiħ: il-pjagi tal-flaġellazzjoni, tax-xewk, għabu, kollha; it-tbenġil tad-daqqiet għab kollu. Imma hu, żied il-Papa, ried li dejjem ikollu l-pjagi, u l-pjagi huma preċiżament it-talba tiegħu ta’ interċessjoni lill-Missier. Din hija n-novità li Ġesù jgħidilna: waqt li jistedinna biex ikollna fiduċja fil-passjoni tiegħu, ikollna fiduċja fir-rebħa tiegħu fuq il-mewt, ikollna fiduċja fil-pjagi tiegħu. Infatti huwa hu s-saċerdot u dan huwa s-sagrifiċċju: il-pjagi tiegħu. Dan kollu jagħtina fiduċja, jagħtina l-kuraġġ biex nitolbu, għaliex, kif kiteb l-Appostlu Pietru, ‘bil-pjagi tiegħu sfajtu mfejqa.’

Fl-għeluq il-Qdusija Tiegħu fakkar pass ieħor tal-Evanġelju ta’ Ġwanni: ‘S’issa ma tlabtu xejn f’ismi: itolbu u taqilgħu, sabiex il-ferħ tagħkom ikun sħiħ.’ Il-Papa spjega li r-riferiment huwa għall-ferħ ta’ Ġesù, għall-ferħ li jrid jiġi. Dan huwa l-mod ġdid tat-talb: bil-fiduċja, b’dak il-kuraġġ li jgħarrafna li Ġesù jinsab quddiem il-Missier u jurih il-pjagi tiegħu; imma wkoll bl-umiltà biex nagħrfu u nsibu l-pjagi ta’ Ġesù f’ħutu fil-bżonn. Hija din it-talba tagħna fil-karità.

Jalla l-Mulej jagħtina din il-libertà li nidħlu f’dak is-santwarju fejn Hu huwa s-saċerdot u jinterċedi għalina u kwalunkwe ħaġa li nitolbu lill-Missier f’ismu, Dan jagħtihielna. Imma wkoll jagħtina l-kuraġġ li mmorru f’dak is-santwarju l-ieħor li huwa l-pjagi ta’ ħutna rġiel u nisa li qegħdin ibatu, li għadhom iġorru s-salib u li għadhom ma rebħux bħal ma rebaħ Ġesù.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb


Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading