Il-Papa f’Santa Marta: Id-dwejjaq mhumiex insara

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa, 10 ta’ Mejju 2013: Dalgħodu, il-Ġimgħa 10 ta’ Mejju 2013, waqt il-quddiesa fil-kappella tad-Domus Sanctæ Marthæ, il-Papa Franġisku tkellem dwar il-ferħ għaliex b’xi mod ried jiddeskrivi dak li kien qiegħed iħoss minħabba l-preżenza, fl-istess residenza, tal-Qdusija Tiegħu Tawadros II, il-Papa ta’ Lixandra, u xtaq jaqsam dan il-ferħ tiegħu mal-fidili preżenti għaċ-ċelebrazzjoni.

Il-Papa qal li f’dak il-jum, infatti, kellhom motiv sabiħ ta’ ferħ f’dik id-Dar fejn kien akkomodat il-Papa ta’ Lixandra, il-Patrijarka tal-Knisja ta’ Marku.  Huwa spjega wkoll ir-raġuni għall-ferħ tiegħu, billi stqarr: ‘Dan huwa ħuna Isqof, huwa Isqof bħali, u jmexxi l-Knisja ’l quddiem. Nitolbu lill-Mulej li jbierku u jgħinu fil-ministeru tiegħu li jmexxi ’l quddiem il-Knisja Kopta tiegħu; u għalina wkoll, sabiex nagħrfu flimkien interrqu din il-parti tat-triq. Dan huwa tassew ferħ:  ferħ żgħir tallum. Niżżu ħajr lill-Mulej għal dan il-ferħ.’ Il-Papa kien laqa’ lill-Patrijarka filgħodu, il-Ħamis 9 ta’ Mejju 2013, meta l-kap tal-Knisja Kopta tal-Eġittu wasal proprju fid-Dar Santa Marta fejn biħsiebu jibqa’, flimkien mas-segwitu kollu tiegħu, sat-13 ta’ Mejju 2013, meta tintemm il-waqfa tiegħu f’Ruma. Dalgħodu saret l-udjenza uffiċjali, kif qegħdin nirreferu f’din l-istess paġna.

Ir-riflessjoni dwar il-ferħ kienet ispirata minn silta mill-Evanġelju ta’ Luqa (24, 50-53) li fiha jitkellem dwar l-Axxensjoni tal-Mulej u jirrakkonta dwar id-dixxipli li reġgħu lura Ġerusalem mimlija ferħ. Il-Papa spjega li r-rigal li Ġesù kien tahom ma kienx ċerta nostalġija, imma kien ferħ.  Ġesù tahom dak il-ferħ li iktar ’il quddiem il-Papa jgħid li għandhom jikkultivaw u jixhdu wkoll illum l-Insara biex ma jkunux imdejqin. Huwa żied li l-Insara mdejqin għandhom ‘wiċċ ta’ bżar aħdar fil-ħall’.

Il-ferħ li dwaru tkellem huwa dak li Ġesù kien wiegħed lid-dixxipli: il-ferħ nisrani. Huwa kien assigurahom li ħadd ma jista’ jeħodulhom. Imma x’inhu dan il-ferħ?, staqsa l-Papa. Huwa allegrija? Le: l-allegrija mhix l-istess. L-allegrija hija tajba, li tallegra ruħek huwa tajjeb, imma l-ferħ huwa xi ħaġa iktar, huwa xi ħaġa oħra. Il-ferħ ma jiġix mill-motivi tal-mument. Huwa xi ħaġa iktar profonda; huwa rigal. L-allegrija, jekk irridu ngħixuha l-ħin kollu, fl-aħħar tinbidel f’leġġerezza, superfiċjalità, u wkoll twassalna għal dak l-istat ta’ nuqqas ta’ għerf nisrani, tagħmilna xi ftit boloh, inġenwi. Le? Kollox huwa allegrija? Le. Il-ferħ huwa ħaġ’oħra. Il-ferħ huwa rigal tal-Mulej. Il-ferħ jimliena minn ġewwa. Huwa bħal dlik tal-Ispirtu.  U dan il-ferħ huwa fis-sigurezza li Ġesù huwa magħna u mal-Missier.

Il-Papa fakkar li l-jum ta’ qabel kien qal li Pawlu kien imur jipprietka u kien joħloq pontijiet għaliex kien żgur minn Ġesù.  Huwa qal li hija dik l-istess sigurezza li timliena bil-ferħ. Il-ferħan, il-ferħana, huwa raġel, hija mara, żgur, żgura li Ġesù huwa magħna. Imma din hija sigurezza li jista’ jkollna dejjem? Din hija sigurezza li nistgħu nibbottiljawha biex tkun dejjem magħna?, staqsa l-Papa b’espressjoni kkulurita. Le, għaliex jekk irridu li jkollna dan il-ferħ għalina biss, fl-aħħar jimrad u qalbna ssir xi ftit imkemmxa u wiċċna ma jittrasmettix dak il-ferħ kbir, imma dik in-nostalġija, dik il-melankonija li mhix b’saħħitha. Xi drabi dawn l-Insara mdejqa għandhom wiċċ ta’ bżar aħdar fil-ħall u mhux dak ta’ min ikun ferħan u jkollu għeja sabiħa.

Imma l-ferħ, żied il-Qdusija Tiegħu, ma jistax jieqaf: hemm bżonn li jkompli javvanza għaliex huwa virtù pellegrina. Huwa rigal li jimxi, li jimxi fuq it-triq tal-ħajja, jimxi ma’ Ġesù: jipprietka u jxandar lil Ġesù.  Il-ferħ itawwal it-triq u jwessa’ t-triq. U huwa virtù tal-kbar, ta’ dawk il-kbar li huma ’l fuq mill-ftit, li huma ’l fuq minn dawn il-pikkolezzi umani, li ma jħallux lilhom infushom jiddaħħlu f’dawk l-affarijiet żgħar interni tal-komunità, tal-Knisja, imma jħarsu dejjem lejn l-orizzont. Il-ferħ, kompla l-Isqof ta’ Ruma, huwa virtù tal-mixi. Santu Wistin kien jgħid: ‘Kanta u imxi!’ Dan huwa l-ferħ tan-Nisrani: in-Nisrani jkanta bil-ferħ u jimxi, u jġorr dan il-ferħ. Ukoll jekk dan il-ferħ kultant huwa ftit moħbi mis-salib, imma jkanta u jimxi. Il-ferħ jaf ifaħħar lil Alla bħall-Appostli meta reġgħu lura mill-muntanja, wara l-Axxensjoni ta’ Ġesù.

Il-ferħ, ikkonkluda l-Papa, huwa r-rigal li jġibna għall-virtù tal-manswetudni. In-Nisrani huwa manswet.  Ma jistax ikun beżżiegħ: huwa manswet. U proprju l-manswetudni hija l-virtù tan-nifs, hija l-virtù li tavvanza dejjem, imma b’dak l-ispirtu mimli bl-Ispirtu s-Santu.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb


%d bloggers like this: