Il-Papa f’Santa Marta: L-Ispirtu s-Santu, il-mhux magħruf

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn, 13 ta’ Mejju 2013: Jiġina li ngħidu ‘l-Ispirtu s-Santu, dak il-mhux magħruf’ waqt li naħsbu dwar il-bosta li għadhom illum ma jafux jispjegaw sewwa min hu l-Ispirtu s-Santu u jgħidu, ‘Ma nafx x’naqbad nagħmel biH!’ Jew jgħidulek: ‘L-Ispirtu s-Santu huwa l-ħamiema, dak li jtik is-seba’ doni.’ Imma hekk l-imsejken Spirtu s-Santu huwa dejjem l-aħħar u ma jsibx post tajjeb f’ħajjitna.

Għal darb’oħra, dalgħodu, it-Tnejn 13 ta’ Mejju 2013, waqt l-omelija tal-quddiesa ċcelebrata fil-kappella tad-Domus Sanctæ Marthæ, il-Papa Franġisku ċċentra r-riflessjoni tiegħu fuq il-figura tal-Ispirtu s-Santu, waqt li saħaq dwar l-għarfien skars li għad għandhom illum bosta Nsara.

Il-Papa ħa spunt mir-rakkont tal-laqgħa ta’ Pawlu ma’ xi appostli f’Efesu waqt liema, hekk kif deskritt fl-Atti tal-Appostli (19, 1-8), għall-mistoqsija jekk kinux irċevew l-Ispirtu s-Santu, huma wieġbu li qatt ma kienu lanqas biss semgħu min jitkellem dwar l-eżistenza tiegħu. Biex jispjega l-episodju l-Qdusija Tiegħu rrikorra, bħas-soltu, għal rakkont ta’ mument mill-esperjenza personali tiegħu.  Huwa qal li kien jiftakar li darba, meta kien kappillan fil-parroċċa tal-Patrijarka San José, ġewwa San Miguel, waqt il-quddiesa tat-tfal, f’jum il-Pentekoste, kien għamel il-mistoqsija: ‘Min jaf min hu l-Ispirtu s-Santu?’ U t-tfal kollha għollew idhom. Huwa kompla bi tbissima li wieħed minn dawn kien wieġbu: ‘Il-paralitiku!’ Hekk qallu dak it-tifel.  Hu kien sema’ l-kelma ‘paraklitu’, u kien fehemha ‘il-paralitiku’! Hekk huwa: l-Ispirtu s-Santu dejjem huwa ftit il-mhux magħruf fil-fidi tagħna, tenna l-Papa. Ġesù jgħid dwaru, lill-Appostli: ‘Nibagħtilkom l-Ispirtu s-Santu: Hu jgħallimkom il-ħwejjeġ kollha u jfakkarkom dak kollu li għidtilkom.’ Mela l-Ispirtu s-Santu huwa Alla, Alla attiv fina, Alla li jġegħilna niftakru, Alla li jqajjem il-memorja. L-Ispirtu s-Santu jgħinna biex nibnu memorja.

U huwa tant importanti li nibnu memorja, żied jgħid il-Qdusija Tiegħu, għaliex Nisrani bla memorja mhuwiex tassew nisrani: huwa raġel jew mara priġunieri tal-mument, li m’għandhomx storja. L-Ispirtu s-Santu jgħallimhielna. Il-memorja li tiġi mill-qalb, ippuntwalizza l-Papa, hija grazzja tal-Ispirtu s-Santu. U hija hekk ukoll il-memorja tal-miżerji tagħna, ta’ dnubietna, il-memorja tal-iskjavitù tagħna…. id-dnub jirrendina skjavi. Niftakru, tenna l-Papa, li l-istorja tagħna hija kif il-Mulej fdiena.  Dan huwa sabiħ. U dan imbotta lil Pawlu biex jgħid: ‘Imma l-glorja tiegħi hija dnubieti. Imma ma niftaħarx bihom.  Huma l-unika glorja li għandi, imma hu, b’Salibu, fdieni.’

Il-memorja tagħmel tajjeb ukoll meta wieħed jiġi attakkat mill-vanità u jemmen li hu ftit jew wisq il-Premju Nobel tal-qdusija, qal il-Papa. Hawn ukoll il-memorja tagħmlilna tajjeb: ‘imma ftakru minn fejn ħtaftkom: min-naħa ta’ wara nett tal-merħla.’ Int kont wara nett fil-merħla, żied jgħid il-Papa Franġisku. Il-memorja hija grazzja kbira u l-Knisja wkoll għandha l-memorja tagħha: il-Passjoni tal-Mulej, dik il-memorja li tneħħi d-dnubiet. Għalhekk il-Qdusija Tiegħu talab il-grazzja ta’ din il-memorja għalina lkoll.  Huwa talab lill-Ispirtu s-Santu li jagħmilna lkoll ‘memorużi’, irġiel u nisa ‘memorużi’, filwaqt li fada din l-intenzjoni lill-Verġni Marija, ‘mara tal-memorja’.

Fl-aħħar tal-quddiesa l-Papa Franġisku għamel dik li huwa sejjaħ komunikazzjoni parrokkjali, meta għamel l-awgurju ta’ għeluq sninu lil Monsinjur Peter Bryan Wells, assessur tas-Segreterija tal-Istat, li kien preżenti għall-quddiesa flimkien ma’ missieru u ħuh, waqt li iżżih ħajr għal dak kollu li huwa jagħmel għall-ġid tal-Knisja.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb


%d bloggers like this: