L-Evanġelju tal-Erbgħa 3 ta’ Ottubru 2018


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Lq 9, 57-62

Tlitt vokazzjonijiet. Huma u miexja fit-triq jgħidilna San Luqa. Is-sejħat ma jsirux lil min ikun bilqiegħda. Min, minn bilqiegħda jaħseb li hu msejjaħ, qiegħed joħlom. Alla ma jsejjaħx lil min jgħejja qabel jibda.

Fl-ewwel wieħed hemm entużjażmu kbir. Tmur fejn tmur, jiena niġi warajk, mhix ħmerija. Imma Ġesù jħallihx jaqa’ fit-tentazzjoni tat-tmun tal-emozzjoni u l-entużjażmu bla rażan. Qatt ma pprova jgħaddi biż-żmien lil ħadd, għalkemm ħafna jaħsbu li hekk jagħmel. Fis-sejħat ta’ Ġesù m’hemmx l-illużjoni, m’hemmx iz-zunnarija quddiem il-ħmar. Ir-rejaliżmu tas-sejħa, ir-rejaliżmu tat-tweġiba u tal-impenn li ġġib magħha huwa ċar. Lil ħadd ma jsejjaħ u jwiegħdu ħajja komda. Mas-sejħa hemm stil ta’ ħajja iebes li jista’ jingħax biss jekk l-imħabba hija kbira.

It-tieni wieħed ried ilesti li kellu jlesti, ried iwieġeb meta jrid hu, iktar tard, imbagħad jara dakinhar. Ma kienx jaf meta missieru se jmut u allura ma kienx jaf meta se jwieġeb u jimxi wara Ġesù. Il-kliem ta’ Ġesù huwa iebes. La qiegħed isejjaħlek, għandu bżonnok issa u hawn. Hija drawwa qaddisa li tistenna l-ġenituri jmutu biex tidfinhom imma qatt m’għandha tkun skuża biex tiehu l-istat tiegħek u tagħmel dakli Alla qed isejjaħlek għalih. Hija skuża biex nipposponi d-deċiżjoni li qed jitlob Alla minni. Nista nwieġeb għas-sejħa u nuri r-rispett meħtieġ lil min inħobb. Ebda skuża m’hi tajba biex lil Alla ngħidlu: staqsini għada. Probabilment għada se ngħidlu l-istess.

It-tielet wieħed ried imur isellem lil tad-dar. Ried iġarrab l-emozzjoni tal-firda; ried jevalwa x’se jitlef b’periklu kbir li jaħseb li dak li se jitlef ma jaqbillux jitilfu. Ried iġedded l-imgħoddi. Ried iħares lura. Fil-ktieb tal-Ġenesi, waħda ħarset lura u saret plier tal-melħ: il-melħ mit-triq ħadd ma jiġbru. Ir-rabtiet tagħna mal-imgħoddi, iktar u iktar l-imgħoddi mċajpar tagħna, huma dejjem rabtiet; qatt ma jħalluna nimxu ’l quddiem, la spiritwalment u lanqas psikoloġikament. Ħajjitna tieqaf. Nispiċċaw nibku li tlifna u ma napprezzaw qatt dakli għandna u dak li jista’ jkollna. Kull rabta hija xkiel. Għasfur marbut b’katina ma jtirx, iżda lanqas itir għasfur marbut b’ħajta rqiqa. Għalhekk jekk inħares lura, il-moħriet jieqaf.

Jekk inħares fil-mera ninduna li Alla sejjaħli diversi drabi u għal xi raġuni jew oħra ma ddeċidejtx, kont marbut wisq. Nara wkoll li kien hemm drabi li mtlejt bil-ħeġġa u wara ftit kollox sar duħħan. Kien x’kien l-imgħoddi mhux importanti. L-importanti hu x’se nwieġeb u x’se nagħmel illum. Baqra li ma taħlibx, tajba biss għall-qatla.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.