L-anġli kustodji huma l-bieb li kuljum iressaqna lejn it-traxxendenza

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta 2 ta’ Ottubru 2018. F’jum il-festa tal-Anġli Kustodji qaddisa l-Papa ddedika l-quddiesa għal soru fl-okkażjoni tal-25 sena ta’ ħajja reliġjuża. Hija kienet preżenti għaċ-ċelebrazzjoni. Imnebbaħ mill-qari tal-liturġija tal-ġurnata, il-Papa tkellem dwar ir-rwol ta’ dawn il-protetturi, anġli, ħarriesa, boxxla li turina t-triq tal-ħajja, bieb miftuħ li jressaqna lejn Alla.

[youtube https://www.youtube.com/watch?v=CYK0CeKY_h0?rel=0&w=560&h=315%5D

‘Arani, sa nibgħat anġlu quddiemek biex iħarsek fit-triq u jwasslek fil-post li jien ħejjejt.’  Dan hu kliem l-ewwel qari meħud mill-kapitlu 23 tal-Ktieb tal-Eżodu. Huma proprju l-anġli, osserva l-Papa Franġisku fl-omelija tal-quddiesa ta’ dalgħodu fil-kappella tad-Dar Santa Marta, li jgħinuna b’mod partikolari biex nimxu t-triq tal-ħajja.

Il-ħajja hi mixja li fiha neħtieġu l-għajnuna, dil-kumpanija, dawn il-protetturi li jgħinuna nitfgħu ħarsitna fuq fejn irridu mmorru.

Matul il-mixja tal-ħajja niltaqgħu ma’ tliet perikli:

Hemm il-periklu li ma nimxux. Hemm ħafna nies, qal il-Papa, li jibqgħu statiċi, ma jiċċaqalqux, ħajjithom wieqfa u ma jagħmlu xejn. Dan hu periklu bħal ta’ dak ir-raġel tal-Vanġelu li beża’ jħaddem it-talent li ngħata. Ħbieh, baqa’ kalm u fil-paċi għax deherlu li mhu se jagħmel ebda żball.  Beża’ jirriskja, baqa’ wieqaf.

Imma aħna nafu li min fil-ħajja jibqa’ wieqaf, jispiċċa korrott bħall-ilma li, meta jistaġna, jimtela bin-nemus li jbidu u jikkorrompu kollox. Iżda l-anġlu jimbuttana, jixprunana biex nimxu.

Hemm żewġ perikli oħra fil-mixja ta’ ħajjitna, issokta Papa Bergoglio: il-periklu li niżbaljaw it-triq li jekk tkun għadha fil-bidu tista’ tissewwa, u l-periklu li nħallu t-triq biex nibdew inħufu madwar il-pjazza daqqa ‘l hawn u daqqa ‘l hinn qiesna qed nagħqdu ġo labirint li jaqbdek fix-xibka tiegħu u qatt ma jurik mnejn toħroġ.

L-anġlu qiegħed hemm biex jgħinna ma niżbaljawx it-triq. Però jeħtieġ li aħna nitolbu, nitolbu l-għajnuna. Il-Mulej jgħid: irrispetta l-preżenza tal-anġlu. L-anġlu hu awtorevoli, għandu l-awtorità li jkellimna. Nisimgħuh, nisimgħu leħnu u ma nirribellawx. Nisimgħu dak li hu jnebbaħna bih, li dejjem ikun ġej mill-Ispirtu s-Santu, imma hu l-anġlu li jwassalhulna.

U rrid nistaqsi, kompla Franġisku: Intom titkellmu mal-anġlu tagħkom? Tafu x’jismu? Tisimgħuh? Tħalluh imexxikom minn idejkom, jimbuttakom biex tiċċaqalqu?

Iżda l-preżenza u r-rwol tal-anġlu fil-ħajja hi aktar importanti minn hekk, għax mhux biss jgħinna nimxu fit-triq it-tajba, imma jurina wkoll fejn għandna naslu.

Fil-Vanġelu ta’ San Mattew li naqraw illum, hemm miktub: ‘Araw li ma tonqsux mill-istima lejn xi wieħed minn dawn iż-żgħar għax, ngħidilkom, l-anġli tagħhom fis-smewwiet dejjem jaraw wiċċ Missieri li hu fis-smewwiet.’ Għalhekk, fil-misteru tal-kustodja tal-anġlu hemm ukoll il-kontemplazzjoni ta’ Alla l-Missier. Nitolbu l-grazzja li nifhmuha din.

L-anġlu tagħna, temm l-omelija tiegħu l-Papa, mhux qiegħed magħna biss, imma qiegħed jara wkoll lil Alla l-Missier, għandu relazzjoni mal-Missier. Hu l-pont li ta’ kuljum, minn xħin inqumu sakemm immorru lura lejn is-sodda billejl, jakkumpanjana u jibqa’ f’relazzjoni kemm mal-Missier kif ukoll magħna. L-anġlu kuljum imexxina lejn it-traxxendenza, lejn il-laqgħa mal-Missier. Jiġifieri li l-anġlu jgħinni nimxi fit-triq għax qed iħares lejn il-Missier u jaf liema hi t-triq. Qatt m’għandna ninsew lil dawn il-kumpanni tagħna tul it-triq tal-ħajja.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Joe Huber

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading